Ix-xahar tal-Inwar

Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com

Qegħdin nimxu, xahar b’xahar ma’ dak li kiteb “Il-Kalendarju tal-Bidwi” li ħarġet is-Soċjeta Agrarja ta’ Malta għas-sena 1850.  Il-Kalendarju kellu paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Wasalna fix-xahar ta’ April, u għal dak ix-xahar, il-kalendarju tal-1850, irrepeta kelma b’kelma dak li kien qal li kellu jsir fir-raba’ fix-xahar ta’ April fis-sena ta’ qabel – 1849. Aħna m’għandniex għalfejn noqgħodu nirrepetu, u t-tagħrif tal-1849 nistgħu insibu HAWN.  Imma l-qwiel li tagħna l-Kalendarju għal April tas-sena 1850 kienu differenti, u l-osservazzjoni għal dak ix-xahar kienet ta’ interess kbir għalina n-nies tal-lum.

Il-proverbji li ta l-Kalendarju għal dan ix-xahar kienu dawn:

Proverbji għal April:

Meta n-naħal tarah fuq il-fjur,

Taħsir ma jkun hemmx żgur.

 

Meta x-xita tagħmel bikri,

U tibqa’ sal-imwaħħar,

Ikollu x’jitma’ l-bidwi,

U x’jaħżen sa fl-aħħar.

Kif għadna kemm għidna, l-osservazzjoni tal-Kalendarju għal dan ix-xahar kienet interessanti ferm.  Kienet fuq Il-Pistaċċi tal-Art.  Dan it-titlu qanqalli l-kurżita.  Meta ħarist fuq il-paġna tan-naħa l-oħra tal-Kalendarju biex nara l-kitba bit-Taljan, sibt li qed nitkellmu fuq Pistacchio di terra.   L-internet malajr weġbitli l-mistoqsija: b’għaġeb kbir sibt li dawn il-pistaċċi tal-art m’huma xejn ħlief – il-karawett.  Fis-sena ta’ qabel, il-Kalendarju ma semma xejn fuq dan il-prodott, imma jidher li kienu saru xi esperimenti biex il-karawett jitkabbar f’Malta.  Imma tafu l-għala bdew jippruvaw ikabbruh? Lanqas temmen. Ejjew naqraw flimkien din l-osservazzjoni l-ewwel, imma mbagħad aktar ‘l isfel, inkomplu bil-kummenti tagħna:

Fejn hu żmienek ja ħerba?  Min jaf x’sar minnhom dawn it-tnejn, Alla jaħfrilhom. Ritratt ta’ Bernard Agius u Joe Borg

Osservazzjoni:

Il-pistaċċi tal-art.

Il-pistaċċi tal-art hi xitla mir-razza tal-legumi u taż-żejt flimkien.  Il-frott tagħha, jew iż-żerriegħa tagħha, titfittex għaż-żejt.  Din ix-xitla, li għandha n-nisel tagħha mill-Brażil u mill-Isoli Antilli, qabdet u saret fil-parti tal-Ewropa tan-nofsinhar, u fil-parti tat-tramuntana tal-Afrika.  Il-fjuri li din ix-xitla tagħmel in-naħa ta’ fuq aktarx jitbagħlu; u dawk tan-naħa t’isfel huma tajbin u jagħmlu speċi ta’ żerriegħa ġo l-art, illi ssir fix-xahar ta’ Diċembru.  Din ix-xitla taż-żejt trid raba’ tajjeb, u ssir fil-mezzan wara li jkun maħdum tajjeb, u mdemmel kif imissu.  Tinżera’ din ix-xitla fl-aħħar t’April jew mal-ewwel ta’ Mejju, ġo ħofor imsoqqija, u bgħid waħda mill-oħra xi xiber u nofs.  Kif joħorġu x-xtiel għandek issaqqihom, u mas-sajf kollu tagħtihom tisqija fil-ġimgħa.  Għandek tnaqqihom u tbarraġhom qabel ma joħorġu l-inwar.  Skont il-provi ġa magħmula, dawn il-pistaċċi tal-art jgħoddu li jagħtu 89 ½  ratal frott tagħhom; jew 13 ½ it-tomna in ċirka kull tomna raba’.  Meta jitqaxxru dawn il-pistaċċi jagħtu 22 fil-mija żejt safi, isfar, u meta jkun għadu frisk għandu t-togħma tal-ħaxix.  Tajjeb bosta għax-xegħil, u d-dawl li jagħti hu abjad u aħmar, u aqwa u aħjar minn dak li jagħti ż-żejt l-aktar tajjeb ta’ Sfaqs; u jdum iżjed jixgħel mill-ieħor tliet kwarti ta’ siegħa, jew 54 minuta. 

IL-KUMMENTI TAGĦNA

1. Is-Societa Economico-Agraria del Gruppo di Malta twaqqfet fl-1844. Dak iż-żmien il-Gvern kien għad ma kellu la Ministeru u lanqas Dipartiment jew Taqsima tal-Agrikultura.   Imma l-ħidma ta’ ġor-raba’ kienet importantissima għall-pajjiż għax mingħajrha n-nies kienu jbatu l-ġuħ.  Allura s-Soċjeta Agraria kienet magħmula minn nies tal-affari tagħhom li kienu jisperimentaw biex itejbu dak li kellna fil-biedja, jgħinu fejn hemm bżonn, u joħolqu l-ġdid.

Jidher mela li f’xi żmien beda jitkabbar f’Malta, bħala esperiment, dak li llum nafuh bħala karawett.  Il-ħsieb  ma kienx li wieħed iqaxxar u jiekol kejla karawett waqt li jkun fil-ħanut ta’ Kurun jixrob terz inbid.  Kien hemm raġuni aktar siewja: il-ħsieb kien li l-karawett jingħasar ħalli minnu joħroġ iż-żejt għax-xegħil – jiġifieri biex tixgħel l-imsiebaħ u l-fanali.  Qisu xi ħaġa kif kien il-pitrolju sa ftit ilu.  Jidher li ż-żejt li joħroġ mill-karawett (peanut oil) qabbluh “mal-aktar żejt tajjeb” għax-xegħil – iż-żejt ta’ Sfaqs, li hi belt fit-Tuneżija.   Kos hux, issa ilna ħafna nafu li dari kienu jixgħelu l-imsiebaħ biż-żejt.  Imma x’żejt kien?  L-għasir taż-żejt miż-żerriegħa tal-ġulġlien ilu magħruf mill-bniedem.  Iż-żerriegħa tal-qoton tista’ tingħasar ukoll għaż-żejt.  Il-warda tax-xemx, il-mustarda, u ċerti siġar tal-palm ukoll tista’ tieħu ż-żejt minnhom.  Imma dawn iż-żjut, għalkemm ilhom magħrufa, qatt ma kienu rħas biżżejjed biex jintużaw min-nies komuni għax-xegħil ta kuljum.  Allura jkollna nerġgħu naqgħu għaż-żejt taż-żebbuġa.  Safejn naf jien, il-belt ta’ Sfaqs fit-Tuneżija għaż-żejt taż-żebbuġa hi magħrufa.  Imma jidher li fis-seklu dsatax – meta nkiteb dan il-Kalendarju u meta r-Rivoluzzjoni Industrijali kienet għadha fl-aqwa tagħha, kienu qed isiru sforzi internazzjonali biex jinstabu mezzi oħra ta’ kif il-bniedem seta’ jkeċċi d-dlam u jdawwal il-lejl, kemm fit-toroq tal-ibliet u wkoll fid-djar privati.  Edmon Davy skopra l-aċitilena fl-1836.  Il-pitrolju beda jsir fi New York fl-1854.  Jiġifieri li f’Malta tal-1850 l-aċitilena kienet għadha mhix komuni, u l-pitrolju kien għadu ma deherx fis-suq.  Imma l-bniedem ried xi ħaġa rħisa, forsi aktar miż-żejt taż-żebbuġa, biex biha jdawwal il-lejl.  Min kellu l-ħila jitfagħha fis-suq kien iġib flejjes tajba tagħha. Mhux għaġeb allura li s-Soċjeta Agrarja ta’ Malta esperimentat bit-tkabbir tal-karawett biex minnu jingħasar iż-żejt għax-xegħil tal-imsiebaħ u l-fanali.  Fix-xahar ta’ wara, jiġifieri f’Mejju, naqraw li s-Soċjeta kienet esperimentat ukoll bil-kromp taż-żejt, żerriegħa oħra wkoll maħsuba biex tingħasar għaż-żejt.  Illum nafu li din kienet ħidma li ma rnexxietx.  La l-pistaċċi tal-art, u lanqas il-kromp taż-żejt ma baqa’ jitkabbar f’Malta. U żgur li ż-żejt tagħhom qatt ma ntuża (f’Malta) għax-xegħil. Ir-rebħa kienet tal-aċitilena, tal-pitrolju, u aktar tard, tad-dawl elettriku.

2. Imma għalkemm it-tkabbir f’Malta tal-pistaċċi tal-art għaż-żejt tax-xegħil miet fuq ommu, ix-xiri tal-karawett għall-ikel żdied u għadu b’saħħtu sal-lum. Id-dizzjunarji jagħtu n-nisel tal-kelma karawett kemm mill-Ispanjol cachuete, u kemm mill-Għarbi kakawet. Sa qabel l-aħħar Gwerra Dinjija, f’Malta kienu għadhom jiġu “t-Torok” ibiegħu l-lakumja, l-ħabbgħażiż, u l-ħommos.  Kienu jiġu bil-karawett ukoll, u aħna ħadna l-isem minn għandhom, u jidher li l-kelma karawett m’ilhiex ħafna fi lsienna.  Il-Kalendarju tal-1850 ma jafhiex.  Jiġifieri ara kemm għandna nkunu grati lejn dawn “it-Torok”: il-lakumja u l-ħelwa tat-Tork nafuha lilhom; naqta’ rasi li l-bigilla wkoll saret l-ewwel darba Malta minn xi lsiera “Torok” li kien hawn fi żmien il-Kavallieri.  Il-kafe jissemma l-ewwel darba f’Malta fi żmien l-Ordni – għax il-kavallieri kienu jmorru jixorbuh fi ħwienet apposta li kien hemm fil-ħabs tal-ilsiera fil-Birgu, u kienu dawn l-ilsiera li kienu jmexxu dawn il-ħwienet u jafu jkewsu l-kafe.[1]  Issa jidher li kemm il-kelma “karawett” u kemm il-karawett tal-ikel innifsu nafuh lil xi “Tork” ukoll.

3. L-osservazzjoni tgħid li l-karawett irid “raba’ tajjeb”, imma jsemmi wkoll il-mezzan. Fuq din kelli nara x’inkiteb bit-Taljan, u sibt li flok raba’ mezzan kien hemm il-kelma mediocri.   Jiġifieri li jrid jgħid il-kalendarju hu li l-karawett irid raba’ tajjeb, imma r-raba’ “medjokri” u inqas tajjeb jista’ jintuża wkoll, imbasta jkun imdemmel, imbażżar, moħwi u maħdum kif imissu.

4. Sabiħa l-espressjoni li l-fjuri li toħroġ ix-xitla tal-karawett in-naħa ta’ fuq aktarx li jitbagħlu. Bit-Taljan hemm i fiori imbozziscono.

Ħafna drabi, meta tlaqqam siġra, inti taqta’ s-siġra s-selvaġġa minn isfel nett, biex fil-ħamrija tibqa’ tidher biss il-ġidra tas-siġra s-selvaġġa (bl-Ingliż stump). Imbagħad ġol-ġidra tinfilsa brokk jew tnejn, li ma jkun xejn ħlief żarġun meħud minn siġra oħra tajba u li inti trid tnissel il-frott minnha.  Il-brokk li tkun laqqamt u daħħalt ġol-ġidra jikber u jsir iz-zokk ewlieni ta’ siġra ġdida u li tagħti frott tajjeb.  Imma spiss jiġri li l-ġidra tas-siġra s-selvaġġa tipprova joħroġ friegħi oħra minn taħt it-tilqima.  Dawn il-friegħi huma tas-siġra s-selvaġġa, u jissejħu ibgħal.  Fis-singular il-kelma hi bagħal, u l-plural ġieli jingħad bgħula.  Ara li ma jkunx hemm xi bravu li jipprova jgħidilna li dawn il-kelmiet huma koroh, u jipprova jneħħihomlna minn ilsienna.  Dawn l-ibgħal jew bgħula (li s-siġra tkun ħarġet minn taħt it-tilqima),  jridu jinqatgħu għax inkella jikkapparraw is-siġra huma, il-friegħi it-tajbin ibatu biex jagħmlu l-frott, u s-siġra li laqqamt terġa’ tissalvaġġja u tagħmel biss frott selvaġġ.  Hu f’każ bħal dan li ngħidu li s-siġra tbagħlet.

Imma diffiċli biex tapplika dan li għidna hawn fuq għax-xitla tal-karawett.  Mis-sens wieħed jista’ jfissirha li “l-fluri t-tajbin jagħmlu speċi ta’ żerriegħa ġol-art” u l-fjuri li jitbagħlu huma dawk li jkunu fil-faxxina ‘l fuq mill-art u li ma jagħmlux minn din iż-żerriegħa.

5. Il-Kalendarju jitkellem fuq il-belt ta’ Sfaqs, fit-Tuneżija bħal li kieku kienet post magħruf mill-Maltin; daqslikieku qal Katanja, jew Sirakuża.

Il-belt ta’ Sfaqs, fit-Tuneżija. Dari b’kuntatti kbar ma’ Malta.

Dari, Sfaqs kienet magħrufa ħafna minn niesna.  Il-belt tissemma l-aktar għat-tkabbir u l-esportazzjoni taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa.  Imma Sfaqs hi magħrufa wkoll bħala belt tas-sajjieda, u l-kuntatt tas-sajjieda tagħna ma’ s-sajjieda u l-bċejjeċ tal-baħar ta’ Sfaqs hu kuntatt qadim ħafna.  Jiena wieħed minn dawk li jinsistu li meta ngħidu “Għall-faqsi xejn la tistaqsi”, nkunu qegħdin ngħidu għal xi ħadd minn Sfaqs; bħalma l-kelma qerqni, tirreferi għal xi ħadd jew xi ħaġa minn Kerkenna, u ġirbi għal xi ħadd minn Ġerba, kollha fit-Tuneżija (għaqreb Ġirbi, ful ta’ Ġirba).

Sfaqs, il-belt tas-sajjieda.

Meta Patri Manwel Magri ġabar dawk li llum nafuhom bħala “Ħrejjef Missirijietna”, sab lil min jgħidlu din:

Kien hemm żewġt aħwa li żżewġu lill-aħwa.  Għall-ewwel għexu flimkien, imbagħad kellhom xi jgħidu u nfirdu.  Wieħed mar Malta bil-mara u l-ieħor baqa’ Tuneż.  Minn dak imnissla l-Maltin; minn dana ta’ Tuneż.[2]

Din, bħall-ħrejjef l-oħra kollha, temminha jekk trid.  Imma hawn ħafna min jgħid li l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn.

Dgħajjes tas-sajd fi Sfaqs; bil-qlugħ (qala’) latin.

(C) Ġużi Gatt

 

[1] Ara ngħidu aħna l-artiklu Ottoman Coffee Cups from 18th-century Birgu and Valletta, ta’ Nathaniel Cutajar u Mevrick Spiteri, li deher fil-ħarġa Nru. 8 tal-perjodiku Tesserae, ippubblikat f’Malta minn Heritage Malta, fir-rebbiegħa tal-2019.

[2] Mifsud Chircop, Ġorġ, Ħrejjef  Missirijietna, Publishers Enterprises Group (PEG) Ltd, Malta, 1994, paġna 5.