Ix-xahar tal-Frott. Kitba ta’ Ġużi Gatt

Qed inġibu xahar b’xahar dak li qal Il-Kalendarju tal-Bidwi li ħarġet is-Societa Agraria ta’ Malta għas-sena 1850 – paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Għal Awwwissu ta’ dik is-sena, l-Kalendarju rrepeta kelma b’kelma dak li qal li kellu jsir fil-biedja f’dak l-istess ix-xahar is-sena ta’ qabel, jiġifieri l-1849.  Dan it-tagħrif tas-sena ta’ qabel nistgħu nsibuh HAWN.   Imma f’Awwissu tal-1850 il-Kalendarju tana qawl wieħed ġdid – dak li jsemmi l-għali li jġibu magħhom it-tfal u l-bhejjem.  U bir-raġun, għax il-Kalendarju f’dak ix-xhar xtaq ifakkarna fuq l-inkwiet li kellna f’Malta is-sena ta’ qabel, fejn jidħlu l-bhejjem.  Isimgħu ftit il-biċċa kif kienet:

Proverbji għal Awwissu:

Min għandu t-tfal u l-bhejjem

Għandu biex jagħli dejjem.

Osservazzjoni:

Il-pesta tal-baqar.

Fix-xhur tas-Sajf u tal-Ħarifa tas-sena l-imgħoddija (1849) qabdet fost il-baqar marda wisq ħarxa u kbira illi temmet u qatlet kbir numru minnhom.  Dan il-mard jittieħed u jikkomunika ruħu b’kull mod mill-baqar morda. In-nies, irziezet, it-tiben li jmissu jew jippratkaw il-bhejjem morda, huma ħwejjeġ li kollha jistgħu jagħtu l-mard lill-bhejjem qawwija.  L-ilma stess li minnu jixorbu l-annimali b’dan il-gwaj attakkati, jista’ jagħti l-mard, kif ukoll jagħmel il-ħmieġ tagħhom.  Dan il-mard, jew pesta, kien is-sena l-oħra miġjub hawn Malta mill-belt ta’ Previsa, tal-Albanija Torka, fejn kien jirrenja b’furja kbira qalb il-baqar ta’ dak il-pajjiż, mnejn inġiebu hawn xi ftit minn dawn il-baqar (xi 20), li ġa kienu ittakkati mill-mard.  Illi dan il-mard hu vera pesta jidher biċ-ċar kollu, tant mis-sinjali tiegħu stess, li huma xorta waħda ma’ dawk li huma bħala pesta ddikjarati mill-aktar għorrief, kemm ukoll miċ-ċirkustanza tagħha – mill-fatt li rajna illi dawk l-irziezet li fihom ma daħlux minn dawn il-baqar morda, baqgħu mingħajr ma tniġġsu xejn b’dan il-gwaj.   Meta fis-snin l-imgħoddija deher hawn dan il-mard fil-baqar tagħna, dejjem kien miġjub minn barra, jiġifieri b’dawk il-baqar li jinġiebu hawn minn pajjiżi infettati bil-mard tagħhom.

Is-sinjali ta’ din il-marda huma: ċerta malenkonija fl-annimali; aptit ta’ xejn; mingħajr xejn ma jixtarru; fetħa kbira; u magħha vomiti kontinwi; għatx kbir, affann; u nifs debboli u inkwiet; tara bħal mħat ħiereġ minn imnifsejh, xfar għajnejh mormija, għajnejh miblula, ġismu kollu kiesaħ u bla forzi, xi għoqdiet f’għonqu u f’dahru; baqla fil-bżieżel, eċċ.

Dan il-mard joqtol u jisradika bil-bosta.  Minn mija morda appena jsalva wieħed jekk ikunu abbandunati bla kura.  Xi apparenza jkun hemm li jitqawwew jekk malli tkun sejra tikbes il-marda jikkurawhom.

 Biex jinqata’ dan il-mard hemm bżonn li l-bhejjem morda jinżammu bgħid mill-qawwija.  Il-bdiewa, ir-raħħala, u l-biċċerin għandhom joqgħodu fuq dan wisq attenti biex isalvaw mill-mard il-baqar u n-nagħaġ tagħhom.  Il-bhejjem mejta għandhom jindifnu bil-ġir u fil-fond, u f’raba’ li ma jinħadimx.  Jekk qatt jidfnu annimali mejta b’dan il-mard f’xi raba’ li jinħadem, dan ir-raba’ għandu jibqa’ bla mimsus għall-anqas sena sħiħa, biex ma jerġax dan il-mard jidher minn ġdid meta tieħu s-sħana.  Qalu wisq bejniethom l-għorrief, jekk il-laħam tal-bhejjem morda b’dan il-gwaj jistax iġib l-istess mard fil-bniedem li jieklu.  Iżda huwa ċert li dan il-laħam iġib deni kbir lis-saħħa tal-bniedem, u mardijiet gravi u kbar.  Hu għalhekk xieraq illi sjied il-baqar hekk morda għandhom jiftakru li huma Nsara, u ma jħallux li l-qligħ jegħlibhom, meta jafu li jistgħu jġibu tant kbir deni lill-aħwa tagħhom.  Għandhom għalhekk dan il-laħam jidfnuh kif semmejna.  Dak kollox imbagħad li jinsab fl-irziezet, saħansitra d-demel, għandu jinħaraq u l-ħitan kollha jitbajdu.

IL-KUMMENTI TAGĦNA

  1. Xi kull tant il-moħħ ma toħodlux kopja kif jirraġuna.  Minn dil-kitba kollha t’hawn fuq, għajnejja marru fuq il-kelma baqar.  Imma ħalluni ngħidilkom x’għadda minn moħħi:

Wieħed jista’ jgħid li sa ftit qabel l-aħħar gwerra dinjija, il-baqar li kien hawn fl-irziezet tagħna kienu l-baqar ta’ Malta, u dawn kienu jintużaw għall-ħrit u xogħol ieħor fir-raba’.  Għal mijiet ta’ snin, il-Malti kien jixrob il-ħalib tal-mogħża u mhux tal-baqra.  M’għandix dubju li meta l-bidwi jew ir-raħħal kien ikollu xi ftit ħalib żejjed tal-baqra ta’ Malta, għax din forsi tkun għadha kemm wildet, jew il-frieħ tagħha nfatmu, dan il-ħalib tal-baqra ma kienx jinħela, imma kien jinbiegħ, forsi mħallat ma’ tal-mogħża, jew imħallat ma’ tan-nagħġa u magħmul ġbejniet.   Imma kollox ma kollox, il-ħalib li kien jinxtorob f’Malta u Għawdex kien il-ħalib tal-mogħża. Il-ħalib tan-nagħġa kien jitħalla għall-ġbejniet.  Il-baqra kienet qiegħda hemm għax-xogħol tar-raba’. Ma kinitx tagħmel ħafna ħalib.  Meta jasal żmienhom, il-bhejjem, ikunu xi jkunu, kienu jinbiegħu għall-laħam.  Għall-laħam kienu jitrabbew ukoll il-majjali.  Imma l-bhejjem kollha f’Malta qatt ma kienu jservu biżżejjed biex ilaħħqu mal-provista li kien hemm bżonn biex il-bejjiegħ tal-laħam ilaħħaq mad-domanda.  Lis-suldati Ingliżi kif se żżommhom fornuti biċ-ċanga?  Allura issa ilna ħafna nafu li f’Malta kienu jiġu impurtati ħafna barrin, li jissemmnu f’Malta, imbagħad jinbiegħu lill-biċċerija.  F’Malta kienu jidħlu wkoll ħafna żwiemel, bgħula, u ħmir għax-xogħol tar-raba’ u għat-trasport.

Fuq il-barrin li kienu jinġiebu f’Malta għas-simna hawn ħafna tagħrif.  Bosta minna semgħu bil-barrin li kienu jinġiebu minn Tuneż, u kif fl-1923, qatgħa barrin li kienu għadhom kemm waslu Malta minn Tuneż, qasmu minn fuq il-linji tal-vapur tal-art u dan spiċċa tajjar u qatel xi tnejn u tletin minnhom.  Imma barrin kienu jiġu wkoll minn pajjiżi oħra mhux mit-Tuneżija biss. Fl-2018 ħareġ it-Tienu Volum tal-ktieb Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom, ġabra ta’ tagħrif interessanti ferm miġbur minn Dr. Steve Borg.   Mill-annotazzjonijiet li hemm f’paġna 275 sa 277 nitgħallmu li l-barrin kienu jiġu wkoll minn Cattaro jew Kotor, belt fil-Montenegro tal-lum, u lil dawn kienu jgħidulhom barrin tal-kattru.  Il-barrin kienu jiġu wkoll mill-belt ta’ Iskanderun fit-Turkija.  Issa mill-Kalendarju tal-Bidwi għall-1850 nafu wkoll li fl-1849 inġiebu Malta xi għoxrin minn dawk il-“baqar morda” li kien hemm fil-belt ta’ Preveza.  Illum dil-belt tagħmel mal-Greċja, imma dak iż-żmien kienu għadhom jagħmlu minnha t-Torok.  Meta nġiebu Malta ma kinux jafu, m’għandniex xi ngħidu, li dawn il-baqar kienu morda (talanqas hekk għandi nifhem).

Innutaw ħaġa imma – il-Kalendarju qal baqar, mhux barrin.  Kienet din li ħawditni xi ftit.  Impikajt mal-kitba u ma riddx nemmen li dawk li nġiebu f’Malta kienu baqar u mhux barrin.  B’xorti tajba, is-soluzzjoni kienet ħafifa – mort fuq il-paġna l-oħra biex nara x’kienet tgħid il-kitba bit-Taljan.  Flok il-kelma “baqar”, bit-Taljan kien hemm bovi. Tista’ tgħid li kull darba li jissemmew il-baqar fil-kitba fil-Malti, bit-Taljan hemm bovi.  Qed tara!  Bovi mhux mucca u lanqas vacca.  Dawn iż-żewġ kelmiet ma jissemmew imkien fil-kitba bit-Taljan.  Dejjem bovi kien hemm.  Mela x’messu qal min qaleb il-kitba mit-Taljan għall-Malti?

La bit-Taljan kien hemm bovi, żgur li ma kellux jgħid “baqar”.  Id-dizjunarju jgħidlek li bovi tfisser oxen bl-Ingliż.  Oxen x’inhuma bil-Malti?  Hawnhekk mhux qed infittxu x-xagħra fl-għaġina.  L-ilsien Malti qed jaqla’ fuq wiċċu għax dawk li xogħolhom hu li jaqilbu t-tagħrif mill-lingwi barranin għall-Malti jħossu li kull darba jridu joqgħodu jissaraw magħhom infushom biex isibu l-kelma Maltija, u spiss din ma tkunx teżisti.  Minn naħa jagħmlu għalik jekk tipprova toħloq il-ġdid, u minn naħa oħra l-Maltin ta’ daż-żmien ma jafux ħafna kliem li sa ftit ilu kien komuni, u jgħajruk li qed taqla’ l-kliem mill-qabar.

Imma d-diffikulta tibqa’ xorta:  Ngħidu aħna kif għandek taqleb għall-Malti din is-sentenza: The importation of cattle?

It-tentazzjoni tkun li tgħid l-importazzjoni tal-baqar. Imma f’dak il-każ tkun qed tgħid li l-Malti ma jafx jiddistingwi bejn cattle u cows.  Dan mhux il-każ.  Cattle bil-Malti hi bhejjem tal-Ifrat. Baqar huma cows, u bulls huma barrin.  Il-Maltin ta’ dari ma kien ikollhom l-ebda diffikulta fuq din, imma l-Maltin tal-lum, li qed jagħmlu massakru minn ilsienhom, u fil-Malti għandhom vokabularju limitat u ħafna kliem tilfuh, jgħidulek li jekk tgħid “bhejjem tal-ifrat” tkun qed taqla’ l-kliem mill-qabar.  Biex tgħaxxaqa lit-tfal tal-iskola daħħlulhom f’rashom li l-mara tal-barri hi l-barrija, u li r-raġel tal-baqra Maltija hu l-gendus. Din qalet ħafna tgerfix u qed isservi biex xi nies iwaqqgħu il-biċċa għaż-żufjett.  Il-kelma “barrija” ma teżistix.  Bil-Malti, ir-raġel tal-baqra hu barri, ikun ta’ liema razza jkun.  Il-gendus hu barri kkastrat, imsewwi, jew moħsi.  Hu dak li bl-Ingliż jgħidulu Ox u bit-Taljan Bove.   Għal ħafna żmien il-bhejjem tal-ifrat li kien hawn f’Malta kienu kollha “ta’ Malta” (qed neskludi l-barrin li kienu jinġiebu Malta għas-simna).  Bħala prova li baqar ta’ barra, għal ħafna żmien, ma kienx ikun hawn f’Malta, nistgħu nerġgħu nġibu silta mit-tieni volum tal-ktieb Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom, ta’ Dr. Steve Borg, li diġa semmejna aktar ‘il fuq.  F’dan it-tieni volum hemm intervista ma’ Lucy Meylak li missierha kien ibiegħ il-laħam u jrabbi l-bhejjem.  Lucy kienet qed titkellem fuq ħajjitha ta’ qabel il-gwerra.  Ħin minnhom qalet:

“Kellna l-baqar ta’ Malta.  Ta’ l-Olanda ma kinux jiġu”[1]

Il-prova li sa min-nisel tagħha l-kelma gendus tfisser barra msewwi, moħsi, jew ikkastrat insibuha f’dokument Medjevali li nnutah il-Professur Stanley Fiorini u ppubblikah f’artiklu li ħareġ fl-1999.  Id-dokument kellu miktub hekk: unu jenku vocatu, in lingua maltensi gkendus.[2]

Jekk xi ħadd jgħid li r-raġel tal-baqra hu l-gendus għax ir-raħħala hekk jgħidulu, wieħed jista’ jwieġeb li r-raħħala, lill-barrin jgħidulhom “għoġġiela” wkoll.  Issa għoġol hu calf, u t-tifsira hekk għandha tibqa’ jekk ma rridux li nagħmlu massakru mill-Malti.

Għalkemm fit-test li hemm fil-Kalendarju tal-Bidwi l-kittieb uża l-kelma “baqar”, meta ġie biex jiddiskrivi s-sintomi tal-marda l-kittieb dejjem uża l-maskil:  xfar għajnejh mormija, għajnejh miblula, ġismu kollu kiesaħ u bla forzi, xi għoqdiet f’għonqu u f’dahru. 

Ejjew nerġgħu ngħiduha:  Għal ħafna u ħafna snin, Il-bhejjem tal-ifrat li kienu jinġiebu Malta kienu barrin għas-simna li meta jismnu jinbiegħu u jinqatlu fil-biċċerija għall-laħam.  Il-baqar ta’ barra, maħsuba biex jagħtu l-ħalib, bdew jinġiebu f’Malta biss meta l-Ingliżi riedu jneħħu l-mogħoż mit-toroq ta’ Malta minħabba l-biża’ mid-deni rqiq.  Kif għidna aktar ‘il fuq, il-Malti, għal mijiet ta’ snin, kien jixrob il-ħalib tal-mogħża.  Il-Gvern Ingliż ried ineħħi l-mogħoż mit-toroq, daħħal ħafna baqar tal-ħalib mill-Olanda, u minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-Malti beda jixrob il-ħalib tal-baqra.

Cattle = Bhejjem tal-Ifrat; Cows = Baqar; Bulls = Barrin; Calf = Għoġol; Heifer = Erħa; Ox = Gendus.

Barri tal-Kattru, impurtat minn Kotor, belt fil-Montenegro tal-lum, imsemmen f’Malta biex itella’ iktar laħam.  Qed narawh eżatt qabel ma daħal il-biċċerija għall-qatla.  Ritratt bil-permess ta’ Joseph Gouder, u dan il-permess akkwistajnieh bis-saħħa ta’ Salvatore Muscat.

Il-baqra dari kienet tintuża l-aktar għax-xogħol tar-raba’.  Il-ħalib li kien jinxtorob kien il-ħalib tal-mogħża; u l-ġbejniet kienu jsiru l-aktar mill-ħalib tan-nagħġa.  Il-baqar tal-ħalib, suwed u bojod, iddaħħlu f’Malta żmien wara.  Dik li hemm fir-ritratt hi baqra, mhux gendus.  Ritratt ta’ Bernard Agius u Joe Borg.

2. Erġgħu iflu ftit dak il-paragrafu t’hawn fuq, meta l-kittieb tal-Osservazzjoni ried ifisser l-effett li din il-pesta tal-bhejjem ikollha fuq il-bhima:    xfar għajnejh mormija, għajnejh miblula, ġismu kollu kiesaħ u bla forzi, xi għoqdiet f’għonqu u f’dahru; baqla fil-bżieżel, eċċ.  Kieku llum għandna l-ħila nużaw il-kliem hekk?  Le m’għandniex, u għarukaża.  Dan mhux avvanz lingwistiku imma rigress.  Traġedja kulturali.  Baqla hi Eczema, bħal raxx fil-ġilda.

3. Sjied il-baqar:  Sjied hu plural ieħor flok sidien.  It-tnejn tajbin anzi, tajbin ħafna.  Il-Malti għandu iktar minn mod wieħed ta’ kif joħloq il-plurali.  Ngħidu ħofor, imma nistgħu ngħidu wkoll iħfar.  Il-Ħofra ż-Żgħira u l-Ħofra l-Kbira, it-tnejn qrib Dellimara, hekk kienu jafuhom in-nies ta’ żmieni: L-Iħfar.  Ngħidu qobra jew oqbra; iġmla jew ġmula; qomra jew qmura.  Ngħidu ġobna, ġbejna, ġobon, ġobnijiet, u min irid jgħid iġbna jista’ wkoll.  Kollha tajbin, għax l-ilsien Malti kapaċi, flessibbli, u għandu l-ħila joħloq.

It-tfal jiġru fit-toroq, ħafjin, mingħajr il-biża’ mill-karozzi. (Ritratt ta’ Bernard Agius u Joe Borg)

 

(C) Ġużi Gatt

REFERENZI

[1] Borg Steve, Il-Maltin: Għemilhom, drawwiethom, ġrajjiethom, it-tieni volum, K.K.M, 2018, paġna 86-87.

[2] Firoini Stanley, Documented Etymology of Maltese, Karissime Kotifride: Histirical Essays presented to Professor Godfrey Wettinger on his seventieth birthday, ed. P. Xuereb, Malta University Press, 1999, p. 162