Is-sitt xahar tas-sena.

Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com.

Wasalna fis-sitt xahar tas-sena.  Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju tal-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Il-Kalendarju fih ħafna tagħrif bżonjuż u xtaqna naqsmu dan it-tagħrif magħkom.  Żidna wkoll xi kummenti min-naħa tagħna, li nittamaw li jgħinu lill-qarrej jifhem iktar il-kitba:

ĠUNJU – IX-XAHAR TAD-DRIS

Dak li jidher u jsir fil-biedja:

Temperatura bejjinija tal-ajru: 23.2 C.

Traħħas: In-Naspli

Tiżhar: Iil-Ħlewwa, il-Merqtux, l-Għanbaqar, iż-Żinżel, ir-Rummien, ir-Rignu.

Issajjar:  L-Amarena, iċ-Ċirasa, il-Qamħ, il-Bitravi (pitravi), il-Bajtar ta’ San Ġwann, it-Tut, id-Dulliegħ,  il-Lanġas, il-Ħlewwa, ll-Fiġel.

Ix-Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Bagħli:

Jitħawwel: Il-Pastard qalb il-qoton u l-bħajra.

Jitnaqqa u Tirmonda: Il-Qoton.

Jinħasad u Jindires: il-Qamħ.

Tinqala’: L-irjus tal-Basal, u l-patata.

Ix-Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Saqwi u fil-Ġonna:

 Jinżara’: It-Tut, iċ-Ċewsi (ċawsli), il-Kurrat.

Jiddakkar: It-Tin.

Jinżabru, Jitlaqqmu, u Jissaqqew: L-Agrumi.

Jinġabar: Il-Fosdoq tad-Dud tal-Ħarir, u l-Buttuni tal-Kappar.

Proverbji:

Tgħoddx tiegħek il-ħlewwa,

Qabel ma tkun ġewwa.

 

L-Andar bil-ħalel kbar,

Jagħti lin-nies u lill-ħmar.

 

F’Marqad il-mogħoż, ma tiħux żbul,

Marqad il-baqar jagħnik sinjur.

 

Riħ ta’ siegħa,

Inaddaf qiegħa.

Osservazzjoni:

Meta l-weraq tat-tabakk jibda jisfar, għandu jinġabar.  Tibda minn dawk ta’ taħt, imbagħad tan-nofs, u fl-aħħar tal-quċċata, għaliex il-weraq tat-tabakk isir ftit ftit. Wara li jinqata’ l-weraq, għandu jitqiegħed għal tlieta jew erbat ijiem fuq it-tiben, werqa fuq l-oħra, sa jogħlew xibrejn u kwart, jew xibrejn u nofs, u dan għaliex (hekk) jitbielu u ma jitkissrux meta tmisshom.  Wara dan, il-weraq għandu jinxaqq fuq l-għasluġ tiegħu tan-nofs, għal żewġ terzi minn tulu; tibda minn taħt il-għerq.  Jindammu f’għesieleġ, u jitqiegħdu fejn għandhom jinxfu.  Hemm jitħallew sakemm ma jibqgħux iżjed ħodor, u ma joħroġ iżjed umdu meta tagħfas bejn subgħajk il-għerq fejn hu l-aktar oħxon.  F’ġurnata niedja għandu wieħed ilembeb il-weraq f’rombli ta’ ratal ‘il wieħed; u jqiegħdom wieħed fuq l-ieħor saff fuq saff għoli ta’ tlieta jew ħamest ixbar; u tħallihom hekk għal xahar u nofs. La jgħaddi dan iż-żmien terġa’ tqanqalhom, iddawwar fuq ir-romblu ta’ taħt, u tkabbar il-gziez tiegħu darb’oħra iżjed minn tal-ewwel.  Ħalluh issa jsir it-tabakk, għala jisħon u jitjieb, jew jeħżien jekk jisħon wisq.  Wara xahar imbagħad għandu jerġgħu jitqallbu darb’oħra il-gziez.  Il-lok li fih għandu jsir dan ix-xogħol kollu li semmejna, għandu jkun fil-għoli, f’lok wiesa’, u li jaħdem fih ir-riħ. It-twieqi għandhom jinfetħu meta l-ajru mhux niedi. (Mill-ġurnal tal-Ħwejjeġ Utli).

IL-KUMMENTI TAGĦNA

Billi fuq paġna waħda hemm il-Malti, u fuq l-oħra hemm it-Taljan, nafu li:

  • Temperatura bejjinija: bit-Taljan tiġi temperatura media

 

  • Traħħas jiġifieri toħroġ il-weraq il-ġdid; tiżhar jiġifieri toħroġ iż-żahar li maż-żmien isiru frott. Ara x’għidna fuq dan is-suġġett fix-xhur ta’ qabel.

 

  • Rignu hi Dan x’aktarx kien jitkabbar fil-qsari, bħan-nagħniegħ, merqtux, tursin, u l-bqija. Jew forsi ftit aktar fil-kobor, bħat-tursin u l-karfus.  Min jaf? Ara ftit x’għidna fuq ir-rignu fix-xahar ta’ Mejju.

 

  • Amerena hi mogħtija bħala Amarena bit-Taljan ukoll. Hi dik li bl-Ingliż tissejjaħ sour cherry, tart cherry jew dwarf cherryPrunus cerasus.  Hi għamla ta’ ċirasa.  Jiena minn dejjem smajt li ċ-ċirasa ma tantx tikber f’Malta, imma l-Kalendarju tal-Bidwi jsemmiha iktar minn darba.  F’dan ix-xahar anke jagħżel bejn l-amarena u ċ-ċirasa, għax mid-dehra jqishom żewġ varjetajiet differenti.  Anke Pietru Pawl Castagna jsemmiha fil-ktieb tiegħu Lis-storia ta Malta bil-gzejer taħħa.  Jgħid:

Iċ-ċirasa hija mfaħħra wisq ukoll għat-togħma tagħha li tagħtina b’varjeta: l-amarasca, il-moscatella, u l-amarena”.

F’Malta, fis-selvaġġ, għandna wkoll iċ-ċirasa bagħlija, li hi siġra protetta mill-liġi.  Il-lista ta’ siġar protetti mill-liġi hi din.

  • Il-fiġel. B’xorti ħażina, dil-kelma qed tintilef u ħafna ma jafux xi tfisser.  Fil-kalendarju tal-Bidwi, bit-Taljan il-fiġel ingħata bħala ramolaccio, li bl-Ingliż issibha bħala radish.  Bil-Latin hi Raphanus sativus.  Issa bil-Malti l-kelma fiġel qalbitielha l-kelma rafanell.  Skont l-Enciclopedia Italiana li hemm fuq l-internet, il-kelma rafanello hi: Nome volgare del Raphanus sativus   M’għandna qatt inħallu kelma Semitika tintilef u ninbuttaw kelma min lingwa oħra.  Radish hi fiġel/fiġla

 

  • Interessanti li l-Kalendarju jgħid li f’Ġunju “jitħawwel il-pastard qalb il-qoton u l-bħajra. Jidher li b’hekk il-bidwi kien jieħu żewġt uċuħ minn l-istess qasam ta’ raba’.

 

  • Tirmonda hi rimondare. Is-sens hu li tneħħi l-weraq u forsi wkoll xi friegħi li jidhrulek li huma żejda biex ix-xitla ssaħħaħ aktar l-għalla tagħha.  F’Mejju konna għidna li dan jgħodd għad-dielja, imma skont il-Kalendarju, f’Ġunju dan jgħodd ukoll għall-qoton.

 

  • Il-Kurrat bit-Taljan hu porro. Bl-Ingliż hi leek.  Din il-ħaxixa tal-borma għadha tinbiegħ m’għand tal-ħaxix.  M’għandna qatt inħallu l-kelma Maltija tintilef.  Bil-Malti, leek huwa kurrat.  P. Castagna kiteb hekk:  Il-kampanjoli ħaddiema tagħna ma jafux jieklu l-imluħa jekk magħha ma jeħdux kurrata jew basla.

 

  • Il-kalendarju jsemmi l-Agrumi. Illum ngħidu siġar taċ-Ċitru.

 

  • Id-dudu tal-ħarir jikber ġo fosdqa. Meta joħroġ, iħalli l-fosdqa vojta warajh.  Skont il-Kalendarju, f’Ġunju kellu jinġabar dan il-fosdoq  Mela l-Kalendarju qed iqis il-kelma fosdoq bħala l-plural ta’ fosdqa.  Biex wieħed ikollu sens ta’ kemm din il-kelma kienet komuni f’ilsien in-nies (illum kważi trid toqgħod tispjega x’inhi), waħda mis-siġar protetti ta’ Malta, li ġejja mill-familja tal-pistaċċi, kienet ukoll magħrufa bħala s-siġra tal-fosdoq (pistacia therebinthus)  – għax il-frotta tal-pistaċċa toħroġ ukoll minn ġo fosdqa iebsa.  Imma anke meta tagħsar l-għeneb għall-inbid, jiġifieri tneħħi l-meraq minn ġol-qoxra tal-għenba, il-kxur vojt jissejjaħ ukoll fosdoq.  Minn mindu kont żgħir kont naf li biex tiekol rummien, l-ewwel trid tfesdaqha – toħroġ dawk is-snien ħomor minn ġol-fosdqa tagħhom.  Pietru Pawl Castagna, fil-ktieb tiegħu li diġa semmejna qal hekk meta kien qed jitkellem fuq it-tadam:

…jittiekel nej malli tibda tisfar il-fosdqa tiegħu.

Mela għal Castagna, anke l-qoxra tat-tadam hi fosdqa. U bilħaqq, għal Castagna, dawk li jien sejjaħtilhom “is-snien” tar-rummien jissejjħu il-ħabb – xi rummien ikolluħabb kbir u ħelu”It-terminoloġija ta’ Castagna aħjar minn tagħna ta’ daż-żmien.

 

  • L-Andar bil-ħalel kbar. Il-kelma ħalel forsi nafuha aktar bħala “mewġ kbir”, “il-ħalel tal-baħar”, imma l-ewwel tifsira tagħha, qabel ma tlifna ħafna mil-ħakma li kellhom missirijietna fuq ilsienna,  kienet għal dawk il-munzelli l-kbar ta’ tagħam – qamħ jew xgħir – imdawra mal-qiegħa lesti biex jindirsu.  L-għalqa fejn ikun hemm il-qiegħa mdawra bil-ħalel tal-qamħ lesti biex jibda d-dris tissejjaħ l-ANDAR, u meta l-bidwi jibda’ x-xogħol ta’ fuq il-qiegħa ngħidu li l-bidwi qiegħed fuq l-andar.  Il-Kalendarju juża l-kelma ħalel anke għal dawk il-munzelli tas-silla li dari kienu jinħażnu fuq xi bejt baxx għall-kenn.  Mhux kull għalqa u kull bidwi kellu post fejn jagħmel l-andar – jiġifieri jdawwar il-qiegħa.  Allura xi għelieqi u rziezet fejn seta’ jsir l-andar  (jiġifieri ssir il-qiegħa) ħadu huma wkoll l-isem ta’ “andar”.

L-andar bil-ħalel kbar, jagħti lin-nies u lill-ħmar. 

(ritratt ta’Bernard Agius / Joe Borg)

Il-bhejjem ikissru s-sbula u tingħażel mit-tibna

(ritratt ta’ Bernard Agius / Joe Borg)

Pietru Pawl Castagna kiteb hekk fil-ktieb tiegħu li semmejna aktar ‘il fuq:

It-tagħam li jinżera’ f’Ottubru jinħasad għal Ġunju; meta jinxef jintefa’ fuq il-qiegħa, u hemm il-bhejjem bil-mixi mdawwar tagħhom, ikissru is-sbula u tintagħżel mit-tibna: xogħol imsejjaħ mill-bidwi tagħna dris; li mbagħad bil-midra, f’ġurnata tar-riħ, jittajjar, il-qamħ jaqa’ taħt, u t-tiben imur mal-ġenb.

Iktar ma nkunu, iktar ix-xogħol isir malajr: bagħal, baqra, u tlett iħmir.

(ritratt ta’ Bernard Agius / Joe Borg)

Riħ ta siegħa jnaddaf qiegħa. 

Bidwi bil-midra (ritratt ta’ Bernard Agius / Joe Borg)

 

  • Importanti li ninnutaw kemm il-Malti li bih hi miktuba l-osservazzjoni hu Malti tajjeb, artiklolat, u m’hemm l-ebda ħjiel li min qed jikteb qed jaqleb kelma b’kelma mit-Taljan, imma qed jaħseb bil-Malti, u għandu vokabularju li llum ngħiru għalih. Ħin minnhom jingħad hekk: …il-weraq għandu jinxaqq fuq l-għasluġ tiegħu tan-nofs, għal żewġ terzi minn tulu; tibda minn taħt il-għerq.  Il-kelma għasluġ m’għandiex titħalla tintilef.  Fin-nisel tagħha il-kelma għasluġ tfisser zokk ta’ siġra li jinqata’ imma jkun għadu aħdar jew tari, u li fl-istess ħin hu iżgħar (jew inqas) minn fergħa.  Issa l-kittieb qed isejjaħ “għasluġ” anke liz-zokk qasir li kien qed jorbot il-werqa mal-fergħa.  Bl-Ingliż jingħad petiole.  Fid-disinn t’hawn taħt, l-istem jgħodd bħala għasluġ ukoll.  Petiole hu l-għasluġ tal-werqa, u stem hu l-għasluġ tal-fergħa (ara d-disinn t’hawn taħt).

Mill-banda l-oħra, biex ma ninsewhiex, għandna ngħidu li z-zokk li jżomm il-fjura, bil-Malti ngħidulu magħseb (bl-Ingliż stalk).

  • Isajjar il-Bajtar ta’ San Ġwann. Ilna ħafna ngħidu li meta l-Kalendarju jgħid “bajtar” ikun qed jirreferi għall-bajtar ta’ San Ġwann.  Il-bajtar tax-xewk dejjem hu “l-bajtar tal-indja”.  Pietru Pawl Castagna, li diġa semmejnieh jgħid hekk fil-ktieb tiegħu:

Bil-bajtar jifraħ wisq il-poplu baxx tagħna; li għal ħames xhur dejjem jagħti, issa wieħed, issa ieħor; Jibda bil-bajtar ta’ San Ġwann, imsejjaħ ukoll tin bajtri, u bil-bżengul; jgħaddi għat-tin ta’ San Sidoru (proprjament tin Zondadari), imbagħad tin abjad, tin iswed – firkizzan, u jispiċċa bil-parsott u bit-tin ġludi.” 

Dari kellna ħafna kwalitajiet ta’ tin, ferm aktar minn dawn t’hawn fuq.  Illum ftit fadal.  Kellna bżonn naraw li tin ta’ San Sidori u t-tin ġludi nerġgħu insibuhom ħalli ma jintilfux.

Ġużi Gatt (c)