Fl-1838, George Percy Badger ħareg il-ktieb dwar Malta li kien jismu Description of Malta and Gozo. Badger kien Ingliż li kien intbagħat Malta biex jaħdem ġo stamperija. Malajr tgħallem jitkellem bil-Malti u bis-saħħa t’hekk sar espert anke tal-Għarbi.

Dan l-artiklu ferm interessanti huwa l-ewwel minn sensiela dwar xi strumenti tradizzjonali Maltin u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni”.

Id-dizzjunarju tiegħu An English-Arabic Dictionary, ippubblikat Londra fl-1881, għadu kkwotat mill-istudjużi sal-lum. Badger kiteb il-ktieb dwar Malta bħala għajnuna għal min iżur dawn il-gżejjer. Fil-ktieb ta tagħrif fuq l-istorja, semma l-postijiet li ta’ min wieħed jara, u kiteb fuq id-drawwiet tal-Maltin. Meta semma d-daqq u l-għana Malti, Badger kiteb dan li ġej:

“L-istrumenti (jew il-banda) tal-Maltin tal-kampanja huma:

*It-tanborlin (tambarine);
*ċertu għamla ta’ ċirimella (bag-pipe);
*ċilindru vojt, b’dijametru ta’ xi nofs pied, b’ġild ta’ annimal jiksi naħa waħda tiegħu u b’qasba marbuta f’nofs il-ġild, li tingħorok ‘l fuq u ‘l isfel b’id waħda u tagħmel ħoss tassew monotonu;
*tanbur (kettle-drum);
*u “ħafna għamliet differenti ta’ lyres b’żewġ jew b’erba’ kordi.”

Mil-lista ta’ strumenti li semma Badger, wieħed jagħraf mill-ewwel it-tanborlin, iż-żaqq, u ż-żafżafa. Imma l-kettle-drum x’kien? Badger kien lingwista u ma jidhirx li kien juża l-kliem bl-addoċċ. Kemm skond id-dizzunarju, u kemm skond it-terminoloġija mużikali, kettle-drum hu tanbur magħmul għamla ta’ nofs globu – bħal dak li llum jissejjaħ “timpani”. Jiġifieri li dat-tanbur kien f’għamla ta’ żinġla jew borma kbira bil-wiċċ imġilled. Dnub li aħna qatt ma rajna wieħed minn dawn. Fil-Malti għandna l-kelma “TABAL”. Għandna l-qawl, “Ma jibżax minn daqq it-tabal”. Din tingħad għal xi ħadd li għalkemm is-sultan joħroġ il-bandu, u jiġu s-suldati jdoqqu it-tabal (tanbur) u jagħtu l-amar tas-sultan, dan jiġi jaqa’ u jqum għax “ma jibżax minn daqq it-tabal”. Kull min hu midħla tal-mużika jaf li “Tabla” hu l-isem ta’ tanbur magħruf ħafna li jindaqq fl-Indja. Dan ukoll hu f’għamla ta’ żinġla mġillda. F’xi partijiet tal-Magħreb din l-għamla ta’ tanbur tissejjaħ “Debdieba”, kelma li teżisti fid-dizzjunarju Malti wkoll. Hi tassew ħasra li missirijietna ma ħallewlniex ħjiel tat-tabal Malti ħlief fid-dizzjunarju.

Imm’hemm mistoqsija ferm aktar interessanti. X’inhuma l-ħafna għamliet differenti ta’ lyres li kellhom il-bdiewa Maltin iktar minn mija u ħamsin sena ilu? Il-għamla bażika ta’ l-istrument li bl-Ingliż jissejjaħ lyre hi kif jidher fid-disinn: QASGĦA (sound-box/resonator) b’żewġ injamiet wieqfa, injama oħra mimduda, u l-kordi stirati mill-mimduda għal mal-qasgħa. Aħna qatt ma rajna strument tradizzjonali Malti bħal dan. U Badger jgħid li dak iż-żmien, il-bdiewa Maltin kellhom għamliet differenti ta’ dan l-istrument, min b’żewġ kordi u min b’erbgħa. B’xorti ħażina Badger jgħid ukoll li, anke fi żmienu, dawn l-istrumenti kienu bdew jiskarsaw, “u posthom qed jittieħed minn ġmiegħi ta’ tlalab għomja jdoqqu l-vjolin (fiddle), li ssibhom fi kważi l-irħula kollha.”

(Lyre hi differenti minn “Arpa”, għax Arpa tkun għamla ta’ trianglu, waqt li l-Lyre tinbena fuq tilar b’erbat iġnieb.)

Jidher ċar li lanqas Badger ma semma l-lista kollha ta’ strumenti tradizzjonali li kienu jeżistu fi żmienu. Malajr tinduna ngħidu aħna, li Badger ma semmiex il-FLEJGUTA – li hi għamla ta’ suffara jew fifra, li nafu li kienet teżisti għax għadha magħrufa sal-lum.

Skond il-Professur Godfrey Wettinger, l-eqdem dokument li nstab s’issa li jsemmi xi strumenti mużikali f’Malta, hu kitba tas-sena 1466 li ssemmi li fit-tieġ ta’ certa Donna Lisa man-nobbli Chanchio de Platamone kienu ndaqqu “t-trombi, vjola, u għud.” (1)

M’għandniex xi ngħidu, ħadd m’hu qed jgħid li dawn kienu strumenti tradizzjonali Maltin. X’aktarx li jkunu nġiebu Malta minn barra. L-istess jista’ jingħad għal tagħrif ieħor li joħroġ minn proċess kriminali li kien inġieb quddiem l-Inkwiżitur Verallo, għall-ħabta ta’ l-1603. Fil-proċess kien xehed wieħed ajk Dumnikan – Giacomo Randazzo – li qal li lejlet il-Milied ta’ dik is-sena, kien ra lil ċertu Baskal Vella, Petrillu u Kaspan Saliba, Patist D’Arena u ieħor jismu Bastjan, iduru d-djar tas-sinjuri fil-Birgu u jdoqqu dawn l-istrumenti li ġejjin. L-ismijiet ta’ l-istrumenti se nagħtuhom kif inhuma miktuba bit-Taljan. Din l-istorja ta’ xi ntqal quddiem l-Inkwiżitur dak in-nhar, qalibha għall-Malti l-patri Dumnikan Mikiel Fsadni u xxandret fir-rivista Riflessi f’Jannar ta’ l-1972. (L-ismijiet bit-Taljan tahomlna Patri Fsadni nnifsu, u ta’ dan nirringrazzjawh.) Mela dawn l-erbat irġiel, f’dak il-lejl tal-Milied fil-bidu tas-seklu sbatax, kienu qed idoqqu dawn l-istrumenti: Cithera, Tamburetto Flauto u Liguto. It-Tamburetto u l-Flauto jintgħarfu malajr. Huma t-tanbur jew t-tanborlin ta’ l-idejn, u l-flawt, jew fifra, jew flejguta.

Meta fittixna l-kelma cithera f’The New Grove Dictionary of Musical Instruments, id-dizzjunarju rreferiena għall-istrument li bl-Ingliż jissejjaħ Cittern. Qalilna li dan l-istrument li jixbah lill-kitarra kien popolari ħafna fis-seklu ħmistax u sittax. Kien meqjus bħala strument tal-popolin, u biex nieħdu idea ta’ kif seta’ kien, qed inġibu disinn ippubblikat fil-ktieb Breve et Facile Instructions maħruġ fl-1565 minn Le Roy u Ballard. Kollox juri li l-istrumenti li kellhom f’idejhom dawn id-daqqaqa tas-seklu sbatax kienu miġjuba jew mixtrija minn barra.

Il-kelma liguto d-dizzjunarju ma jafhiex. Patri Fsadni jgħidilna (fuq parir ta’ Erin Serracino Inglott) li l-ittra “g” trid tinqara bħall-“j” Maltija. Jiġifieri l-kelma tiġi tinqara “Ljuto”. F’dal-każ id-dizzjunarju jagħtina l-kelma “liuto” u jirreferina għall-istrument li bl-Ingliż jissejjaħ lute. Il-kelma lute hi tgħawwiġa Ewropea tal-kelma Għarbija (u Maltija) “L-Għud”. L-għud hu wkoll strument bil-kordi li jixbaħ il-kitarra. Il-kliem “għud”, u “għud tad-daqq” jissemma fid-dizzjunarju Damma tal Kliem Kartaginis mscerred fel fom tal Maltin u Ghaucin, ta’ Agius De Soldanis. Id-dizzjunarju jtik x’tifhem li qed jissemmew strumenti li jeżistu f’Malta, għalkemm mkien ma jingħad li dawn kienu strumenti “tradizzjonali”.

Ħadna xi eżempji ta’ dan l-istrument milli jagħti l-Grove Dictionary u qed nuruhomkom flimkien ma’ eżempju ta’ cithera. Fuq dan l-għud, (jew ir-“rabbab” li tidher fl-eżempji li qed inġibu), ikollna xi ngħidu aktar ‘il quddiem.

Id-dmir li għandna, li naraw li dawn l-istrumenti ma jintnesewx, nistgħu nibdew inwettquh issa stess – billi nniżżlu bil-miktub kulma hu magħruf s’issa. Mela ejja nibdew:

IŻ-ŻAQQ

Fl-1977, żewġ barranin, J.K. Partridge u Frank Jeal (għax, m’għandniex xi ngħidu, f’xi ħaġa bħal din il-barranin iridu jkunu biex jagħmlu dak li suppost nagħmlu aħna) ippubblikaw artiklu twil fil-Galpin Society Journal li kien jismu “The Maltese Żaqq”. It-tagħrif li ġej ħadnieh minn dan l-artiklu – imma mhux biss. Għax irnexxielna nikkonfermaw kull ma sibna miktub u anke nitgħallmu xi ħaġa oħra minn għand is-Sur Toni Cachia min-Naxxar, magħruf bħala “l-Ħammarun”, li hu l-aħħar wieħed f’Malta li kien idoqq iż-żaqq u jaf jagħmilha. Fl-1997 sibna lis-Sur Cachia mimli bil-għomor fid-dar tiegħu n-Naxxar, u bis-saħħa tiegħu għamilna żaqq kompluta b’kollox. Issa nistgħu ngħaddu dak li nafu aħna lil ħaddieħor.

IL-ĠILD

Il-ġild jista’ jkun ta’ gidi, ħaruf, għoġol, jew imqar ta’ kelb jew qattus. Ġild ta’ kelb jitfarfar u jibqa’ jinten. L-għoġol irid jittieħed minn baqra li tinqatel jew tmut qabel tiled. Din hi ħaġa li tiġri u ħadd m’għandu għax jaħseb li trid toqtol baqra biex tieħu l-għoġol! Toni Cachia kien talabni nġiblu ġild ta’ “gidi ta’ wiżna” – imma Ġanni Bajada – li kellu jisloħuli, qalli li ta’ wiżna jkun żgħir wisq u ried gidi ftit ikbar. Biex tisloħ il-ġild trid sengħa kbira. Tinqata’ ras il-bhima u l-għadam u l-laħam kollu jrid joħroġ mill-għonq. Il-ġild irid jibqa’ sħiħ, u jekk imqar tolqtu b’sikkina u ttaqqbu, titilfu.

Meta jkollok ġild misluħ, taqilbu ta’ taħt fuq u torbotlu kull fejn issib toqba – jiġifieri saqajh, patattu, eċċ. L-irbit irid isir sewwa għax ma tridx tnixxi l-arja. Imma kemm l-għonq kif ukoll waħda mis-saqajn ta’ quddiem jintrabtu b’rabta ħafifa għax iridu jerġgħu jinħallu. Tonfoħ il-ġild bħal bużżieqa (bis-suf jew xagħar fuq ġewwa) u togħrok sewwa l-ġilda ratba ta’ barra bil-ġir (jew bil-melħ). Iddendel il-ġild minfuħ u mogħruk sewwa bil-ġir xi mkien fil-kurrent biex jinxef. Wara xi nofs ta’ nhar, meta l-ġild ikun għadu ftit artab, terġa’ taqilbu ta’ taħt fuq, biex did-darba s-suf jew ix-xagħar ikun fuq barra. Itfa’ ġo fih iktar ġir (ngħidu aħna minn ġo l-għonq), erġa’ onfħu, ġaħġħu sewwa (jiġifieri “xxejkjah”) ħalli l-ġir jidħol kull fejn għandu jidħol, u ħallih imdendel sakemm jinxef sewwa.

L-IMSERKA

Ġo waħda mis-saqajn ta’ quddiem trid tidħol l-IMSERKA. Din tkun qasba b’diametru ta’ ftit inqas minn ċentimetru u nofs u twila daqs ħmistax-il ċentimetru jew ftit iktar. Id-daqqaq irid jonfoħ l-arja fiż-żaqq mill-imserka. Din ma jkunx fiha non-return valve! u trid issodd l-imserka bi lsienek waqt li tieħu n-nifs biex terġa’ tonfoħ. Mat-tliet saqajn l-oħra jiddendlu l-ġmiemen magħmula minn żigarelli ta’ kull lewn.

IS-SAQQAFA

Il-parti taż-żaqq li ddoqq jgħidulha s-SAQQAFA (chanter) u din tidħol fil-ġild mit-toqba ta’ l-għonq. Mill-partijiet kollha ta’ ġo fiha, l-aktar importanti huwa l-BEDBUT (single reed). Minn dawn ikun hemm tnejn. Il-qasba li jkunu magħmulin minnha tkun ħoxna madwar tmien millimetri u twila madwar seba’ ċentimetri. Il-qasba tixxaqqaq kif jidher fid-disinn, biex ikollha BIEBA li tperper u tagħmel il-ħoss meta l-arja tonfoħ fuq il-bedbut. Iż-żewġ bdiebet ta’ ġos-saqqafa irid ikollhom l-istess nota. Biex iġġib il-bdiebet idoqqu l-istess trid TLAQQAMHOM. Dan isir billi ddaħħal xagħra minn rasek fix-xaqq ta’ bejn il-bieba u l-kumplament tal-bedbut, u torbot bil-ħajt b’tali mod li jew tissikka jew tlaħlaħ it-tperpir tal-bieba sakemm iż-żewġ noti jiġu l-istess. Iż-żewġ bdiebet jidħlu f’żewġ QWIEMI (sing. qima).

Biex tifhem dan kollu l-aħjar li tħares lejn id-disinn.

Kull qima jkollha l-IRFIS tagħha. Is-sqaqaf kollha li nafu bihom s’issa għandhom l-istess arranġament ta’ rfis. Dan l-arranġament m’għandux jinbidel kif ġieb u laħaq għaliex bih toħroġ l-iskala mużikali ta’ l-istrument Malti. Ikun miġnun min jipprova jbiddel in-numru tar-rifsiet biex iġib l-istrument idoqq bis-sistema mużikali msejħa “diatonika” (jiġifieri id-do re mi fa so la si li jdoqq il-pjanu). L-arranġament Malti hu ħames rifsiet fuq qima waħda u rifsa waħda fuq l-oħra – eżatt kif tara fid-disinn. B’dan l-arranġament ma joħorġux seba’ noti imma sitta. DAN M’HUWIEX DIFETT! Strumenti tan-nifs b’ħames rifsiet huma komuni ħafna fil-mużika folkloristika ta’ l-Ewropa tal-Lvant u fl-Afrika ta’ Fuq. Min-naħa l-oħra, il-kittieba Partridge u Jeal fl-artiklu tagħhom fuq iż-żaqq Maltija jgħidu li l-arranġament Malti ta’ “ħamsa u waħda” m’huwiex komuni. Jgħidu li l-uniku arranġament bħalu li jafu bih fid-dinja hu fuq żaqq li tindaqq fil-ĠEORĠJA, li qabel kien jagħmel parti mill-Unjoni Sovjetika.

Iż-żewġ qwiemi, bil-bdiebet imdaħħlin ġo fihom, jidħlu ġo qasba ħoxna li tissejjaħ il-QXEJRA (ara d-disinn). L-ispazju li jkun hemm bejn il-qwiemi u l-qxejra jrid jimtela. Jiddaħħlu żewġ BEJJINIET biex jitnaqqas l-ispazju li jrid jimtela, u x-xquq li jifdal jimtlew bix-xama’ jew bl-istokk. B’hekk, meta l-arja tonfoħ fuq is-saqqafa ma ssibx minn fejn toħroġ ħlief minn ġol-bdiebet u mill-irfis.

F’tarf is-saqqafa jidħol il-QARN. Dan irid ikun ta’ barri daqsxejn kbir jew ta’ gendus. Il-qarn jinbarax b’biċċa ħġieġa b’xifer jaqta’. Iktar ma traqqaq il-qarn iktar aħjar – għax aktar JIDWI. Il-qarn hawn min jgħidlu wkoll QRAJNA li hi l-istess kelma imma fid-diminuttiv. Ma naħsbux li l-kelma “Qrajna” tfisser xi strument ieħor – hi sempliċiment parti mis-saqqafa taż-żaqq. L-użu tad-diminuttiv kien komuni ħafna fil-Malti ta’ dari – qrajna (qarn żgħir); qxejra (qoxra żgħira); fit-tanbur hemm il-kelma “wejda” (id żgħira), eċċ. Ix-xifer tal-qarn jinqata’ pizzi pizzi, u naturalment kulħadd iżejjen l-istrument tiegħu kif jidhirlu hu.

L-ISKALA MUŻIKALI

Strumenti bħal m’huma il-klarinett u is-saxaphone, ilkoll idoqqu bis-sistema ta’ qasba tperper, jiġifieri bħall-bedbut. Is-saqqafa taż-żaqq, mela, tiġi qisha għandha żewġ klarinetti żgħar idoqqu flimkien. Il-“klarinett” jew “qima” li jkollha ħames rifsiet tagħmel il-LEĦEN (melody), filwaqt li dik li jkollha rifsa waħda tagħmel id-DEWWIEMA (drone). Id-dewwiema hi dik in-nota li tibqa’ għaddejja l-ħin kollu waqt li l-qima l-oħra tkun qed tagħmel il-leħen, jew il-melodija proprja. Fiż-żaqq, id-dewwiema hi ta’ żewġ noti, bid-daqqaq jiddeċiedi hu meta jagħfas il-waħda jew l-oħra, skond il-kisra tal-leħen li jkun għaddej. Toni Cachia kien tgħallem idoqq iż-żaqq minn għand Ġużeppi “l-Arrun”. Toni twieled fl-1916. Meta tgħallem iż-żaqq kellu sittax-il sena, filwaqt li l-Arrun kellu “fuq is-sittin”. Ġużeppi l-Arrun kien Mosti, li emigra lejn l-Amerka, imma reġa’ lura Malta u mar joqgħod ġo razzett in-Naxxar “in-naħa tal-Kunċizzjoni”. Kien miżżewweġ darbtejn u ma kellu tfal la minn waħda u lanqas mill-oħra. It-tieni mara tiegħu, (dejjem skond Toni Cachia il-Ħammarun), kienet iddoqq t-tambur waqt li l-Arrun kien idoqq iż-żaqq fl-għalqa li kellu mar-razzett, (għalkemm ma naħsbux li kienet toħroġ iddoqq miegħu fit-toroq). L-Arrun għallem lill-Ħammarun idoqq “daqqa” waħda, u Toni baqa’ jdoqq dejjem lilha, jiksirha, jew jimprovizzaha l-ħin kollu kif jidhirlu hu. Biex iddoqq id-daqqa ta’ l-Arrun, is-saqqafa trid tkun iddoqq dawn in-noti:

Is-saqqafa taż-Żaqq Maltija tixbaħ ħafna lis-saqqafa ta’ dak l-strument tradizzjonali Griek li jissejjjaħ Tsambouna. Ix-xebħ hu qrib ħafna, imma qabel ma xi ħadd jgħid li l-istrument tagħna daħluh il-Ġriegi, tajjeb li niftakru li t-terminoloġija kollha tal-partijiet individwali li minnhom hi magħmula ż-Żaqq Maltija, ibda mil-ġild u spiċċa fil-qarn, hi kollha ta’ nisel Semitiku. L-aqwa xhieda tal-qedem ta’ dan l-istrument f’Malta hi l-kelma “żaqq” infisha. Din ftit tagħmel sens kieku t-tifsira tagħha kienet biss dik li bl-Ingliż tissejjaħ belly. Imma fl-Għarbi medjevali, din il-kelma tfisser waterskin. Id-dizzjunarju ta’ Mikiel Anton Vassalla jaf b’dan, imma din it-tifsira ilha li ntilfet fil-Malti. Imma li ġġib quddiem għajnejk il-ġild taż-żaqq bħala waterskin jagħmel ħafna sens. Jiġifieri t-terminoloġija taż-Żaqq tixhed sfond Semitiku, imma l-għamla tas-saqqafa tixhed influwenza Griega. Il-post ideali fid-dinja fejn l-Garbi seta’ jiltaqa’ mal-Grieg kien fi Sqallija Għarbija. Inħoss li hu hemm il-post fejn għandna nfittxu n-nisel ta’ dan l-istrument.

Ritratt ta’ waterskin, fid-dinja Għarbija, meħud mill-internet

Sa qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, “l-aqwa daqqaqa taż-żaqq kienu l-Mostin”, li kienu jagħmlu żquq “sbieħ ferm” mill-ġlud “tal-klieb tal-fenek” u jżejnuhom bi ġmiemen magħmula “mill-ħajt tal-qoton” miżbugħ “aħmar, u blu”, u abjad. In-Naxxar kien hemm daqqaqa tajbin ukoll. Fost id-daqqaqa li jiftakar Toni Cachia, Naxxarin u Mostin, isemmi lil dawn: Anġlu ta’ Marku, li ma kienx hawn bħalu biex jikkorda s-saqqafa, u uliedu Feliċ, Peppi u Cikku li kienu jdoqqu t-tanbur miegħu; Manwel Kandelettu wkoll kien mustaċċun għas-saqqafa, u kien idoqq iż-żaqq ma’ Patist il-Barbier li kien jakkumpanjah fuq it-tambur. Patist kien ukoll jinqala’ ħafna għall-bdiebet; Ġanni l-Ħawli (Vella) kien daqqaq mill-aqwa, u kien idoqq ma’ Ġanni ta’ Masu (tanbur); Ġużeppi l-Arrun kien idoqq fl-għalqa tiegħu mal-mara; imbagħad kien joħroġ fit-toroq bil-Gerfux ix-Xiħ idoqqlu t-tanbur. Fi xjuħitu beda jdoqq ma’ Toni Cachia, u Toni jgħid li fl-aħħar snin l-Arrun kien għama; tilef id-dawl, u allura kien jorbotlu tarf it-terħa mat-terħa tiegħu, u kienu joħorġu jduru t-toroq hekk: marbutin, iġebbdu ‘l xulxin mit-terħa. Meta l-Arrun miet, Toni kien joħroġ idoqq ma’ Toni Camilleri “it-Tommy”; Manwel u Salvu ta’ Karlinu kienu tajbin ukoll, u kienu jdoqqu ma’ Salvu ta’ Milħu. Fost id-daqqaqa Mostin kien hemm Luqa tat-Tork (biż-żaqq) u t-tifel tiegħu bit-tanbur; Manwel u Anġlu l-Lullu; Pawlu tat-Tronġa ma’ Pietru tal-Barkun; Manwel iż-Żubin (Gatt); u Lazzru tal-Lazz (Camilleri). Is-Siġġiewi kien hemm Ġlormu Buhagiar; Ħad-Dingli kien hemm Pawlu (Vassallo) il-Bimblu. In-naħa tal-Kottonera jissemma is-Sonu (Awsonju Bugeja). Il-Ħammarun jiftakar daqqaq li kien magħruf ħafna fi żmienu għal kemm kien kapaċi jiżfen, jaqbeż, joqmos, u jimmutettja waqt li jdoqq it-tambur. Kien minn Ħal Qormi u kienu jgħidulu “l-Gaxaxa”. Kien “nagħal” – iniegħel iż-żwiemel. Toni dejjem jgħid li l-aktar li kien jolqot l-għajn u jiġbed in-nies kien id-daqqaq tat-tanbur, li ried ikun żeffien tajjeb, u jaf iżomm ir-ritmu u jiltewa u jitgħaweġ skond id-daqqa taż-żaqq. “Mingħajru ma’ tagħmel xejn”.

JISSOKTA

Ġużi Gatt (c)

NOTI:

(1) “Acta Originalia”, P. and A. de Nasio contra Chanchum Plathamone, ff. 26v et seq. Il-Mużew tal-Katidral ta’ l-Imdina: Curia Episcopalis Melitae.