L-aħħar xahar tas-sena.

Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com.

Wasalna fl-aħħar xahar tas-sena 1849.  Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju tal-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Minbarra x-xogħol li għandu jsir fir-raba’ bagħli u r-raba’ saqwi, għal kull xahar il-kalendarju kellu dik li jsejħilha “Osservazzjoni”, u qegħdin inġibu dik tax-xahar ta’ Diċembru.  Isfelnett żidna l-kummenti tagħna:

DIĊEMBRU –  IX-XAHAR TAX-XITA

Dak li jidher u jsir fil-biedja:

Temperatura bejjinija tal-ajru: 15.3 C.

Iraħħas: Il-Bużbież.

Issajjar:  Il-Lumi Larinġ, il-Larinġ mandarin.

Tinża’: Iċ-Ċirasa, il-Pistaċċi, il-Kappar, il-Qoton.

Xogħol tal-Bdiewa: Fir-raba’ Bagħli:

Tinżara’:  It-Tomnija.

Jitħawwel: Il-Basal, it-Tin.

Jinqala’:   Il-Bużbież.

Ix-Xogħol tal-Bdiewa: Fir-raba’ Saqwi u fil-Ġonna: 

Jinżera’: Il-Lewż, il-Bqajla.

Jitħawwel:  Il-Ħawħ, l-Għanbaqar, id-Dielja, it-Tuffieħ ta’ Belludja, il-Frawli.

Jitlaqqam: Il-Berquq, l-Għanbaqar, iċ-Ċiprisk fuq il-Prajn, il-Lanġas fuq l-Isfarġel.

Tinżabar: Id-Dielja.

Jingħalef: In-Naħal.

 

Proverbji:

It-Tomnija ta’ Disat ijiem,

Aħjar mill-oħra bix-xita fit-tmiem.

 

Il-Milied bil-kappell, u l-Għid bil-Mantar,

In-nies tiekol tajjeb, u l-bhejjem ikollha x’tixtarr.

 

L-aħħar tas-sena,

Lil kulħadd j’Alla ġid u hena.

 

Osservazzjoni:

Is-siġra tal-lewż tista’ tkun ta’ qligħ kbir għal min jaħdimha.  F’kull tomna raba’ jistgħu jitħawlu 64 siġra, billi tqiegħed kull qasbtejn waħda: kull siġra tagħti frott wieħed għall-ieħor wejba lewż.  Għalhekk l-64 siġra jagħtu 16-il modd: kull modd lewż ittieħdu 64 ratal intrita; u hekk mis-sittax-il modd lewż ittieħdu 10 qnatar u 24 ratal, li bil-prezz ta’ 35 skud il-qantar iġibu s-somma ta’ 358 skud.  Il-qixra tiegħu imbagħad, tant ta’ ġewwa u kemm ta’ barra, tiswa l-flus: il-qixra ta’ ġewwa titfittex għas-sapun, li tkun l-aħjar; il-qixra ta’ barra isservi għan-nar u għall-fran.  Mill-qligħ biss ta’ dawn iż-żewġ kwalita ta’ qxur, jitħallsu l-ispejjeż kollha tax-xogħol. Tassew li trid tmien snin biex wieħed jibda jieħu l-frott ; ma f’dawn it-tmien snin jistgħu bejn is-siġar jintagħmlu uċuh li trid; u meta jikbru s-siġar tal-lewż tista’ bejniethom tagħmel is-saqwi, u tħawwel id-dwieli. (Dan ġie megħdud mis-soċju onorarju is-sinjur Dr. A. Tal-Konti Preziosi).

IL-KUMMENTI TAGĦNA:

  • F’Diċembru tinżera’ t-Tomnija. Ix-xahar ta’ qabel, f’Novembru inżera’ l-qamħ Majjorkin.  Il-qamħ Majjorkin hu l-qamħ “isfar”, li kellhom niesna ta’ dari, u li kien jinżera’ kmieni – “bikri”, u t-Tomnija hu l-qamħ mill-“aħmar”, li kien jinżera wara – jiġifieri jinżera’ “mwaħħar”.  Castagna jgħid hekk:

It-tagħam: Taħt dan l-isem aħna nieħdu l-qamħ u x-xgħir.  Il-qamħ hu ta’ varjeta kbira u tajba fejn dak ta’ pajjiżi oħra.  Jinżera’ sena banda, u sena oħra: minn Novembru sa Frar, u jinħasad minn Mejju sa Ġunju.  Il-bikri joħroġ safrani; l-ieħor tal-aħħar, jirnexxi ħamrani.  Il-qamħ joktor wisq: b’modd li wieħed jiżra’, jieħu sittax-il modd, fi bnadi erbgħa u għoxrin, u daqqiet, tletin ukoll.    

Castagna jikkonfermalna li l-bikri hu s-safrani, u l-imwaħħar hu l-ħamrani.  Għall-Kalendarju tal-Bidwi, l-isfar hu l-qamħ Majjorkin, u l-aħmar hu t-Tomnija.

  • Iraħħas u jinqala’ l-bużbież. F’Novembru il-Kalendarju qalilna li kien jinqata’ l-bużbież.  Jien kont mingħalija li l-bużbież jinqata’ f’Awwissu, imm’issa l-Kalendarju qed jgħid li l-bużbież jinqala’.  Naħseb li qed jgħid għall-bużbież  li jitkabbar għall-qalba tiegħu u jittiekel aħdar.  Imma l-bużbież li jikber selvaġġ u l-bużbież li jitkabbar għall-qalba tiegħu, mhux l-istess ħaġa.
  • Issajjar il-lumi larinġ. Castagna jgħid hekk:

Il-larinġ jagħtina seba’ varjetajiet: Larinġ tal-Portugall, larinġ ħelu jew lumi-larinġ, larinġ lanġasi, larinġ mandulina, larinġ ta’ bla żerriegħa, larinġ tawwali, larinġ xkompi jew lumi ta’ San Ġilormu, u larinġ tad-demm.  L-ewwel wieħed l-aktar li jabbonda f’Malta, l-aħħar, l-aktar stmat fl-Ingilterra. 

Għandna wkoll il-larinġ qares li mill-fjur tiegħu nieħdu l-ilma zahar, u minn qoxortu (nieħdu) konfettura mill-itjeb. 

Kif għidna x-xahar li għadda, fi żmienna l-ilma żahar isir miż-żahar tal-laring tal-bakkaljaw – dak li Castagna jsejjaħlu larinġ tal-Portugall.

  • Iċ-ċirasa u l-pistaċċi. Il-Kalendarju jgħid li f’Diċembru tinża’ kemm is-siġra taċ-ċirasa, kif ukoll is-siġra tal-pistaċċi.  Castagna jinkludi ċ-ċirasa ma’ dawk is-siġar “l-aktar li aħna nikkultivaw”, u jgħid ukoll li ċ-ċirasa tagħna, bħala frotta “kienet infaħħra wisq ukoll għat-togħma tagħha”.  Ta’ min iżommha f’rasu din għax jien dejjem smajt li s-siġra taċ-ċirasa ma ssirx tajjeb hawn Malta.  Mid-dehra mhux hekk hu.  Is-siġra tal-pistaċċi li jsemmi l-Kalendarju, Castagna ma jsemmihiex, lanqas ma dawk is-siġar li kienu jeżistu Malta “f’xi żmien” imma li issa m’għadx fadal minnhom.  Biex inkunu għidna kollox, il-Kalendarju għas-sena 1850 isemmi wkoll “il-pistaċċi tal-art” – imma din ma kinitx siġra, u nitkellmu fuqha aktar tard.
  • F’Diċembru jitlaqqam iċ-Ċiprisk fuq il-Prajn, il-Lanġas fuq l-Isfarġel. Se nġibu xi siltiet minn dak li kiteb Castagna fuq it-tilqim, anke biex forsi t-terminoloġija ma tintilifx, u wieħed jieħu idea tal-fehmiet ta’ dak iż-żmien:

Żewġ xorta ta’ tilqim għandna: biż-żarġuna u bil-qoxra.  It-tilqim tal-ewwel (biż-żarġuna) jissejjaħ ukoll tal-brokka.

Ġeneralment, is-siġra meta tkun għadha tarija titlaqqam fil-friegħi tagħha, iżda meta tkun xiħa tinħasad għal kollox minn zokkha u titlaqqam bil-brokki f’għeruqha.  Mhux is-siġar kollha jitlaqqmu bl-istess mod:

L-agrumi, is-siġar tal-ħalib, il-ħarrub, u r-rummien, jitlaqqmu bil-qoxra.

Id-dwieli, l-isfarġel, iċ-ċirasa, il-lewż, it-tuffieħ, u siġar bħal dawn jitlaqqmu bil-feles.

Iż-żebbuġ, il-berquq, iċ-ċewsri, il-ħawħ, u oħrajn sħabhom, jitlaqqmu bil-qoxra u bil-feles ukoll.

 

L-aħjar ħin għat-tilqim hu filgħodu f’ġurnata sabiħa, bla xita, u qatt riħ isfel.  Jekk il-qamar ikun fil-bidu tiegħu, (it-tilqim) iktar jirnexxi. 

L-aħjar li sabu biex itappnu u jidilku madwar it-tilqima hu l-bagħar (il-ħmieġ tal-bhejjem, l-aktar tal-baqar), fejn dawk kollha li ħabtu jridu jagħmlu xi qatran, ingwenti, u ħwejjeġ oħra bħal dawn, mhux biss ma tawx forza lit-tilqima, iżda ma għaddietx ‘il quddiem bħalma jmissha .  

Barra minn bit-tilqim, il-bidwi jżid ukoll is-siġar tiegħu bit-traqqid, jew bit-tiqsim tal-għeruq jew tal-basal.

 

Xi ftit disinji mill-ktieb tiegħi Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni – l-Ewwel Ktieb.

Ninnutaw li minflok “brokk”, Castagna uża wkoll l-kelma “żarġuna”.  It-tnejn tajbin, anzi, wieħed għandu jieħu nota tal-użu tal-kelma “żarġuna” f’dan il-kuntest, ħalli l-kelma ma tibqax marbuta biss mad-dielja imma ssir tfisser dak li bl-Ingliż jissejjaħ cutting.

Żminijiet oħra (Ritratt ta’ Bernard Agius/Joe Borg)

  • Is-siġra tal-lewż. Castagna kellu miftuħa quddiemu fuq l-iskrivanija din l-osservazzjoni tal-Kalendarju tagħna li ġibna hawn fuq meta kiteb il-ktieb tiegħu xi snin wara li ħareġ il-Kalendarju.  Dan joħroġ mill-fatt li Castagna silet ħafna mis-sentenzi t’hawn fuq u nisiġhom ‘l hawn u ‘l hinn fil-kitba tiegħu.  Bis-saħħa t’hekk, imma, nistgħu nisiltu xi tagħrif aħna wkoll.  Ngħidu aħna fuq is-siġra tal-lewż Castagna qal hekk:

Billi jrid art sħuna u ħafifa, fir-raba’ fond tagħna jirnexxi wisq tajjeb; l-aktar fil-lokijiet għal Lvant u għal Nofs-in-nhar fejn ma jaħkimx wisq bir-riħ fuq. 

Jinżera’ fil-primavera bil-qalba morra u l-ponta ‘l isfel, biex ma jikolhiex id-dud.  Mat-tliet snin jitlaqqam bil-ħelu, u mat-tmien snin jibda jagħti l-frott sewwa. 

Jinqata’ minn Mejju ‘l quddiem, u niexef f’Settembru. 

Il-qoxra ta’ ġewwa sservi biex jaħarquha rmied u tintagħmel sapun; dik ta’ barra biex tixgħel in-nar u taħmi l-fran. 

Tliet kwalita għandna ta’ lewż: lewż ħelu, lewż melliesi, u lewż morr – dan tal-aħħar  iservi għall-biskuttini u t-torti ħelwa. 

L-iżpiżjar jieħu ż-żejt minnu, li jservi għax-xuxa, u b’medikament għat-trabi; fejn l-għaġina li jħalli, imsejħa ħobż il-lewż, isservi għall-wiċċ u l-idejn, billi tbajjad u trattab il-ġilda.   

Il-lewż aħdar, fit-tiksir tiegħu, itebba’, u l-ħwejjeġ ma jissaffew qatt mit-titbigħInfurnat huwa deżerta wisq tajba; u mgħolli intrita imbagħad imħallat maż-żbib huwa ikel mill-aħjar.

 

Interessanti li kemm il-Kalendarju tagħna u kemm Castagna jafu li l-qoxra ta’ ġewwa, jiġifieri dik iebsa, tinħaraq u ssir irmied, imbagħad tintuża biex isir is-sapun.  Ftakru x’għidna fuq il-ħaxixa tal-irmied fix-xahar ta’ Lulju.

Min jaf fejn huma dawk l-ispiżjara li kienu jafu jieħdu ż-żejt mill-lewż biex dan jintuża għax-xuxa.  Hawn xi ħadd fi żmienna li jitħajjar jerġa’ jipproduċi ħobż il-lewż – prodott irriklamat bħala “organiku”, li jiswa biex tbajjad u trattab il-ġilda?  Barra minn Malta n-nies jaħtfu dawn l-okkażjonijiet biex joħorġu b’xi ħaġa ġdida.  F’Malta u Għawdex nispeċjalizzaw f’li narmu d-drawwiet ta’ niesna u nirfsuhom taħt saqajna.  Ejja nerġgħu insemmu l-affarijiet li dari l-Malti kien jieħu mill-lewż:

Il-qoxra ta’ barra tintuża biex tkebbes in-nar u ssaħħan il-fran.

Il-qoxra ta’ ġewwa tinħaraq irmied, u mill-irmied isir is-sapun.

L-ispiżjar jieħu ż-żejt mil-lewża, u l-għaġina li tħalli wara li tingħasar tissejjaħ ħobż il-lewż, li jbajjad u jrattab il-ġilda.

Il-lewż mgħolli intrita u mħallat maż-żbib huwa ikel mill-aħjar.

  • Il-lewż itebba’, u t-titbigħ tiegħu ma jmur b’xejn. Togħġobni l-kelma titbigħ.  Ma nħalluhiex tintilef.  Mill-banda l-oħra, meta l-Kalendarju, fl-osservazzjoni fuq il-lewż, kiteb “dan ġie megħdud”, kellu żball.  Ried jgħid “dan ġie megħjud”.

(C) Ġużi Gatt

Il-mogħoż fil-Belt (Bernard Agius/Joe Borg)