Informazzjoni miġbura minn fomm il-poplu.

Kitba ta’ Guido Lanfranco. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara, Vol 9(2010) Nru. 34

F’ħafna mill-programmi li kelli fuq diversi radjijiet li kellhom il-faċilità tal-‘phone ins’ kont norjenta l-kliem fuq suġġetti li dwarhom jistgħu jgħaddu l-esperjenzi tagħhom semmiegħa anzjani. Irrekordjajt u għamilt traskrizzjonijiet jew ħadt Notamenti ta’ mijiet ta’ interventi, fosthom dwar il-mediċina popolari jew rimedji mingħajr it-tabib. F’din il-kitba qasira għażilt biss ftit minn dawk li fihom kienu jintużaw l-annimali jew partijiet minnhom bħala duwa jew rimedju. Dawn li ġejjin qed jidhru fil-kliem dirett tal-informanti.

Ġeru

“il-mamà, kieku issa għandha mal-mitt sena, kienet tgħid li ġriewi tat-twelid, frieħ… tgħid li kienet ħadet qatgħa kbira u ommha marret takkwistalha żewġt iġriewi u għanlithomlha brodu… għall-meraq tagħhom.” (mara ta’ aktar minn 60 sena, 10-1-1996).

“Missieri jirrakkonta, … fi tfulitu…. kieku għadu ħaj għandu xi mija u erbgħin sena llum!, … darba kellu d-deni u kienu qatlulu ġeru, kelb żgħir, qasmuh min-nofs u qiegħeduh fuq sidru, … hekk … biex jiġbidlu d-deni. Ġeru qal..” (Raġel, Birkirkara, qabel mill-Ħamun, 17-1-1996)(Normalment kienu jużaw fenek fuq il-marid, imma fuq it-trabi żgħar kienu jippreferu ġeru).

“Għal xi qatgħa, nismà l-mamà tgħid, kienu jsajrulhom brodu tal-ġeru. Niftakarha ‘l dik il-mara għax kienet kbira. Lit-tifla tagħha sajritu, u kellha tixorbu bilfors. Għalxejn bdiet twerżaq u tgħajjat ‘marridx nixorbu!’ u hi trid tbellagħulha bilfors. Kienet qaltilha qabel li l-brodu kien ta’ ġeru. Għax Niftakarha jiena, … tiġri u twerżaq mal-bitħa kollha għax ma tridx tixrob il-brodu tal-ġeru!” (mara, Ħal Tarxien, 22-3-1995).

Dan li ġej ma kienx rekordjat imma ktibt Notamenti fuq li qaluli:

Għall-marażmu* fit-tfal, mara xwejħa kienet tissuġġerixxi li tagħmel ilma jagħli fil-banju u tixħet fih ġeru maskili jekk it-tarbija tkun tifla. Meta l-ilma jibred taħsel lit-tifla fih. Jekk il-marid ikun tifel, l-istess imma tixħet ġeru femminili fil-misħun jagħli. Wara dan kollu lill-marid tisqih ftit mill-istess ilma. (Raġel, 108-1993).

(* il-marażmu hija debbulizza u telqa ġenerali).

 

“jiena anzjana. Darba kien hemm familja ġiet minn Tripli. Konna ħadna qatgħa għax kien waqa’ xi ħaġa. U din il-mara li ġiet minn Tripli kellha l-kelba bil-ġriewi, ħadet tnejn minnhom, qatlithom, għamlithom stuffat, u tagħthomlna nikluhom. Ma konniex nafu x’inhuma… għall-qatgħa… din sajritulna kienet.” (mara anzjana, 20-7-1993)

 

Fenek

 

“Missieri, lil ħija meta kien żgħir, kellu sentejn u kien marid bil-milsa* kellu deni qawwi u żaqqu kienet intefħitlu. Kien hemm in-nannu, qatel fenek, u kif kien għadu sħun poġġihulu fuq żaqqu, u d-deni niżillu għax ħadu l-fenek.”  (Mara, 14-9-2006).

(* Ġieli kienu jgħidilha l-marda tal-biċċa u fil-mediċina bħala Lieshmania).

 

Gremxula

 

Dan li ġej ma kienx rekordjat imma żammejt Notamenti dwar dak li qaluli waqt intervista:

Tfal neqsin mill-kalċju kemm-il darba nosservawhom igerrmu xi ġebla jew ġir. F’Għawdex kien hemm mara li kienet taqli tliet gremxuliet biex tfal b’nuqqas ta’ kalċju jieklu minnhom. Kienet tħallas tliet ħabbiet ‘l waħda lit-tfal li kienu jġibulha gremxula; dawn kienu jaqbduhom bl-ingassa tal-ħafura. (Tarċisio Schembri, Sliema, Tfulitu f’Għawdex, 28-8-1993).

 

Xaħmet l-art

 

“Lill-missieri darba, bi żball (għax ħasbuh l-ispiżjar), marru xi tfal biex ibiegħulu xaħmet l-art ħaj. Għax dak iż-żmien kienu jbiegħuh lill-ispiżjar għall-ingwent. Hu bagħthom għand it-tabib Mawrin… suppost għand l-ispiżjar.” (Tessie Vella, anzjana, 26-4-1995). L-ingwent kien jintuża għas-saħħa tax-xagħar.

 

Żagħruna

 

“Niftakar li ġol-ħanut tal-mastrudaxxa (għax aħna konna nagħmlu l-karrettuni) kellna mdendel flixkun mimli biż-żejt taż-żagħruna, u kien dejjem hemm. Konna nixtru l-fwied tal-mazzola u nħalluh xi jumejn – tlitt ijiem iqattar ġo żinġla, niġbruh u npoġġuh ġo flixkun. U konna, min jaqta’ sebgħu jew iċarrat x’imkien, konna nagħmlu lilu … taf kemm kien tajjeb.. !” (Laurence Camilleri, Xewkija, 77 sena, 10-1-1996).

 

“Iż-żagħrun, qisu mazzola, jeħdulu ż-żejt mill-fwied, għall-uġigħ tal-għadam, uġigħ tal-muskoli. Tal-mazzola ħamra tal-fond. Tagħmlu ġo borża tal-plastik, tħallih daqxejn għax-xemx fuq il-bejt jew bitħa, ittaqqbu bil-labar tar-ras u tħallih iqattar f’bieqja tal-ħġieġ. Is-sajjieda ta’ Marsaxlokk jemmnu ħafna bih… ili nafu xi tletin sena. Joħroġ aktar minn disgħin fil-mija żejt mill-fwied… kważi ma’ jibqa’ xejn… dejjem jiskula… jiġi ċar daqs il-kristall. Għall-uġigħ issaħħan naqra l-parti fejn tuġgħek jew toqgħod għax-xemx, issaħħan naqra u tidlek bih.” (Frans Farrugia, Għaxaq, 1-3-1995).

 

Sangisug

 

“Il-papà kien jgħid li fi tfulitu kienu jinżlu l-biċċerija iġibu s-sangisugi*. Minħabba l-pressjoni… ipoġġuhom wara għonqhom u jissikkawhom b’ċarruta. Dawk jieħdu d-demm tal-pressjoni jgħidu.” (Raġel ta’ aktar minn 60 sena, 10-1-1996.

(* Sangisug huwa għamla ta’ dudu tax-xmajjar u l-għadajjar ta’ barra minn Malta, tawwali, jaqbad b’xoftu ma’ ħalq l-annimali li jmorru jixorbu u jsoffilhom id-demm. Ġieli jsir qisu boċċa mimli demm. F’Malta kienu jiġu ma’ xufftejn barrin impurtati mill-Afrika ta’ Fuq).

 

“jiena naf sewwa fuq is-sangisugi. Il-papà tiegħi kien tabib fl-antik u kien iġib is-sangisugi mill-Italja. Kien iżommhom f’parti umda tal-ġnien, iżommhom ġo bombli kbar, minn dawk taċ-ċaqquf. Min kien ikollu l-pressjoni, …. pressjoni qawwija. Kienu jiġu minn Malta kollha għalihom. Kien ibiegħ minnhom tgħidx kemm. Kienu jkunu qishom boċċa s-sangisugi… mbagħad in-nies jagħmluhom fuq għonqhom… il-mamà kienet iddurhom is-sangisugi biex tara hemmx xi mejtin. Kienu jiġu minn kull parti n-nies. Il-papà tiegħi kien dilettant… bejn iż-żewġ gwerrer.” (Mara, Birkirkara, ta’ 75 sena, 17-1-1996).

 

“ir-raġel tiegħi kont nisimgħu jgħid fuq missieru… fl-antik … is-sangisugi tagħmilhom wara għonqok. Dawn kienu jġibuhom mill-ħalq tal-barrin kont nisimgħu jgħid. Kien jgħix barra minn Malta u kien iġibhom.” (Mara, Valletta, 17-1-1996).

 

“Niftakar lin-nanna tgħid li n-nannu kellu puplesija u kienet tagħmillu d-dudu miegħu; sangisug. Għandi 68 sena. Il-mamà tiegħi kienet imbrobbija man-nanna.” (mara, ta’ 68, 14-9-2006).

 

“Jien niftakar li n-nanna tiegħi kellha bħal puplesija. Għamlulha s-sangisugi u għaddielha. Xi ħamsa u sebgħin sena ilu.” (mara, 14-9-2006).

 

“Nisma’ lin-nanna tgħid li għal xi uġigħ tal-widnejn kienu jagħmlu d-dudu…. sangisug, nismagħha tgħid… biex jiġbed l-infezzjoni minn ġo widnejk… F’Ħal Qormi. Forsi fuq barra tal-widna.” (Raġel, 22-3-1995)

 

“Niftakar li nannuwi kien ħa xi ċmajra u qbdu deni kbir f’rasu… jgħajjat biss… beda jgħajjat: ‘Irridu s-sangisugi!’. Ġabulu żewġ sangisugi mill-biċċerija, qabbduhomlu ma’ għonqu u, kif qabbadnihom, mill-ewwel raqad u siċċalu kollox. Ftit qabel il-gwerra… kienu jsibuhom f’ħalq il-barrin. (Raġel, 22-3-1995).

 

“meta xi ħadd kien ikollu deni qawwi kienu jużaw is-sangisug, bħal dudu, u jagħmluh mal-ġilda ta’ dak li jkun biex isoffu d-demm biex jinżillu d-deni.” (Mara, 15-3-1995).

 

“F’Tuneż, kienet tgħid il-mamà, min ikollu pressjoni għolja kienu jużaw is-sangisug, ipoġġuhom fit-tazzi tal-fintusa fuq id-dahar sakemm is-sangisuga taqbad mal-ġilda u tibda tixrob dak id-demm.” (Mara, 17-8-1993).

 

“U meta kien ikollok xi ferita kienu jagħmlu sangisug. Dak, ġeneralment, min kien irabbi l-barrin. Meta joħorġuhom biex jixorbu kienu jneħħuh mill-istonku tagħhom* u s-sangisug, niftakar, konna ntellgħuh minn ġo ħawt minfejn jixorbu l-barrin. Nagħmluh ġo flixkun bl-ilma. Ġieli talbuhulna xi ħadd…” (Mara, 20-7-1993)

(* Ikun mqabbdin ma xufftejn il-barrin meta jġibuhom minn barra u jaqgħu fil-vaska.)

 

“Is-sangisug, meta kien ikollna d-deni miġbur, kien jagħmilulna missieri. Kien ikollna l-barrin, u kien jaqlagħhulu minn taħt ilsienu b’sebgħu… imbagħad kien ikollna d-demm miġbugħ, illum ngħidulha tbenġila, missieri kien jaqlagħhulu minn ħalqu dirett, mhux jiġbru mill-ilma, għax dawk kienu jiġu minn barra… u kif kien jagħmilulna ma’ dik il-laqta li kien ikollna, kien jibda jiħxien, jiħxien, jikber… kien isir daqs ballun. Imbagħad kien jaqbdu u jidfnu.” (Mara anzjana, Ħaż-Żebbuġ, 20-7-1993).

 

Siċċa

 

“L-Għadam tas-siċċ kienu jużawh xi ħaġa għall-għajnejn.” (Frans Farrugia, 1-3-1995).

 

“Missieri kien jagħmel l-għadam tas-siċċ liż-żiemel.. ġo għajnu. Iż-żiemel kellu għajnu tuġgħu. Kien jaqla’ frak mill-għadma tas-siċċa, jagħmilha frak u jagħmilha f’għajn iż-żiemel u wara ftit kien ifieqlu. Anki lin-nagħaġ kien jagħmlilhom.” (Mara, 1-3-1995).

 

Ċurkett tal-qarnita

 

“Jiena kelli qarnita* f’għajnejja meta kelli tmien snin u niftakar li ommi kienet tibgħatni għand mara xiħa, tqiegħdni għarrkobbtejja, tagħmilli ċ-ċurkett mal-għatu t’għajnejja** u kienet tgħid: “Marija minn ħaddejha la Ġesu għadda minn ħdejja, qal ‘l ommu Marija: ‘X’għandek?’ Qaltlu: ‘Għandi qarnita f’għajnejja.’ Qalilha: ‘Mur f’xatt il-baħar, hemm il-qarnit jiftaqar. Hemm seba’ mewġiet jissejħu seba’ xmajriet…’ Santa Barbara, neħħili din l-għamara. Santa Luċija tini d-dawl u d-dija. Santa Margerita neħħili l-għabra u l-qarnita. Naqralek u nerġa’ naqralek*** sakemm imur l-għerq minn fik u ġol baħar immur narmik.’ Kelli tmien snin. Iċ-ċurkett kellu fossa bil-qarnita fuqu; … Iż-Żurrieq.” (Mara, Żurrieq, 15-3-1995).

(*) Qarnita hija marda fl-għajnejn magħrufa fil-mediċina bħala Pterygium.

(**) Iċ-ċurkett kienu jwaħħlu miegħu l-għatu ta’ bebbuxu tal-baħar magħruf fix-xjenza bħala Astraea rugosa. Dan wieħed mill-bebbux li jkollhom bħal għatu biex jingħalqu ġo qoxrithom. L-għatu (operculum) ta’ dan il-bebbuxu għandu forma tidher qisha għajn għalhekk jużawh fuq l-għajnejn.

(***) Minflok ‘naqralek’, normalment kulħadd jgħid ‘nirqik u nerġa’ nirqik.’ Riqi huwa l-att li bih tipprova tneħħi l-mard. Għal aktar dwar dan ara l-kitba tal-istess awtur “Talb, brajbu kliem ir-riqi miġbura minn fomm il-poplu” fl-Imnara Nru 28. P.20-24

 

Ħanżir l-art

 

“Missieri kellu l-artrite. Mar għand it-tabib tal-ħaxix* u dan qallu: ‘Aqli ftit ħanżir l-art.’ U missieri qligħ ġo taġen**. Għorok bih biż-żejt. Kien marlu l-uġigħ.” (Laurence Camilleri, Xewkija, 15-3-1995).

(*) Wieħed li juża l-ħxejjex mediċinali.

(**) Għalkemm hawn qed juża s-singular, il-ħnieżer l-art f’dan il-każ dejjem kienu jkunu fi grupp.

 

“Jiena naf oħra fuq il-ħnieżer l-art. Fil-gwerra minn kollox kellna; tiftakar, anke l-ħżież*. Ta’ tfal li konna, għall-ħżież kienu jgħidilna ‘aqbad ħanżir l-art, aqsmu min-nofs.’ Tiftħu u joħroġlu qisu isfar u dellek fuq il-ħżieża. Taf li kienet tmur!.. tinxef… tmur … kemm issib ħnieżer l-art, aqsam u dellek.” (Mara, San Ġiljan, 15-3-1995).

(*) Marda fil-ġilda li bl-Ingliż jgħidulha ‘ringworm’.

 

Għar-rumatiżmu ħanżir l-art. Taqlih ġoż-żejt u biż-żejt tiegħu togħrok fejn għandek ir-rumatiżmu jew artrite. U niftakar, darba waħda, missieri mar jidlikhom b’kollox… bil-ħanżir l-art b’kollox, u għamlu aħmar aktar milli kien!” (Laurence Camilleri, Xewkija, 10-1-1996).

Hemm bosta annimali oħra (minbarra ħxejjex) li jiddaħħlu fil-mediċina popolari. Għal dawn ikkonsulta l-ktieb tal-istess awtur “Mediċina Popolari tal-Imgħoddi fil-Gżejjer maltin” (2001), 261 paġni, Klabb kotba Maltin / Midsea books.

 

(C) Guido Lanfranco.