Dan l-artiklu ferm interessanti huwa t-tieni u l-aħħar minn sensiela dwar xi strumenti tradizzjonali Maltin u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni”.

IŻ-ŻUMMARA

Jekk ikollok bedbut u qima bħal dawk li hemm midfuna fis-saqqafa taż-żaqq tista’ tagħmel strument ieħor.  Bedbut u qima jagħmlu strument li jissejjaħ ŻUMMARA.  Dan l-istrument jindaqq ġol-ħalq, mhux imdaħħal ġo ġild ta’ żaqq.  Iż-żummara tista’ tkun magħmula minn bedbut u qima waħda biss; jew jista’ jkollha wkoll qarn żgħir f’tarf il-qima; jew tista’ torbot żewġ qwiemi u żewġ bdiebet flimkien.  Iż-żaqq, fil-fatt, hi magħmula minn żewġ żmamar marbuta flimkien.  Meta tkun għadek qatt ma rajt xi jkun fiha saqqafa ta’ żaqq, ma tagħmilx il-konnessjoni mill-ewwel.  Imma meta tkun taf, tintebaħ bix-xebh ma’ l-ewwel daqqa t’għajn.

 F’Novembru 1948, il-Ġiżwita Ġ. Ghigo S.J. kiteb artiklu msejjaħ: “Il-Milied fil-Qawl u l-Folklor” f’Ward ta’ Qari:

 Nhar il-Milied l-irġiel u l-ġuvintur li bdew idaħħlu xi sold fil-but kienu jduru mat-toroq tar-raħal jew jinġabru f’xi ħanut tal-misraħ. U hekk kienu jgħaddu l-aħjar tal-jum jgħannu u jixxalaw. It-tfal ma kinux jersqu lejhom għajr biex jixorbu xi ħaġa minn fuqhom jew jitkesksu għal xi erba’ sittiet. Kienu jinġabru fis-sqaq ta’ wara l-knisja, jilgħabu, jaqbżu, jgħajjtu u jinbxu lix-xemx għaddejja. Iżda malli jidher fosthom it-tifel ta’ Kola tan-Nagħal, bil-barnuża ta’ missieru f’rasu, idoqq iż-żummara:

 “Ninu, ninu tal-Milied,
Ommi għamliet il-kagħkiet,
Għamlithom tal-qastanija,
Santu Rokku tat-tiġrija;
Għaddew il-festi kollha,
Tlabtu waħda, tagħni mija,..”

 Sħabu jkomplu miegħu, waqt li Mattew, it-tifel ta’ Indrija l-Vopa, jitħajjar u jiġri lejn id-dar, qisu għafrit, barra minn fuqu u s-siegħa ta’ dal-ħin. Fis tarah ġej, nifsu maqtugħ, bil-flawt skartat ta’ missieru. Għajta ta’ ferħ iżżarżar mas-sema u jerġgħu mill-ġdid: “Ninu, Ninu tal-Milied…”

Iż-żummara ilha tissemma’ fid-dizzjunarji tal-Malti minn l-eqdem wieħed li nafu biss s’issa; jiġifieri ir-Regole per la Lingua Maltese tal-Kavallier Thesan, li ħareġ għall-ħabta tas-sena 1640.  Illum, ħafna semgħu bil-kelma, imma ftit jafu xi tfisser. L-aħħar wieħed li kien magħruf li kien idoqqha, naturalment ġo xi għalqa mhux fis-swali tat-teatri, kien ċertu wieħed imlaqqam “Ħaxwex” li, skond Toni l-Ħammarun, kien raġel “maħmuġ u b’daqna daqsiex”.  Meta tfittex sewwa, issib li żmamar bħal dawn (u bl-istess isem) jeżistu fuq medda kbira tal-globu – mill-Marokk sa l-Pakistan.  Jien ma nixba’ qatt ngħid li hu dnub kbir li strument bħal dan kważi siket għal kollox fil-gżejjer tagħna.  Dan l-aħħar nibtu ftit individwi kuraġġużi li reġgħu bdew jużawh.  Sewwa. Hekk għandu jkun.

IL-FLEJGUTA

Fil-kitba t’hawn fuq issemma l-flawt.  Il-flawt, il-fifra, u l-flejguta huma strumenti tan-nifs li jiġu mill-istess familja tar-recorder.  Fil-każ ta’ dawn l-istrumenti, il-ħoss ma jiġix minn bedbut, imma joħroġ permezz tal-prinċipju sempliċi tas-suffara.

F’Malta  u Għawdex għad hawn min għandu xi suffara tal-pluvieri magħmula mill-qasab minn xi dilettant tal-kaċċa.  Flejguta hi l-istess ħaġa ħlief li tkun itwal u jkollha l-irfis biex tkun tista’ toħroġ iktar minn nota waħda.  Fil-biċċa l-kbira, il- flejguta kien ikollha sitt rifsiet; għalkemm hawn min jgħid li jafha b’erba’  rifsiet quddiem u oħra wara.  U hawn min jgħid li jafha b’ ħames rifsiet quddiem.

Id-daqs tal-flejguta jvarja ħafna, għalkemm fil-biċċa l-kbira tkun magħmula minn qasba mhux itwal minn xi tletin ċentimetru u ħoxna xi żewġ ċentimetri, li jkollha ġo fiha LSIEN, BEJTA li minnha joħroġ in-nifs, u MINFES li minnu jidħol in-nifs biex joħroġ wara li jaħbat max-XOFFA tal-bejta.  (Ħares daqsxejn lejn id-disinn.)  Barra minn hekk, ikun hemm ukoll l-IRFIS.

IŻ-ŻAFŻAFA

Dan x’aktarx li hu l-uniku strument tradizzjonali Malti, minn dawk li kienu jinħadmu f’Malta min-nies komuni, li baqa’ ma nqeridx għal kollox.  U naħseb li naf għaliex.  Iż-żafżafa għandha bixra u ħoss daqsxejn waħda taż-żuffjett.  Aħna l-Maltin m’għandna l-ebda diffikulta biex niżżuffjettaw bl-affarijiet li huma tagħna.  Iż-żafżafa ntrabtet mal-karnival.  Mhux l-ewwel darba li, biex għamluha, użaw xi awrinar jew kantru.  U ġieli użaw xi ġild ta’ fenek jew qattus u ħallew is-saqajn u d-denb imdendel biex aktar tiġi funny.  U bis-saħħa tal-fatt li biex inwaqqgħu lilna nfusna għaż-żuffjett m’hawn ħadd min iħabbatha magħna, iż-żafżafa baqgħet ħajja sal-lum.

Imma għandna għax naħsbu li missirijietna kienu jagħmlu ż-żafżafa xi ftit aħjar minna.  Wara kollox, il-vażijiet ta’ l-enemel, jew il-patalotti taż-żebgħa, u l-laned taż-żejt mhux minn dejjem kienu komuni bħal m’huma llum. Minn dejjem kienet tintuża kull ħaġa addattata li wieħed kien isib taħt idejh.  Ngħidu aħna, iż-żafżafa ġieli saret minn xi bettija ta’ l-inbid.  Imma dari, biex tagħmel żafżafa kont x’aktarx tispiċċa tuża xi ħaġa tal-fuħħar.  Fiż-żmien, ħafna mill-borom, il-pwagen u l-ġarar użati fil-kċina kienu jsiru mill-fuħħarin f’Malta u Għawdex.  Imma l-għamla ta’ dawn ir-reċipjenti mhix tajba biex tagħmel żafżafa.  Qasrija hi ferm aħjar, imma lanqas hi m’hi tajba biżżejjed.  L-antiki dilettanti ġieli ordnaw, minn għand tal-fuħħar, reċipjent apposta msejjaħ “KABAR”.  Dil-kelma qaluhieli x-xjuħ li kienu jkunu jixorbu l-inbid għand “Ta’ Vapuri” waqt li jiftakru fil-karnival ta’ tfulithom f’raħalhom – Il-Gudja.  Il-kelma li qaluli kienet “qabar”, imma dan hu żball.  Etimoloġikament għandu jingħad “Kabar”.  Dan, għandna għax naħsbu li hu ċ-“ċilindru vojt” li semma George Badger fil-ktieb tiegħu  Description of Malta and Gozo.

KIF IĠĠILLED IL-KABAR

Il-kabar kien jiġġilled fuq wiċċ wieħed b’ġild ta’ bodbod.  M’għandniex xi ngħidu, anke gidi jagħtik biżżejjed ġilda biex iġġilled il-kabar; imma l-aħjar ikun ġild ta’ bodbod, kbir biżżejjed biex tieħu biss il-ġilda ta’ madwar l-għonq.  Din hi meqjusa li hi l-aktar parti b’saħħitha tal-ġild.  Ġild ta’ fenek jew ta’ qattus jiswa biss jekk tkun qed tagħmel iż-żafżafa għat-tlett ijiem tal-Karnival, imbagħad tarmi kollox nhar Ras ir-Randan.

Il-ġild jitnixxef billi togħroklu l-ġir (jew il-melħ) fuq in-naħa l-misluħa u tħallih imdendel xi mkien fir-riħ.  Meta jinxef biżżejjed (wara xi ħmistax jew tliet ġimgħat) trid terġa’ xxarrbu fl-ilma minn awl il-lejl, u meta jkun għadu artab u mxarrab, tistirah fuq il-wiċċ li trid iġġilled.  Tista’ tagħmel dan waħdek, imma l-aħjar li tkunu tnejn min-nies – biex wieħed jiġbed u l-ieħor jorbot.  Imma qabel ma torbot trid issib qasba ħoxna xi ftit inqas minn ċentimetru u twila daqs tliet kwarti ta’ metru.

F’tarf minnhom, il-qasba jrid ikollha għaksa.  Il-qasba titqiegħed wieqfa bl-għaksa ‘l isfel f’nofs il-ġild u tingħafas fuqu bla ma ttaqqbu.  Imbagħad tintrabat tajjeb bl-ispag, ftit ‘il fuq mill-għaksa, kif jidher fid-disinn.  Jekk torbotha ftit ‘il fuq mill-għaksa, iktar hemm ċans li l-qasba ma toħroġlokx.  Trid issib qasba b’kannoli qosra, biex ikollha aktar għekiesi.  B’aktar għekiesi, meta togħrok il-qasba b’idek, il-ġild jitriegħed iktar u jagħmel ħoss aħjar.  Trid togħrok il-qasba dejjem ‘l isfel, u terħi idek meta terġa’ titla’ ‘l fuq. 

 Meta jkollok il-qasba marbuta sewwa, tista’ ġġilled il-wiċċ.  Meta tlesti ma tridx tinsa li l-ġild ikun għadu artab u mxarrab; allura trid tħalli ż-żafzafa tinxef, u tara kif iżżomm il-qasba wieqfa u dritta.  Id-daqqaq iżomm l-istrument taħt abtu tax-xellug, u jogħrok il-qasba b’idu l-leminija (jekk ikun lemini, m’għandniex xi ngħidu).  Dari kienu jbillu idhom fl-ilma; illum jużaw xi biċċa fowm jew sponża mxarrba biex jogħrku l-qasba biha.  Meta tindaqq, iż-żafżafa tinżamm daqsxejn mimduda taħt l-abt, biex anke l-qasba tkun mimduda u l-ilma mill-isponża ma joqtorx fuq il-ġild.

Frans Farrugia minn Ħal Għaxaq, dilettant kbir ta’ dan l-istrument, minflok jorbot il-qasba dirett fil-ġild, iħobb isib biċċa njama iebsa, twila xi  tnax-il ċentimentru, u jorbot lilha fil-ġild minflok il-qasba.  Il-qasba mbagħad tidħol fl-injama.  Meta tkun qed iġġorr iż-żafżafa minn post għall-ieħor, tista’ taqla l-qasba minn postha u terġa’ twaħħalha qabel tibda ddoqq.  D’dal-mod hemm ukoll iI-vantaġġ li jekk tinkisirlek il-qasba, sempliċement issib oħra u tibdilha.  Frans jgħid li dil-ħaġa tgħallimha m’għand missieru, u l-injama marbuta fil-ġild isejħilha “seffud”.

Mal-qasba kienu jħobbu jdendlu xi ħaġa li ċċempel jew iċċekċek – ngħidu aħna xi ġnieġel jew plattini żgħar magħmula mit- tappini tal-fliexken tal-minerali.  L-ewwel jiċċattjaw it-tappin biex ineħħulu l-pizzi; imbagħad jerġgħu jagħtuh ftit żaqq, itaqqbulu toqba fin-nofs, u jdommu t-tappini flimkien, wieħed kontra l-ieħor, biex jiġu qishom żewġ għotjien żgħar ta’ xi borma, iħabbtu wieħed ma’ l-ieħor.

IT-TANBUR

Sa l-aħħar tas-snin ħamsin, il-Buskett, fl-Imnarja kienu għadhom idoqqu ż-żaqq, iż-żafżafa, u t-tanbur (jew tanborlin ta’ l-idejn).  Xogħol min idoqq it-tanbur ma kienx biss li jħabbat u jċekċek, imma ried ikun jaf jiżfen ukoll.  In-nies kienu jistennew li d-daqqaq iħabbat it-tanbur mal-pala t’idu, imbagħad ma’ minkbu, ma’ ġenbu, ma’ koxxtu, ma’ rkobbtu, ma’ rasu, eċċ., waqt illi jitgħawweġ u jintlewa u jiżfen għad-daqq taż-żaqq.  Il-ħila tiegħu kien juriha skond kemm jaf jiżfen u joqmos waqt li jibqa’ jżomm ir-ritmu tad-daqq.

Illum it-tanbur għadu jintuża fil-mużika folkloristika tagħna, imma x’aktarx li jkun wieħed ileqq u kollu kuluri, mixtri minn xi ħanut tal-mużika.  Ma narax għaliex m’għandniex inkomplu nagħmlu t-tnabar aħna bħal dari.  It-tanborlini moderni jkunu pjuttost żgħar.  Minn stampi antiki li għandna, jidher li dari t-tanbur kien ikun ferm ikbar.

L-ikbar biċċa xogħol hi biex iddawwar id-DEFF – jiġifieri dak it-tilar tond li fuqu tistira l-ġild. (F’Għawdex, id-deff jgħidulu l-KUPER~).  L-aħjar li jkollok forma u pressa taħdem bis-sħana u l-fwar.  Imma dari ma kellhom xejn minn dan.  Toni Cachia, Il-Ħammarun, (li minbarra li għandu żaqq għandu wkoll tanbur imġilled b’ġild ta’ qattus), qalli li tista’ ddawwar biċċa fagu rqiqa billi ssib tank tal-metall id-daqs li tixtieq int; torbot il-biċċa fagu rqiqa (u maqtugħa tal-qies) mat-tank bil-wajer – qisek se ddawwar l-injama mat-tank bħal ċintorin; ixxarrab l-injama; u ssaħħan it-tank bin-nar.  Meta tara li l-injama bdiet iċċedi, tissikka l-wajer sakemm l-injama ddur dawramejt mat-tank.  Id-deff jista’ jkollu iktar minn tebqa waħda – jiġifieri tista’ ddawwar żewġ jew tliet injamiet irqaq u tinkullahom fuq xulxin biex ituk il-ħxuna li trid.  Id-deff jista’ jkollu dijametru ta’ tletin (30) jew anke erbgħin ċentimetru, u għoli ta’ għaxar (10) ċentimetri.  Barra d-deff, ikollok bżonn ċirku ieħor ta’ l-injam, kemm kemm usa’ mid-deff u b’għoli  ta’ żewġ ċentimetri jew ftit iktar.

Il-ġild l-aħjar li jkun ta’ gidi jew ta’ bodbod.  L-iktar parti b’saħħitha tal-ġild hi dik ta’ l-għonq.  Il-ġild jiġi stirat fuq id-deff meta (l-ġild) ikun għadu mxarrab u artab.  Bħal fil-każ taż-żafżafa, trid iktar minn par idejn biex tistira l-ġild.  Iċ-ċirku ż-żgħir jista’ jgħin ħafna.  Jekk ikun ta’ daqs tajjeb – kemm kemm usa’ mid-deff – tista’ tużah biex tistira l-ġild bih, bħal ma tistira d-drapp fuq it-tanbur tar-rakkmu.

 Iċ-ċirku ż-żgħir jissammar fuq id-deff bi msiemer tar-ram, u l-ġild jitħalla jinxef sew.

Id-deff ikollu biċċa maqtugħa biex fiha ddaħħal idek u taqbad it-tanbur minnha.  Din tissejjaħ il-WEJDA.  Minbarra l-wejda, ikun hemm ukoll spazju fejn jidħlu l-plattini jew ġnieġel.  Imma jien nixtieq nara wkoll it-tanbur ta’ MINGĦAJR ġnieġel jew plattini.  Jekk ikun imġelled sewwa, it-taħbit fuq il-ġild jagħmel ħoss sabiħ; u tanbur bħal dan (jew tnejn) jista’ jdoqq ma’ tanbur tal-ġnieġel.

MIKLEM

 

 

Strumenti tradizzjonali  
   
Bagpipe Żaqq
Chanter Saqqafa
Single reed Bedbut
Fife Fifra
Flageolet Flejguta
Melody Leħen
Drone Dewwiema

 (C) Ġużi Gatt