ir-raba’ xahar tas-sena
Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju tal-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti. Għal kull xahar, il-kalendarju jsemmi x-xogħol li jrid isir fir-raba’, u x’għandu jinżera’ jew jitħawwel. Il-Kalendarju kellu wkoll għal kull xahar dik li jsejħilha “Osservazzjoni”, b’kummenti ħelwin u interessanti li m’għandhomx jitħallew jintilfu. F’dan l-artiklu qed nirriproduċu dak li qal il-Kalendarju għax-xahar ta’ April 1849. Aktar ‘l isfel hemm ukoll il-kummenti tagħna.
Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com
APRIL – IX-XAHAR TAL-INWAR
Dak li jidher u jsir fil-biedja:
Temperatura bejjinija tal-ajru: 16.6 C.
Traħħas: Iż-Żinżli, it-Tut, il-Ġewż, Iż-Żebbuġ, it-Tuffieħ ta’ Belludja, iċ-Ċirasa, il-Bajtar tal-Indja, il-Pistaċċi.
Tiżhar: Il-Bqajla, il-Prajn, il-Basal, iż-Żebbuġ, is-Sebuqa, l-Isfarġel, il-Patata, il-Qaqoċċ, ir-Rummien, iċ-Ċewsi (ċawsli).
Issajjar: Il-Frawli, in-Naspli, it-Tuffieħ t’Adam, il-Ġulbiena.
Jinża’: Il-Larinġ
Ix-Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Bagħli:
Tinżera’: Il-Qoton, il-Ġunġlien, id-Dulliegħ, il-Bettieħ, il-Qamħ-ir-Rum, il-Kromb tal-Ġidra, il-Bamja, il-Bużbież.
Jinżabar: Il-Qoton.
Jinqata’: Il-Bużbież.
Tinħasad: Is-Silla għan-niexef – is-silla maħsuda titħalla tinxef fl-art, kultant titqalleb. Meta tinxef tirtabat qattiet, u tinbena ħalel fuq l-art, jew fuq il-bjut.
Tinqala’: Is-Silla, il-Widna, il-Ful, il-Patata.
Ix-Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Saqwi:
Jinżara’: Il-Qara’ Aħmar, il-Kromb pastard, il-Bżar Aħmar.
Jitgħarras: Il-Ħabaq, il-Qara’ Twil.
Jinqalgħu: L-Irjus tat-Tewm.
Jinġeżżu n-nagħaġ, u ftit wara jitlagħhom il-muntun għall-għalla.
In-naħal jibda jersaq biex jofroħ.
Proverbji:
Qotna tal-moħriet
Aħjar minn għaxra tal-bejtiet.
Bil-kumpliment tajjeb t’April,
l-uċuħ kollha taqbeż u ttir.
Wara San Mark,
Ix-xita nar fl-art.
Osservazzjoni:
Il-maħluġ tagħna hu ta’ kwalita inqas minn tal-maħluġ li jsir fl-Afrika u fl-Amerka; u għalhekk ma jitfittixx għall-manifattura ta’ barra, u jitħallas inqas. Il-qoton tal-Gżira tal-Baħar, li l-maħluġ tiegħu jinbiegħ minn 90 sa 117-il skud il-qantar, sar ukoll tajjeb fl-art tagħna, għalkemm qalila kienet l-istaġun: fis-sena 1846 l-ewwel sena li ingħamel, ta 67 ratal kull tomna raba’, li qatgħu sbatax-il ratal u kwart maħluġ. Fit-tieni sena għamnewwel ta’ 102 irtal kull tomna raba’, li qatgħu 32 ratal maħluġ, li ġie stmat fl-Ingilterra 48 irbiegħi u sittax-il ħabba fil-wiżna. Imma xejn ma jagħmi lill-bidwi li tinġieb żerriegħa oħra tal-qoton f’Malta, jekk ma jkollu l-mezzi kollha biex jista’ jbiegħ il-maħluġ bi prezzu. (Mill-għajdut tas-sinjur Ġużeppi Montebello Pulis).
IL-KUMMENTI TAGĦNA:
Is-sabiħ ta’ dil-kitba hu li fuq paġna waħda hemm il-Malti, u fuq l-oħra hemm it-Taljan. Allura nafu li:
Temperatura bejjinija: bit-Taljan tiġi temperatura media
L-Inwar hi fioritura. Filwaqt li Marzu kien ix-xahar tar-raħs, April hu x-xahar tal-inwar. Raħsa hi l-bidu ta’ werqa ġdida: bl-Ingliż leaf bud. Issa nwara hi differenti minn żahra. Żahra hi blossom fjura mara li biż-żmien issir frotta. Nwara hi male flower li xogħolha hu li ddakkar iż-żahra, ħafna drabi bis-saħħa tal-insetti.
Fil-ktieb tiegħu Lis-storia ta Malta bil-Gzejer tahha, li ħareġ fl-1885, Pietru Pawl Castagna ħin minnhom jitkellem fuq it-tidkir fil-qasam tal-biedja. Xtaq li jiskoraġġixxi xi drawwiet li, skont hu, kellhom xi bdiewa fi żmienu. Jgħid li “xi wħud oħrajn idendlu wkoll il-ġebel mal-friegħi taż-żinżli, jitfgħu id-dundliena fuq is-siġar tar-rummien, jorbtu l-friegħi żgħar tal-ħarrub (msejħin nwar tal-bagħal) mal-istess ħarruba, u dan jagħmluh biex taparsi jieħdu iżjed frott”. Il-kittieb forsi kellu raġun jgħid li l-ġebel imdendel mas-siġar taż-żinżli ma kienx jgħin fit-tidkir. Ma nistax ngħid kellux raġun fuq id-dundliena (ara aktar ‘l isfel), imma żgur li kellu żball fuq l-inwar tal-bagħal indendlin mal-ħarruba. F’dan il-każ, il-bagħal hu s-siġra tal-ħarrub raġel (għax hekk tissejjaħ) u l-inwar huma appuntu fjuri żgħar irġiel li toħroġ din is-siġra raġel. Jekk friegħi b’dawn l-inwar irġiel jiddendlu mal-friegħi ta’ ħarruba mara, dan jgħin sewwa fit-tidkir. L-insetti jdakkru ż-żahar nisa bl-inwar irġiel. Fil-fatt f’dawk il-postijiet fejn it-tkabbir tal-ħarrub jittieħed bis-serjeta, jaraw li jħawlu bagħal – siġra raġel – u jdawruh bis-siġar nisa.
Biex titkixxef aktar fuq id-differenza bejn, traħħas, tiżhar, tgħarras, eċċ. ara l-artiklu Miż-żerrieħa saż-żerriegħa li deher aktar qabel fuq dan is-sit.
Id-Dundliena hi Ammi visnaga, xitla selvaġġa li ġejja mill-familja taz-zunnarija. Bl-Ingliż ġieli tingħad tooth-pick plant, jew anke Bishop’s weed. Din hi l-istampa tagħha meħuda mill-Wikipedia:
Traħħas is-siġra tal-ġewż. Bit-Taljan “ġewż” ingħatat biss bħala noce. Filwaqt li s-siġra tal-lewż hi ferm komuni fostna, is-siġra tal-ġewż m’hi komuni xejn. Nafu li l-Buskett hemm xi siġar tal-ġewż li x’aktarx tħawlu fis-snin tletin tas-seklu l-ieħor – jiġifieri ferm wara li nkiteb dan il-Kalendarju. Imma dawn huma ta’ dak il-ġewż imsejjaħ pecan – Carya oliveaformis (Juglandaceae). L-istess jgħodd għas-siġar li hemm Wied Inċita u Wied il-Għasel. Ma naħsibx li l-Kalendarju kien qed jgħid għall-pecan nuts. F’xhur oħra jissemma wkoll il-ġellewż. Pietru Pawl Castagna qal hekk fil-ktieb tiegħu li semmejna aktar ‘l fuq: “Kien fiż-żmien jeżisti xejn inqas:- it-tamar, il-ġellewż, il-bergamott, il-qastan, iċ-ċitrat, il-fraxxnu, il-pumakannella, u xi oħrajn li daż-żmien ma jinstabux ħlief xi waħda ‘l hawn u ‘l hinn”. Dan it-tagħrif isolvilna l-problema. Il-ktieb ta’ Castagna ħareġ xi sittax-il sena wara li ħareġ il-Kalendarju tagħna. Sa sittax-il sena wara, xi siġar li qabel kienu aktar komuni jidher li skarsaw sewwa. Castagna semma anke l-qastan u l-pumakannella. Illum ma tantx se ssib siġra minn dawn malajr f’pajjiżna.
Ninnutaw li meta l-kalendarju jgħid “bajtar” ikollu f’moħħu l-bajtar ta’ San Ġwann u s-siġra tat-tin. Meta jkollu f’moħħu l-bajtar tax-xewk jgħid “Bajtar tal-Indja”. Ara wkoll x’għidna fuq das-suġġett għax-xahar ta’ Marzu.
Interessanti li l-Kalendarju jsemmi s-siġra tal-“pistaċċi”, li jgħid li traħħas fix-xahar t’April, Jagħtik x’tifhem li din is-siġra kienet tikber fl-Malta. Id-dizzjunarji Maltin jagħtu wkoll il-kelma Semitika flok il-kelma pistaċċi: batan. F’Malta teżisti wkoll, fis-selvaġġ, is-siġra magħrufa bħala siġra tal-fosdoq, li wkoll hi min-nisel tal-pistaċċi (tal-batan). Din tal-aħħar hi siġra protetta.
Il-Bqajla hi l-isem tajjeb bil-Malti għal Spinaci, li hi bit-Taljan. Il-Bqajla tissemma ħafna fil-Kalendarju. Tidher li kienet komuni fil-biedja Maltija.
Iż-Żinżli. Ommi kull sena kienet iġġibilna d-dar xi ftit żinżli, meta jkun żmienu, biex nikluh. Iż-Żinżla hi siġra interessanti li fi żmienna hi trraskurata ħafna u m’humiex ftit dawk li żinżli ma jafux x’inhu. Ħasra. Anke Castagna fil-ktieb tiegħu Lis-storia ta’ Malta bil gzeher tahha, jgħid hekk: “Żinżli u għanżalor ma tantx jabbondaw fis-suq tagħna”.
Pomodoro għall-Kalendarju hi “Tuffieħ t’Adam”. Minn hemm l-isem tħassar u sar “tadam”. Fuq it-tuffieħ ta’ Belludja, Pietru Pawl Castagna, fil-ktieb tiegħu li diġa semmejna, jgħid hekk:
It-tuffieħ jagħtina erba’ varjetajiet – l-abjad, ta’ Belludia, ta’ Ġianmattia, u tar-Reġina. Dak tan-Nadur, li fil-kwalita tiegħu hu xi ħaġa inqas, fil-kobor jgħaddi lil ta’ Malta.
Mela m’hemmx dubju li qed nitkellmu fuq it-tuffieħ ta’ Malta, u mhux tuffieħ impurtat. Tuffieħ ta’ Gianmattia – tgħid għadna nafu x’inhu?
Stramba ftit li l-Kalendarju jgħid li f’April “tinża’ s-siġra tal-larinġ”. Safejn naf jien, il-larinġ ma jinżax. Imma forsi jrid ifisser li f’April il-larinġ iwaqqa’ ħafna weraq. Jgħid ukoll li f’April jinqata’ l-Bużbież. Jien mingħalija li l-bużbież l-aħjar li jinqata’ f’Awwissu. Forsi qed jgħid għal dak il-bużbież li jinqala’ bil-basla jew bil-qalba tiegħu b’kollox u jittiekel aħdar u mgħolli. Imma billi qal “jinqata’” x’aktarx li kien qed jgħid għaż-żerriegħa. Insibhom osservazzjonijiet ftit strambi.
Id-dizzjunarju ta’ Aquilina jgħid li “kromb” huma vegitables of the nature of turnips, cabbages, and cauliflowers. Fix-xahar t’April, il-Kalendarju tal-Bidwi għażel bejn il-“kromb tal-ġidra” (cavolo rapa) u l-“kromb tal-pastard” (cavolo fiore). Illum ngħidu biss ġdur u pastard.
Il-Bamja, skont il-Kalendarju, hi chetmia de’ giardini. Hekk hemm miktub għalkemm ma stajtx insib dan l-isem fuq l-internet. Nafu li bamja hi l-kelma Maltija safja għal dik li internazzjonalment jafuha bħala “okra”. Minbarra bamja, bil-Malti ġieli issejħet ukoll “Qarn il-Griegi”. Issa din, minħabba l-ħafna barranin li hawn fostna bħalissa, reġgħet tinsab fis-suq Malti. Il-ħmerija hi li llum il-Maltin ma jafux li isimha bil-Malti hu “bamja”, u qed jgħidulha Ladies’ fingers. Ħasra.
Is-silla tinbena ħalel fuq l-art. Il-kelma ħalel forsi nafuha aktar bħala “mewġ kbir”, “il-ħalel tal-baħar”, imma tingħad ukoll (anzi kienet tingħad l-aktar) għal dawk il-munzelli kbar ta’ tagħam – qamħ jew xgħir – imdawra mal-qiegħa lesti biex jindirsu. L-għalqa fejn ikun hemm il-qiegħa mdawra bil-ħalel tal-qamħ lesti biex jibda d-dris tissejjaħ l-ANDAR, u meta l-bidwi jibda’ x-xogħol ta’ fuq il-qiegħa ngħidu li l-bidwi qiegħed fuq l-andar. Il-kalendarju tagħna qed juża wkoll il-kelma ħalel għall-munzelli tas-silla li jinħażnu fuq il-bjut jew x’imkien ieħor għar-rdoss.
Taqbdek għafsa ta’ qalb meta tintebaħ kemm tlifna l-ħakma li dari kellhom niesna fuq l-ilsien Malti. F’April “jinġeżżu n-nagħaġ”, jiġifieri jqarwżulhom is-suf żejjed li jkollhom biex imbagħad dan is-suf jagħżluh u jagħmluh ħajt. Bl-Ingliż tiġi to shear. L-għodda li tintuża biex iġġeżż in-nagħaġ hi l-ġelem (shears). Min ikun tas-sengħa jkun jaf iġiżż in-nagħaġ u jħalli s-suf f’biċċa waħda, li tissejjaħ ġeżża – bl-Ingliż fleece. “Jagħżluh” bl-Ingliż tiġi “to spin”. L-għodda biex tagħżel jgħidulha magħżel. Wara li jinġeżżu, in-nagħaġ “jitlagħhom il-muntun għall-għalla”. Jitlagħhom jiġifieri jitla’ fuq daharhom biex jgħammarhom. L-għalla hi dak li tieħu minn dan it-tgħammir. F’ċertu sens dil-kelma hi dik li bl-Ingliż tiġi crop. Fil-letteratura nsibu l-kelma “għelejjel” li hi l-plural ta’ għalla, u tfisser dawk l-uċuh li l-bniedem jieħu mir-raba’. Imma l-bhejjem jistgħu ukoll ikunu “tal-għalla” – għax l-għalla jew il-crop li jagħtu jkunu l-ħrief, il-gidien, l-għoġġiela, jew il-qżieqeż li jirriżultaw meta l-muntun, il-bodbod, il-barri, jew il-ħanżir jitla’ n-nagħġa, il-mogħża, il-baqra, jew il-majjala, u dawn jildu.
Fl-osservazzjoni jissemma l-maħluġ. Meta dari l-bidwi kien jiġbor il-bjad tal-qoton, dan il-bjad ikun għad fih iż-żerriegħa. Din iż-żerriegħa trid titneħħa, billi l-qoton jingħadda minn ġo magna msejħa l-ħallieġa, li kellha l-ħila li twaqqa’ ż-żerriegħa fuq naħa, u fuq in-naħa l-oħra jaqa’ l-qoton “maħluġ” – jiġifieri bla żerriegħa. Il-qoton ried ikun maħluġ biex ikun jista’ jinbiegħ għall-manifattura u jqalla’ l-flus lill-bidwi.
Għamnewwel. Jekk toqgħod bil-pinna u l-klamar, għamnewwel tfisser is-sena li għaddiet, u fi żmieni l-Għawdxin kenu għadhom jafuha b’dak is-sens. Imma l-kalendarju qed jużaha f’sens ieħor: irid jgħid li għamnewwel hu l-wiċċ li tieħu mit-tieni żrigħ – jiġifieri tiżra’ ż-żerriegħa u tieħu l-prodott fl-ewwel sena; iżżomm ftit minn dak li ħadt biex darb’oħra tużah bħala żerriegħa, terġa’ tiżra’ t-tieni sena, u l-wiċċ li tieħu minn dan it-tieni żrigħ hu l-għamnewwel. Tifsira interessanti, imma jibqa’ l-fatt li t-tifsira t-tajba ta’ għamnewwel hi: is-sena li għaddiet.
F’April, in-naħal jibda jersaq biex jofroħ. Meta n-naħal ġol-bejta jiżdied b’mod li l-qolla, jew il-kaxxa, jew il-ħofra li jkunu fiha ma tibqax tesagħhom, in-naħal JOFROĦ (to swarm); jiġifieri jinqasam billi nofsu jibqa’ fil-kaxxa fejn ikun, imma ma’ reġina ġdida, u n-nofs l-ieħor joħroġ mar-reġina x-xiħa biex idabbar rasu xi mkien ieħor. In-nofs li joħroġ ‘il barra jgħidulu l-FERĦ (swarm). In-naħal jofroħ.
(C) Ġużi Gatt
Jien is silla nafha li tintrabat qatet u mbaghad jaghmluha HEMEL plural HMIEL Missieri dejjem hekk ghallimna, kien bidwi mir Rabat u li ghadu haj ghandu 93 sena