It-tmien xahar tas-sena.

Wasalna biex naraw x’qal il-Kalendarju tal-Bidwi għax-xahar ta’ Awwissu.  Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju tal-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Minbarra x-xogħol li għandu jsir fir-raba’ bagħli u r-raba’ saqwi, għal kull xahar il-kalendarju kellu dik li jsejħilha “Osservazzjoni”, u qegħdin inġibu dik tax-xahar ta’ Awwissu.  Isfelnett żidna l-kummenti tagħna:

Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com.

AWWISSU– IX-XAHAR TAL-FROTT

Dak li jidher u jsir fil-biedja:

Temperatura bejjinija tal-ajru: 27.3 C.

Traħħas: Ir-Rignu, il-Qaqoċċ, il-Merdqux (merqtux), l-Ixkomp.

Tiżhar: Il-Għansar, Il-Banana.

Issajjar:  Il-Bamja, il-Ħawħ, l-Għeneb, il-Qara’ Franċiż, il-Ġellewż, il-Bżar Aħdar, il-Qamħ ir-Rum, il-Ħarrub, il-Qoton.

Jinża’: It-Tin.

Xogħol tal-Bdiewa: Fir-raba’ Bagħli:

Jitqaċċat:  il-Qoton.

Titħawwel: il-Patata tax-xitwa bil-patata ta’ Malta.

Jibda il-Qlib tar-raba’.

 

Ix-Xogħol tal-Bdiewa: Fir-raba’ Saqwi u fil-Ġonna:

Jissaqqa: Ir-Rummien.

Jinżera’: It-Basal, il-Fiġel, il-Ġidra.

Proverbji:

Ix-xahar t’Awwissu

Is-sinjur u l-fqir iħissu.

 

Meta tisma’ jgħajjat il-werżieq,

Tista’ tmur għall-għeneb u għat-tiniet.

 

Sema naqxet il-fekruna,

Jew xita bil-qliel jew riħ fortuna.

Osservazzjoni:

Waħda mill-ħwejjeġ li l-iżjed li jinteressaw lill-bidwin, hija t-tidmil; la darba d-demel hu dak li bih isiru l-uċuħ kollha tar-raba’.  Għandu għalhekk il-bidwi ifittex li d-demel ikun frisk, għax dan ikun fih il-bidu għemil kollha tar-raba’, u d-demel misjur ma jkunx fih.  Hu tassew li d-demel misjur jaħdem tajjeb fl-ewwel sena, ‘ma il-frisk iżomm iżjed.  Biex immela jkollok demel frisk u ma tħallih jisħon, il-Kmandatur Ridolfi jgħid li għandu kif jinġabar mill-maqjel jinxtered fuq l-art, u li r-raba’ jingħamel sena żara’ u sena silla, widna, jew ful; ħaġa li żżid l-għalf tal-bhejjem, tkattar id-demel, u taqbel wisq tajjeb mal-attijiet tal-qbejjel tagħna.  Id-demel m’għandux jingħata xorta waħda lir-raba’ kollu; id-demel tal-baqar għandu jmur għar-raba’ ħamri u bajjad; id-demel taż-żwiemel, tal-ħmir, u tal-ibgħal għandu jingħata lir-raba’ tafli u żejti.  Il-bewl tal-bhejjem, hu demel wisq tajjeb. Għalhekk il-qiegħa tal-maqjel għandha tkun immejla biex jista’ l-bewl jinġabar ġewwa ħofra u hekk, imħallat mad-demel u ma ħaxix,  jagħmel demel wisq tajjeb.  Fl-aħħarnett, il-lokijiet ħżiena kienu jkunu wisq tajbin għall-biedja.  F’Malta fejn ftit demel għandna, kien imissu jinġabar il-ħmieġ kollu ta’ dawn il-lokijiet ħżiena fi bjar jew f’ħofor kbar, u mhux, le, jitħalla jmur fil-baħar.  Jekk dan kien isir, mhux biss kienet tgħaddi iżjed u tmur aħjar il-biedja, ‘ma kienet ukoll tikber ir-renta pubblika tal-pajjiż.  (Mill-għajdut tas-sinjur Dr. G.C. Grech Delicata fuq id-demel u t-taqlib tal-uċuħ tar-raba’).

IL-KUMMENTI TAGĦNA

 

  • Traħħas l-ixkomp: Traħħas jiġifieri toħroġ weraq ġdid, u tiżhar tfisser toħroġ iż-żahar. Fix-xhur li għaddew konna għidna li ma toħroġx ċara d-differenza bejn lumi u xkomp, għax skont il-Kalendarju t-tnejn huma limone bit-Taljan.  Imma l-problema nistgħu nsolvuha permezz ta’ Pietru Pawl Castagna.  Madwar sittax-il sena wara li deher il-Kalendarju tal-Bidwi għas-sena 1849,  Castagna ħareġ il-ktieb magħruf tiegħu: Lis-storia ta’ Malta bil gzejer tahha.  Castagna ma ddejjaq xejn jikkwota lill-Kalendarju tagħna, xi kultant anke kelma b’kelma, mingħajr ma jgħid ċar minfejn ħa t-tagħrif.  Imma talanqas f’xi drabi jirnexxielu jiċċaralna ftit xi mistoqsijiet li għandna.  Fuq il-lumi, Castagna qal hekk:

“Il-lumi mill-banda l-oħra jagħtina:

 * Lumi qares jew xkomp

* Lumi Tronġ

* Ċitrat jew Tronġ żgħir

* Lumiċell ħelu jew lumi tal-kuruna

* Lumiċell qares”

Dan ifisser li l-lumi jew xkomp huma lemons bl-Ingliż, Lumicell hu lime, u Tronġ jew Tronġa hi dik li bl-Ingliż hi citron.  Il-kelma ċitrat m’għandha qatt titħalla taqla’ ‘l barra l-kelma qadima tronġa – li qiegħda anke fil-ħrejjef ta’ niesna: Is-seba’ Tronġiet Mewwija.  Ejja nerġgħu ngħiduha: lumi/xkomp = lemons; lumiċell = lime, u tronġ/a = citron.  L-ismijiet ta’ kwalitajiet differenti ta’ lumi, lumiċell u tronġ iżidu magħhom l-aġġettiv li hemm bżonn – żgħir, kbir, qares, ħelu, twil, ċatt, gerbiebi, eċċ.

  • Isajjar il-Qamħ ir-Rum: Castagna qal hekk:

Il-qamħ ir-Rum hu ta’ sitt kwalita: iswed, abjad, isfar, ikħal, aħmar, u vjola.  Xi drabi, f’wieħed issib is-sitt kuluri.  Minn dawna, l-isfar l-aktar li jabbonda fl-art tagħna.  Jinżara’ f’Marzu u April, f’raba’ mgħoddi darbtejn ħrit, u jsajjar f’Awwissu u Settembru.  Irid art wisq tajba, tant mit-trab u kemm mill-ilma, u għalhekk ma tantx jinżera’ kullimkien.  Jagħti wisq aktar mill-qamħ, jiġi li jlaħħaq tletin fil-wieħed.  Il-bidwi jaqtgħu ukoll għall-aħdar, billi jkattar wisq il-ħalib lill-baqar, lill-mogħoż, u lin-nagħaġ.  

  • Il-patata tax-xitwa bil-patata ta’ Malta. Il-bidwi għadu sal-lum jibda s-sena f’Jannar billi jiżra’ l-patata minn żerriegħa ġdida li tiġi minn barra.  Il-patata tinqala’ meta tilħaq, u l-bidwi jżomm ftit minnha biex jużaha bħala żerriegħa fiż-żrigħ li jmiss.  Din tkun “il-patata ta’ Malta” – għax tkun kibret fil-ħamrija tagħna. Il-bidwi jiżra’ minn dil-patata f’Mejju u Ġunju (il-Kalendarju qed jg]id f’Awwissu). Imma meta jaqla’ l-patata minn dan it-tieni żrigħ, il-bidwi ma jerġax iżomm minnha għaż-żerriegħa, imma jerġa’ jibda billi f’Jannar jiżra’ ż-żerriegħa ta’ barra.
  • Skont il-Kalendarju, f’Awwissu tiżhar il-banana. Fi żmien il-Kalendarju tagħna, il-Maltin kellhom jiddubbaw b’dak li jikber f’Malta.  Jiġifieri x-xerrej Malti ma kienx isib jixtri containers sħaħ ta’ banana li tasal Malta mill-bogħod.  Ħafna drabi kien ikollu jikkuntenta b’dak li jsib fis-suq.  Castagna jgħidilna:

 Il-banana tagħna, darba fil, insibu għall-bejgħ.

  • Il-ksir fir-raba’: Wara li jtemm ix-xogħol kollu ta’ fuq l-andar, u jidħol daqsxejn iż-żmien, il-bidwi kien jibda jikser bit-talja – jiġifieri jqalleb il-ħamrija ta’ taħt fuq biex ilesti l-għalqa għall-ewwel xita.  Dan l-għażiq, jew il-ksir, kien isir bil-korxin jew bil-fiesa b’mod li l-art tinqala’ tub tub, u t-trab ta’ taħt jiġi fuq.  Dan il-ksir, għalkemm xogħol iebes, kien meqjus li hu indispensabbli fix-xogħol tar-raba’, għax il-ħamrija trid tkun impaħpħa biex il-wiċċ jikber sewwa u jieħu kulma jista’ mill-ftit xita li tagħmel.  B’danakollu Castagna kiteb hekk fuq il-ksir jew il-qlib tar-raba’:

 Il-ksir jew il-qlib ma jsirx ħlief kull erba’ snin, u hemm ukoll min iħallih għal kull sitt snin. Iżda aktar ma r-raba’ jinħadem, aktar jagħti, u l-prodott tiegħu ikun wisq itjeb.

  • Jissaqqa r-Rummien. Ċert li ħafna semgħu bl-għajdut popolari li jgħid li “r-rummien jinqasam bis-sajjetti”.  Din hi biċċa folklor gustuża, u fil-mitoloġija tal-qedem, ir-rummiena kienet marbuta mal-alla raġel li fuqu kienu jiddependu l-uċuħ tar-raba’.  Dan l-alla kien imut kull sena, u l-frotta tiegħu, ir-rummiena, fiha ħafna “demm”.  Barra minn hekk, meta jerġa’ jirxoxta – wara li jkun indifen fil-ħamrija, dan l-alla kien ifaqqa’ s-sajjetti fis-sema, biex jeħodha kontra l-mewt u n-nixfa, u biex ix-xita terġa’ tinżel u taħji l-art.  Jiġifieri ir-rummiena, il-feriti, u s-sajjetti ilhom  ħafna marbutin fi storja waħda.  Imma fil-verita, is-sajjetti ma jaqsmux ir-rummien.  Ir-rummien jinqasam għax ma jissaqqiex mill-bniedem qabel tibda x-xita, u allura meta x-xita tasal wara sajf niexef – x’aktarx imħabbra mis-sajjetti, ir-rummiena tikber f’daqqa u tinqasam.   Il-Kalendarju tal-bidwi jfakkarna li f’Awwissu għandna nsaqqu r-rummien.

P.P. Castagna jkompli jgħinna b’aktar tagħrif:

Ir-rummien, bil-varjeta tiegħu jabbonda wisq.  Dana jagħtina:

 Rummien ta’ San Ġużepp

Rummien Snien il-Bagħal – (dawn) it-tnejn bil-ħabb kbir u ħelu

Rummien Franċiż – bil-ħabb żgħir

Rummien ta’ Santa Roża jew ta’ bla żerriegħa

Rummien ta’ Santa Katarina

U l-Bullar”

Innutaw il-kelma ħabb għal dawk is-snien ħomor u ħelwin li jkun hemm fir-rummiena.  Ħabb hi l-kelma t-tajba.  Tħalluhiex tintilef.

It-toroq t’Għawdex ta’ dari.  Jidher il-Kastell t’Għawdex mill-bogħod. (Bernard Agius / Joe Borg)

  • Tisma’ jgħajjat il-werżieq. Għalija, u għan-nies li trabbejt magħhom jien ir-raħal, il-werżieq hu dak li jgħajjat billejl – jiġifieri dak li nies oħra jafuh bħala “grillu”.  Jien għadni ma nistax inġerragħha li għal dan l-insett għandu jkollna kelma Taljana.  Il-grillu bil-Malti hu l-werżieq, u dak li jgħajjat binhar hu żerżur.  Hawn min jgħidlu għażżiela, imma għażżiela hi gazelle.  Hawn min jafu wkoll bħala zerzier.  Ħaddieħor jgħid li jrid.
  • Raba’ ħamri, bajjad, żejti. Semmejna r-raba’ TAFLI, li bit-Taljan ingħata bħala “terreni argillosi. Il-kalendarju jaf b’iżjed kwalitajiet ta’ raba’.  It-tabakk irid “terreni sciolti, sabbiosi, e calcarei”.   Bil-Malti din ġiet: raba’ MOĦWI u ĦAMRI.  L-Osservazzjoni t’Awwissu tfakkarna li d-demel “m’għandux jingħata xorta waħda lir-raba’ kollu; id-demel tal-baqar għandu jmur għar-raba’ ĦAMRI u BAJJAD (terreni sciolti); id-demel taż-żwiemel, tal-ħmir, u tal-ibgħal għandu jingħata lir-raba’ TAFLI u ŻEJTI (terreni forti)”.

Xi bdiewa xjuħ li tkellimt magħhom qaluli li r-raba’ ŻEJTI jkollu “trab sewdieni grass jixbaħ lit-tafal, u jeħel mal-għodda int u taħdem”.  Fl-1932, Vincenzo Busuttil u Tancredi Borg ħarġu d-Dizziunariu enciclopedicu mill’inglis ghal malti u mill malti ghall’inglis: giabra ta tifsir ta duar 25,000 chelma (bil fraseologija), li kien ippubblikat mid-ditta Giovanni Muscat.   F’paġna 3380 tal-volum mill-Ingliż għall-Malti tal-ittri mill-I sal-J, meta kien qed jitkellem fuq id-dwieli d-dizzjunarju jgħid hekk: It-TAFLI u ż-ŻEJTI aktarx ikun fih il-putassa kemm hemm bżonn għad-dielja.  Imma l-ĦAMRI u l-MUĦRAR, xi drabi jkun nieqes wisq mill-putassa li hija mehtiega għad-dielja biex tagħmel il-faxxina u trabbi l-frott.

Nafu b’iżjed kwalitajiet ta’ raba’.  Lejn l-Aħrax tal-Mellieħa hemm ħafna RAMAL, ħamrija ramlija tajba ħafna għall-uċuħ tar-raba’ u, dejjem skont kif qaluli xi bdiewa li ġieli ħadmu r-raba’ t’hemm, r-ramal tista’ taħdmu mqar fix-xita.   L-isem tal-post magħruf bħala “l-Armier”, hu taħsira tal-kelma “l-Irmiel” – il-plural ta’ ramal.  Fil-ktieb tiegħu Siġar tal-Frott, Peter A. Caruana jgħid li l-ħamrija ta’ Malta hi ta’ ħames tipi: it-Tafli, r-Ramli, Ramli u tafli f’daqqa, ħamrija bil-ġir, u ħamrija sewdinijia b’ħafna peat.  Imma nissuspetta li l-antiki, li kienu għadhom jitkellmu bil-Malti tajjeb, x’aktarx li kienu jużaw terminoloġija differenti.  Ejjew nerġgħu insemmu t-tipi kollha tar-raba’ li semmejna s’issa: Raba’ TAFLI, ĦAMRI, BAJJAD, ŻEJTI, MOĦWI, RAMAL u MUĦRAR.  Tgħid l-awtoritajiet tal-biedja f’Malta jafu jiddistingwu xjentifikament bejn dawn it-tipi ta’ ħamrija Maltija?  Ma naħsibx li hu “żvilupp” lingwistiku jekk l-antiki kienu jagħrfu d-differenza, u aħna llum ma nafu lanqas it-terminoloġija.

  • Taqbel tajjeb mal-attijiet tal-qbejjel tagħna. Bit-Taljan hemm miktub confa’ ottimamente ai contratti di conduzione presso di noi.   Jiġifieri l-Kalendarju qed jgħid li l-parir li ta l-Kmandatur Ridolfi, (li semma fl-osservazzjoni), kien jaqbel tajjeb mal-kundizzjonijiet tal-qbiela f’Malta.  Mela “qbejjel” hi l-plural ta’ qbiela.  Castagna kiteb ukoll fuq il-qbiela.  Ħin minnhom qal hekk:

Sew kemm f’pajjiżi oħra, sid ir-raba’ jieħu ħsieb l-art u jfittex li x-xogħol isir taħt għajnejh; mhux biss, iżda li jintagħmel skont ma jmissu, biex iġib iżjed ‘il quddiem il-prodott;  daqstant ieħor f’pajjiżna, il-għonja tagħna (fosthom il-Barunijiet, il-Markiżi, u l-Kontijiet) ma jfittxux ħaġ’oħra ħlief li jqabblu l-artijiet tagħhom lill-bidwi, u hekk jeħilsu minn kull intrigu bla ma jkollhom xejn iżjed x’jaħsbu, għajr li meta jagħlaq żmien il-qbiela, jagħmlu (biex ngħid hekk) idhom sassla u jitfgħu f’kexxunhom il-flus li jdaħħlu.

Sewwa qalilhom!  Messu semma wkoll il-patrijiet u l-Kurja, sidien ta’ tant raba’.  Illum is-sid ta’ ħafna raba’ hu l-Gvern.  Fil-kriżi li għaddejja minnha l-biedja f’Malta u Għawdex, il-Gvern għandu jisperimenta b’uċuħ ġodda u jidħol għal proġett fil-kobor, għax dan ma jistax jidħol għalih il-bidwi waħdu.

  • Lokijiet ħżiena. Gustuża l-osservazzjoni ta’ Awwissu fuq l-importanza tad-demel.  Kif diġa għidna, Pietru Pawl Castagna, li ħareġ il-ktieb tiegħu ftit tas-snin wara l-Kalendarju, ma ddejjaq xejn jikkwota lill-Kalendarju tagħna kelma b’kelma, mingħajr ma jgħid minn fejn ħa t-tagħrif.  Castagna kiteb ukoll fuq it-tidmil tar-raba’, u għal darb’oħra reġa’ kkwota l-Kalendarju kelma b’kelma.  Imma mhux eżatt.  Castagna ċċensura l-kelma “bewl” u minflok kiteb “l-ilma tal-bhejjem”.  Imma żied ukoll xi tagħrif ġdid ma l-osservazzjoni tal-Kalendarju.  Castagna kien jaqbel ukoll li l-ħmieġ tan-nies għandu jinġabar mill-“lokijiet ħżiena” u jintuża għall-biedja – kif isir “f’Livorno, Marsilja, u tant pajjiżi oħra”.  Castagna qalilna wkoll li:

Mill-kanali biss tal-ibliet li jsuqu għall-baħar jintilfu qegħdin għal 180 elf skud.  Il-kalkolu nistgħu nagħmluh fuq 40 elf ruħ, li jneħħu bi tliet ħabbiet kull jum.  Il-Gvern kien jista’ ipprofitta ruħu minn dan il-ħmieġ; bħalma nafu mill-istorja li l-Imperatur Vespażjanu mill-kloki ta’ Ruma kien jieħu 600 elf skud Ruman li jagħmlu 1,560,000 skud Malti.

Jekk dana kien isir, mhux biss kienet tgħaddi iżjed u tmur aħjar il-biedja tagħna, iżda kienet tikber ir-renta pubblika tal-pajjiż, u flok li jiżdied il-ħlas tal-kera tad-djar biex jiżdiedu l-flus fil-kaxxa pubblika, kien jista’ jorħos bla ma din il-kaxxa xejn ma tonqos.

Id-demel jinbiegħ bil-karettun li jġib tmien xkejjer: kull karettun, ħmistax-il sena ilu, jinbiegħ kien minn seba’ sa għaxar irbajja’. Illum jgħaddi t-tliet skudi.

Interessanti li Castagna kkalkula li l-ħmieġ personali li n-nies tal-ibliet jitilqu fis-sistema tad-dranaġġ kien jiswa tliet ħabbiet kull jum kull ras!  Min jaf illum kemm jiswa?  M’għandniex niddieħku b’dawn l-affarijiet.  Is-sistema tad-dranaġġ fi żmien il-Kalendarju u fi żmien Castagna, li kienet aktar ibbażata fuq il-fosos, u fuq il-ġbir tal-vażijiet u l-kantrijiet direttament mid-djar, ma kienx ikun fiha d-deterġenti, is-spapen, u l-ħajġinijiet li jitfgħu fiha llum.  It-tisfija tad-dranaġġ fi żmienna wkoll twassal biex jittieħed l-ilma u d-demel għall-biedja.   

  • F’Awwissu jsajjar il-ħarrub.  Dari kienu jmorru jaqtgħuh niexef wara l-festa ta’ Santa Liena.  Castagna qal hekk:

Għandna bosta kwalita ta’ ħarrub: ħarrub t’Avla (isem mir-raħal li hemm fi Sqallija), ħarruba gażżija, li tagħti l-frott tagħha żgħir u tond mhux wiesa’ u ċatt bħal tal-oħra li huwa l-aħjar, ħarrub ta’ Ċipri, imnissel minn dak ta’ Ċipru, ħarrub aħmar, u ħarrub salvaġġ.

Il-bdiewa li naf jien isemmu aktar ismijiet ta’ ħarrub, imma jista’ jkun li qed jirreferu għall-istess siġar.  Ngħidu aħna hemm ħarrub li jgħidulu għasli.  Xi kultant tisma’ min jgħidlek ukoll ħarrub Sqalli – imma x’aktarx li dan hu l-istess bħal ta’ tavla (Avila).  Jissemma wkoll il-ħarrub tal-għekies – x’aktarx hu dak li Castagna sejjaħlu selvaġġ.  Ta’ min jitkixxef aktar fuq dik il-ħarruba li Castagna jsejħilha gażżija.  John Borg, li ħareġ il-ktieb magħruf tiegħu The Cultivation and Diseases of Fruit Trees in the Maltese Island fl-1922, din il-ħarruba ma jafx biha.  Borg isemmi ismijiet oħra ta’ ħarrub: ġidri, aħmar, u għasli, u jgħid li dawn huma kollha varjetajiet Maltin, imma ma kellux kliem ta’ tifħir għalihom.  Jgħid li l-aqwa huma dawk ta’ barra: jiġifieri t’Avla, u ta’ Ċipru.  Imma jsemmi wkoll il-ħarrub li nġieb minn Kandja, fi Kreta.  Dan biex tara kemm għad għandna bżonn nikklassifikaw u nieħdu ħsieb x’għandna.

Ġużi Gatt (C)

It-telgħa t’Alla u ommu (Ritratt ta’ Bernard Agius / Joe Borg)

Bir tradizzjonali Malti, bil-plieri u l-ġejża.  Qisu hemm żewġ ħereż li, jkolli ngħid, jagħtu għall-istess bir, jew forsi f’ġenb minnhom hemm biss ħawt. (Bernard Agius / Joe Borg)

Awwissu xahar ta’ sħana kbira u għatx fuq kulħadd.  Anke l-mogħża, miskina, trid tixrob (Bernard Agius / Joe Borg)