Ix-xahar tad-Dris.

Kitba ta’ Ġużi Gatt.

Wasalna f’nofs is-sena. F’din is-sensiela ta’ artikli, qed inġibu xahar b’xahar, dak li hemm miktub fil-Kalendarju tal-Bidwi li s-Societa Agraria ta’ Malta kienet ħarġet għas-sena 1850.  Is-sena l-oħra konna ġibna x’hemm fil-Kalendarju għal Ġunju tal-1849, u dil-kitba wieħed jista’ jsibha HAWN.  Għal Ġunju 1850 il-Kalendarju tana xi qwiel ġodda, u għaddielna wkoll xi tagħrif fuq l-art moxa, li ma tinħadimx, li dak iż-żmien kien għad hawn f’pajjiżna.  Ejja naraw il-qwiel l-ewwel, imbagħad nagħtukom l-osservazzjoni fuq l-art moxa u, bħas-soltu, nagħmlu l-kummenti tagħna fejn inħossu li hemm bżonn:

Proverbji għal Ġunju:

Meta jidħol Ġunju,

Tqallibx l-art bil-moħriet,

Biex il-grass tagħha,

ix-xemx ma teħodulhiex.

 

Tidrisx fl-eħtrieq,

Biex it-tiben ma jinħeliex.

 

X’niżinlek? Ħobża ta’ ratal? Ritratt ta’ Bernard Agius u Joe Borg

L-osservazzjoni għax-xahar ta’ Ġunju kienet xi ftit twila.  Kien diskors li oriġinarjament kien inkiteb u nqara bit-Taljan, imbagħad inqaleb għall-Malti.  L-istil tal-kitba, jew aħjar tat-traduzzjoni, xejn m’hu mexxej, u trid tagħmel sforz biex taqrah, imma se nġibuh kollu għax xorta minnu nistgħu nitgħallmu xi żewġ kelmiet bżonnjużi.  Warajh imbagħad, hemm il-kummenti tagħna li forsi jfissru l-biċċa xi ftit aħjar.  Il-kelma “muxa” mhix żball, kif se naraw aktar tard. Mela kuraġġ, ejja nibdew:

Raba’ muxa mogħti b’ċens.

Wieħed mill-oġġetti prinċipali li fihom tinsab okkupata is-Societa Economico-Agraria tal-Ġżejjer tagħna, hu li tfittex bil-mezzi kollha li tista’, li r-raba’ kollu tagħna: il-muxa, xagħri, u l-ieħor li ma jinħadimx, jissewwa u jsir għammiel.  Biex dan ir-raba’ li semmejna jissewwa u jibda jagħti, hemm bżonn li jingħata ċens.  L-istorja tgħallimna illi b’dan il-mezz, ossija bil-mogħtja taċ-ċens, terza parti tar-raba’ tagħna li kien muxa, u li ma kienx jista’ jinħadem, sar tajjeb għax-xogħol, u sar għammiel.  Għalhekk bl-istess mezz jista’ jissewwa, jitjieb, u jagħmel il-bqija li baqgħalna minn dan ir-raba’.  Ta’ kemm kbira importanza jkun lill-pajjiż dan il-profitt, jidher biċ-ċar kollu lil min joqgħod jikkunsidra li għoxrin elf mill-poplu tal-kampanja tagħna, jfittex ħajtu mix-xogħol tal-art; illi kemm iżjed ikollna art li tinħadem, tant ieħor jikber ix-xogħol tal-ħaddiema u jiżdiedu l-uċuħ tar-raba’ b’mod illi filwaqt li l-industrija tal-kampanjoli jkollha biex tokkupa ruħha, il-pajjiż ma jkollux bżonn hekk kbir li jinġiebu minn barra tant effetti li nenħtieġu għalina.  Fejn imbagħad jiġu jitħawlu s-siġar f’dawk il-lokijiet li fihom jistgħu isiru, li huma bosta, mhux biss tiġi tisbieħ il-kampanja tagħna, imma l-art tissaffa minn tant ħwejjeġ ħżiena li minn xi drabi  jkun fiha, b’deni  kbir tagħha; aktar tinġibed ix-xita, eċċ.

Imma l-vantaġġ ta’ dan il-proġett aktar biċ-ċar jidher jekk konna rridu nikkonsidraw dak li l-pajjiż jakkwista meta jiġi esegwit.  Ma konniex inkabbru l-ħaġa jekk konna ngħidu illi s-somma ta’ miljun u nofs skud fis-sena kien ikun il-qligħ tal-pajjiż tagħna.  U biex ma nidhrux nitkellmu fuq ir-riħ, dak li ngħidu nappoġġjawh fuq fatti ċerti li ħadd ma jista’ minnhom jiddubita.  Minn dak li kitbu l-għorrief u l-aħjar imgħallmin tat-tnax, aħna nafu illi għad baqa’ raba’ li ma jinħadimx fil-gżejjer tagħna madwar għaxart elef modd. Ħu biss minn dawn l-għaxart elef modd biss sitta li niffiguraw li jistgħu jinħadmu u jagħmlu l-uċuħ; liem kien ikun il-qligħ u l-vantaġġ li minn dawn kien ikollu l-pajjiż tagħna?  Biex nirrispondu mingħajr ebda żball lil din il-mistoqsija, hemm bżonn li l-qligħ u l-benefiċċju li fuq semmejna, ikun ikkunsidrat fuq dawk il-parti kollha li huma fih interessati.

F’żewġ kwalitajiet jinqasam ir-raba’ li minnu qegħdin nitħaddtu; irrid ngħid f’dak li jista’ jissewwa tajjeb, fejn għall-kwalita tal-art u għall-materjali tajba li fiha jinsabu, jista’ jsir għammiel tal-qamħ, tal-ful, u ta’ ġeneri oħra minn din ix-xorta; u f’dak (ir-raba’ l-ieħor) li għad-dispożizzjoi naturali tal-art ma jkunx jagħti uċuħ oħra ħlief tal-aħdar u tan-niexef għall-bhejjem, u ta’ ġeneri oħra ċkejkna, u ta’ frott mis-siġar.  Is-sid ta’ raba’ tal-ewwel kwalita jista’ jkollu r-renta ta’ tliet skudi kull tomna raba’, u hekk it-tlett elef modd iħallu l-qligħ ta’ 144,000; u mit-tlett elef modd l-oħra b’żewġ skudi t-tomna jagħtu s-somma ta’ 96,000, illi dawn iż-żewġ somom flimkien jiffurmaw 240,000 skud.

Ejjew nieqfu u nieħdu ftit tan-nifsDan id-diskors kien qrah – bit-Taljan – Dun Celestinu Camilleri.  Xi ħadd qalbu għall-Malti u din it-traduzzjoni dehret fil-Kalendarju tal-Bidwi tal-1850.  Inħoss li min qalbu għall-Malti ma kienx ta’ xi sengħa kbira, u l-kitba hi pedantika u ddejqek.  Imma biex dan it-tagħrif ma jintilifx, ħudu paċenzja bija u se nġib il-kitba kollha.  Niltaqgħu ma xi żewġ kurżitajiet lingwistiċi, imma fuq dawn nitkellmu aktar ‘l isfel fil-kummenti tagħna.  Mela isa l-aħwa.  Ejja nkomplu naqraw.  Ma tantx fadal.

Mis-sitt elef modd fuq imsemmija, il-bidwi jkollu qligħ (wara l-ispejjeż li jkun għamel fl-art, li għalih ma jkunux hekk kbar għar-raġunijiet li hawn ma għandniex anqas biss insemmuhom) ta’ 288,00 skud mit-tlett elef modd tal-ewwel kwalita, u bejn wieħed u ieħor bis-sitt skudi kull tomna; u mitt-tlett elef modd l-oħra b’erba’ skudi t-tomna is-somma ta’ 192,000; li jagħmlu flimkien is-somma ta’ 480,000 skud.

Żid issa l-parti tal-ħaddiem, illi fis-sitt elef modd li fuq għidna, jkun dan isib xogħol għall-inqas għal tliet xhur fis-sena, f’numru ta’ tlett elef wieħed, illi b’erba’ rbajja kull jum jkun jista’ jaqla’ mas-sena 90,000 skud.

Il-pajjiż imbagħad, bil-prodotti kollha u bil-ġeneri li jixxerdu fih, u li jmorru għas-safar, li jagħmlu minn sena għall-oħra is-sitt elef modd msemmija; il-prezz u l-qligħ ikollu ta’ 672,000 skud. Ikkunsidrat infatti dan il-frott u l-qligħ kollu li jagħtu: cioe tmien skudi kull tomna l-ewwel tlett elef modd, illi jġibu s-somma ta’ 384,000, u sitt skudi kull tomna t-tieni tlett elef li jagħtu 288,000 skud: kollha jġibu s-somma ta’ 672,000 skud.

Hawn hu miġbur flimkien il-vantaġġ u l-qligħ kollu li jagħtu s-sitt elef modd raba’ meta jissewwa għax-xogħol:

Sid ir-raba’ jkollu qligħ fis-sena:              Skudi 240,000

Il-bidwi:                                                   “       480,000

Il-Ħaddiem:                                             “          90,000     

Il-pajjiż kollu:                                           “        672,000

                                                            ____________       

                                        F’kollox         Skudi 1,482,000

Jekk issa wieħed jikkunsidra l-istat u l-kundizzjoni tal-pajjiż, u ċ-ċirkustanzi kollha tiegħu; jekk wieħed jirrifletti fuq kif u biex il-poplu, speċjalment tal-kampanja, qiegħed jaqla’ l-ħobż u jgħix, dik is-siegħa jara ta’ kemm importanza hu dan il-prospett li joffri vantaġġi hekk kbar lill-pajjiżna.  Min, għalhekk, iħobb tassew l-interessi u l-feliċita tal-pajżani tiegħu, għandna moħbi taħt l-art li s-sitt elef modd raba’ muxa u li ma jinħadmux li għandna għad f’dawn il-gżejjer tagħna, jsiru jservu u jaħdmu, billi jagħtuhom ċens, la darba biċ-ċens jista’ jsir ir-raba’ minn ħażin, tajjeb u għammiel.     

(Mill-memorja tas-saċerdot Dr. D. Celestino Camilleri, minnu moqrija fis-Societa Economico-Agraria ta’ Malta.)

Hawnhekk hawn xejn art “muxa”?  Min jaqta’ fejn ittieħed dan ir-ritratt?  Ritratt ta’ Bernard Agius u Joe Borg

IL-KUMMENTI TAGĦNA

  1. L-ewwel ħaġa li tolqotna hi l-kelma “moxa” miktuba MUXA.  Għandkom tkunu tafu li din l-aħħar kelma m’għandiex tinqara muwxa, imma għandha tinqara u titleħħen bl-ewwel vokali tagħha “u” maħtufa.  Nistgħu inqabblu mal-kelma “ġiri”, jew “xiri” – l-ewwel vokali trid tkun maħtufa.  Ma nistgħax insib kelma oħra li tixxiebaħ fil-Malti standard, u kien għalhekk li l-Malti standard din il-kelma gerfixha.  Forsi bħala eżempju nistgħu nużaw il-kelma xuwa, bħal meta ngħidu “ir-raħal baqa’ forn wieħed li għadu jagħmel ix-xuwa.”  Imma anke din illum trid toqgħod tfissirha wkoll, u ħafna ma jafux jaqrawha sewwa.  Jien insibu eċitanti ħafna l-fatt li “muxa” ppronunzjata tajjeb hi eżatt kif kienu jgħidu l-kelma x-xjuħ li naf jien; u mhux taż-Żejtun biss imma ta’ rħula oħra fejn kelli ċans nistaqsi.  Interessanti wkoll li anke Vassalli, fid-dizzjunarju tiegħu, hekk jagħti l-kelma: mùxa.[1]  Tinsewx – dejjem bl-ewwel vokali maħtufa. Meta tingħad hekk, tkon konformi ma’ nisilha: ﻤﺷﺂﺀ

Fi żmienna, l-aħjar tifsira li nistgħu nagħtu tal-kelma moxa/muxa hi: art li la hi raba’ maħdum u lanqas xagħri.  Art bil-blat fil-wiċċ u b’xi ħaxix li hu tajjeb biss għall-mergħa tal-bhejjem.  Ngħid għalija jien ftit irrabjat għal dawk in-nies “tal-ambjent” li għalkemm jinkwetaw ħafna li jinqerdu s-siġar, donnhom, mill-mod inkompetenti ta’ kif jitkellmu bil-Malti, ma tantx jinkwetaw jekk jinqered ilsienna.  Meta nitkellmu bil-Malti m’hemm l-ebda raġuni għala għandna ngħidu kliem bħal garigue, makkja, jew karst meta qed nitkellmu fuq l-art ta’ pajjiżna.  Jekk tassew qed infittxu l-ġid ta’ pajjiżna, għandna naraw li l-kliem li għandna fi lsienna – saqwi, bagħli, xagħri, aħrax, bur, ġmiem, sined, tirxa, qortin, wilġa, miġra, u l-bqija, jingħata tifsira ċara u soda.  L-awtoritajiet tal-Malti għandhom id-dmir li jaraw li dan isir, u min jitkellem fuq l-ambjent għandu d-dmir li jinforma ruħu, u mhux jitkellem quddiem in-nies meta hu (jew hi) lingwistikament inkompetenti.

B’daqshekk ma jfissirx li ma nindunawx bil-mentalita dejqa li kellu minn kiteb l-osservazzjoni t’hawn fuq.  Il-kittieb qal li ried “isewwi” anke x-xagħri.  Illum nirrabbjaw, u bir-raġun, jekk xi ħadd jitfa’ l-ħamrija fuq ix-xagħri ħalli jaħdem l-art.  Ix-xagħri għandu l-importanza ekoloġika tiegħu.  Fi żmien il-kittieb ma kienx possibbli li tmur bil-gafef u trakkijiet kbar mimlija ħamrija li tħammlet minn art li issa ingħatat għall-bini, u tferragħha x’imkien ieħor.  Li ġġorr ħafna ħamrija bil-karettun kienet biċċa xogħol iebsa ħafna.  Il-kittieb żgur li kien jindiehex jara raba’ tajjeb jimbela’ mill-bini.  Li kellu f’moħħu l-kittieb kienu dawk l-irqajja’ ta’ art f’nofs ir-raba’ li billi l-blat ikun wisq fil-wiċċ, jibqgħu ma jinħadmux.  Jien naf ċert li l-bdiewa tan-naħa t’isfel ta’ Malta, fiż-żmien tas-sajf, meta xogħol fir-raba’ kien jeħfief, kienu jfittxu dawk l-irqajja’ bil-blat fil-wiċċ u jmorru jaqilgħu xi “qoxra” minnu biex iqattgħuha u joħorġu minnha xi żewġ xorok, jew xi żewġ kaptelli li setgħu jinbiegħu, jew biex ikollhom il-ġebel tas-sejjieħ għal xi gorboġ, jew biex isewwu xi selħa fil-ħajt.   Il-bdiewa kienu jlaqqtu l-ħamrija li setgħu jlaqqtu minn dik li tinġarr mal-ħamla tal-wied u tinġema’ f’xi rokna jew maqgħad, u biha kienu jimlew il-ħofor kollha li setgħu jimtlew, għax dari, fi żmiem il-ġuħ u l-għaks, ma kienx hawn roqgħa art li stajt tieħu mqar żewġ fuliet minnha, li ma kinitx tinħadem.    Barra minn hekk, fi żmien il-kittieb kien għad hawn ħafna mrieħel tal-mogħoż u n-nagħaġ.  Dawn kienu jirgħu fil-moxa, jlaqqtu li jistgħu.  Il-moxa kellu s-siwi tiegħu ukoll.  L-ilsien Malti jafu dan:  għandna l-qawl jew l-għajdun: Ix-xagħri u x-xtut, leħjet l-utut.  Din issa trid toqgħod tfissirha wkoll.  Kelma oħra antika flok “bodbod” hi l-kelma “wott”. Il-plural jiġi “utut”.  Il-wott, jew il-bodbod, ikollu d-daqna, jew leħja, taħt geddumu.  Din hi parti integrali u importanti minn ġismu, u l-bodbod jiddejjaq għall-mewt li kellek tipprova taqtagħhielu!  Mela l-Malti qed jgħid li x-xagħri u x-xtut għandhom is-siwi tagħhom fin-natura, u m’għandhomx jiġi mittiefsa. Il-moxa hi importanti wkoll.  Imma l-mod ta’ kif inleħħnu din il-kelma llum hu etimoloġikament ħażin: Muxa jrid jingħad (bl-ewwel vokali maħtufa), bħalma kienu jgħidu r-raħlin ta’ dari.

2. Jiġifieri l-aħjar ikun li naraw biss jekk mill-osservazzjoni t’hawn fuq nistgħux nerġgħu nitgħallmu xi kelma li fi żmienna armejniha.

Diġa innutajna l-kelma muxa, li ħaqqha aktar studju, u nistgħu insemmu wkoll l-użu sabiħ tal-kelma ssewwi, bħal meta qrajna: “ir-raba’ li ma jinħadimx jissewwa u jsir għammiel”.   Imma forsi l-iktar interessanti hi din:

Ħin minnhom fl-osservazzjoni naqraw li “minn dak li kitbu l-għorrief u l-aħjar imgħallmin tat-tnax, aħna nafu illi…”   Meta tfittex fil-paġna bit-Taljan tafu x’hemm miktub flok “l-imgħallmin tat-tnax?” Dalla statistica agraria!  Il-kittieb ħass li “statistika agrarja”, kif kieku ngħidu bil-Malti tal-lum, ma kinitx tinftiehem min-nies.  U għandu raġun tafux.  Jien naf ħafna nies li għalihom il-kliem “statistika agrarja” jinħass qisu xi kliem Sqalli ‘l fuq minn rashom.  Issa l-istatistika agrarja ma taqax mis-sema imma jiġbruha n-nies imħarrġin apposta.  Dawn in-nies forsi wieħed jista’ jsejħilhom, bi ftit rieda tajba, “għorrief”.  Imma imgħallmin tat-tnax?  Tgħid din minn fejn ġejja?

Fis-16 ta’ Mejju, 1972, Malta qalbet għas-sistema deċimali.  Il-kelma “deċimali” ġejja mill-Latin decimus, li tfisser għaxra, u nafu wkoll li fit-Taljan dieci tfisser ukoll għaxra.   Sistema li tgħodd in-numri fi ġmiegħi ta’ għaxra hi qadima ħafna fost il-bnedmin: forsi għax il-bniedem għandu għaxart iswaba’.  Fis-sistema deċimali, iċ-ċenteżmu fih għaxar għaxriet ta’ milleżmi, u l-ewro fih għaxar għaxriet ta’ ċenteżmi.  Litru fih għaxar deċilitri, u l-kilogramma fiha għaxar għaxriet ta’ grammi.  Kollox maqsum f’għaxra.  Bil-Malti dari konna ngħidu: Miskin għadu ma jafx jgħodd sal-għaxra!    Ma tantx għadek tissogra tgħid hekk għax it-tfal tal-lum kważi ħadd minnhom ma jaf jgħodd sal-għaxra bil-Malti – bl-Ingliż biss.

Imma qabel ma qlibna għas-sistema deċimali, aħna l-Maltin konna ilna mdorrijin inkejjlu  u ngħoddu b’sistema li tiġbor kollox fi ġmiegħi ta’ tnax.  Il-pied kien fih tnax-il pulzier, is-sold kien fih tnax-il ħabba, is-sena kien fiha tnax-il xahar, il-ġurnata kien fiha erbgħa u għoxrin siegħa li jiġu  tnax għal darbtejn, is-siegħa kien fiha sittin minuta u n-numru sittin fih ħames tnaxijiet, u nibqgħu sejrin hekk.  Sakemm ma jkun hawn ħadd fostkom li joħroġ bi spjegazzjoni aħjar, l-imgħallmin tat-tnax x’aktarx tirreferi għal dawk imħarrġin fl-użu tal-kalkoli u tan-numri u l-qisien, jiġifieri dawk li jiġbru l-istatistika.  Żommu f’raskom li meta l-Malti kien jaf biss bil-Malti u ma kienx jaf bit-Taljan jew bl-Ingliż, qatt m’għadda minn moħħu li l-Malti li kien jitkellem bih ma kienx tajjeb biex bih ifisser il-kunċetti kollha tal-ħajja.  Għal kollox kien isib kelma.  Jekk ma jkollux kelma, kien joħloqha.  Hu biss fi żmienna, meta ħafna minna f’moħħhom qed jaħsbu bl-Ingliż, li l-Malti qed jitħalla jiġġamja u jiġi mgħajjar li mhux tajjeb biżżejjed u, minn fuq, jgħajruk ukoll jekk tipprova tivvinta biex toħloq il-ġdid.  Għarukaża.

L-Imtaħleb, fi żminijiet oħra.  Ritratt ta’ Bernard Agius u Joe Borg

 

3. Tidrisx fl-eħtrieq.    U din mhux oħra? In-nies tal-lum la jafu x’jiġifieri tidrisx, u lanqas jafu x’inhu eħtrieq.  U jgħidulek li qed taqla’ l-kliem mill-qabar jekk tipprova tfehemhom.

L-umdita’ hi dik li titrabbielek mas-saqaf jew mal-ħajt jekk ma tħallibx il-bejt jew ma tiksix l-appoġġ.  Meta nitkellmu fuq it-temp għandna ngħidu RTUBA (humidity) u mhux umdita’.  L-irtuba hi l-preżenza tal-fwar tal-ilma fl-arja.  Il-meteoroloġija tkejjel l-irtuba skond il-perċentwali ta’ ilma f’ċertu volum ta’ arja.  Il-kejl tagħha jibda mix-xejn u jasal sa erbgħa fil-mija – jiġifieri jista’ jkollok sa 40 gramma ta’ ilma ġo kilogramma ta’ arja.  Meta tkun hekk ngħidu li l-irtuba hi mija fil-mija, għax mid-dehra l-arja fis-saff t’isfel ta’ l-atmosfera ma tiflaħx iktar ilma minn daqshekk.     L-oppost ta l-irtuba hu l-EĦTRIEQ (dry air).  Meta jkun eħtrieq, l-arja tkun xotta u nieqsa mill-ilma.  F’Malta l-irtuba rari li tinzel inqas minn erbgħin fil-mija – għalkemm jgħidu li ġurnata waħda f’Awwissu ta’ l-1957 niżlet għal tmienja u għoxrin fil-mija.

Tidres jiġifieri tirfes is-sbul tal-qamħ li jkun imferrex mal-art fuq il-qiegħa ħalli l-qamħa tinqala’ minn mas-sbula u taqa’ fl-art għaliha.  Il-bidwi mbagħad jiġbor il-qamħ u jwarrab il-fdalijiet l-oħra li jibqa’ fuq il-qiegħa.  Imma dawn il-fdalijiet ikun fil-biċċa l-kbira tiben – li hu bżonjuż ukoll – għax jintema’ lill-bhejjem.  Jekk tidres meta jkun eħtrieq, jiġifieri meta l-arja tkun xotta ħafna, it-tiben jitqarqaċ u jitfarrak irqiq.  Ikun aħjar jekk tidres fl-irtuba ħalli tibna tibqa’ sħiħa u tinġabar aħjar.  Il-qiegħa bl-Ingliż tissejjaħ trashing floor u l-verb tidres hu to trash.

[1] Ara ngħidu aħna x’qal Erin Serracino Inglott fil-Miklem taħt il-kelma “moxa”

(C) Gużi Gatt