Fl-erbgħa ta’ filgħodu l-knejjes kienu jdoqqu tokki tal-qanpiena msejħa l-Paternoster.  Fit-tmienja jdoqqu l-Ave Marija, wara nżul ix-xemx idoqqu l-Ave Marija, u tard filgħaxija jdoqqu tokki msejħa tal-Imwiet.  Nhar ta’ Ħamis filgħaxija tindaqq mota bil-kbir biex tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija, u nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ wara nofsinhar jindaqqu tokki biex ifakkru l-mewt ta’ Ġesu għalina.

Kitba ta’ Lorenzo Zahra. L-artiklu deher l-ewwel darba fl-Imnara Nru. 35, 2011.

Fil-knejjes wara nofsinhar kien jingħad l-Għasar, u waqt il-manifikat iċ-ċelebrant kien jinċensa l-artal tas-sagrament u wara, l-artal maġġur.

Kull tielet Ħadd tax-xahar ġewwa l-knejjes kienet issir proċessjoni bl-Ewkaristija.

Fil-festi, fuq l-art tal-knisja kien jintefa’ bosta ħaxix bir-rand.

Dari, fil-Katidral kien ikun hemm tron.  Ġewwa San Ġwann kien hemm wieħed għall-isqof u l-ieħor għar-Re jew Reġina li taħkimna.

Il-Magħmudija tat-trabi kienet issir qrib il-bieb ta’ barra tal-knisja, fejn ikun hemm il-fonti tal-Magħmudija, u aktarx barra l-ħinijiet tal-quddies, possibilment wara nofs in-nhar.

Il-Quddies kien isir ukoll fuq l-artali tal-ġnub, u dejjem minn saċerdot wieħed.  Il-qassis fil-quddiesa kien jilbes maktur ma għonqu msejjaħ amittu, ċinglu ma qaddu, u manipolu li jfisser il-maktur ta’ San Pietru meta beka t-tradiment tiegħu lil Ġesu.  Il-qassis kien jasal fuq l-artal bil-berittin.

Fuq l-artal, quddiem iċ-ċelebrant kien ikun hemm Kurċifiss.

Fuq l-artal kien ikun hemm ukoll tliet kwadretti msejħa “Karti tal-Glorja”, li l-qassis kien jaqra t-talb minnhom fil-bidu, waqt il-quddiesa, u fl-aħħar tal-quddiesa.

Nhar l-Għid il-Kbir kien jiftaħ l-obbligu li wieħed ta’ lanqas iqerr u jitqarben darba fis-sena u jibdel il-bullettin.  Min ma kienx iqerr u jitqarben tal-anqas darba fis-sena kien ikun spreċettat, u fid-difna ma kienx ikun akkumpanjat mis-saċerdot u kien jindifen f’art għalih.

Il-Qrar dari kien isir billi n-nisa dejjem iqerru fil-konfessinarju fil-knisja, waqt li ġeneralment l-irġiel iqerru fis-Sagristija.  Il-qassis dejjem kien ikun liebes is-suttana jew liebes ta’ patri jekk ikun patri, bi stola vjola, u qatt liebes sekulari.

It-tqarbin kien isir biss mis-Saċerdot liebes spellizza u stola.

Min kien jitqarben kien jinżel għarkupptejh fuq it-taraġ tal-artal jew tal-presbiterju.

Fil-quddiesa dejjem kien ikun hemm abbati jgħin, idoqq il-qanpiena fis-Sanctus, fil-konsagrazzjoni, u għas-sinjal biex in-nies tersaq għat-tqarbin.

Il-quddiesa kienet bil-Latin mill-bidu sal-aħħar.  Uħud mill-fidili ġieli kien ikollhom Messalin, oħrajn xi ktieb ta’ talb, waqt li ħafna, li x’aktarx ma kinux jaqraw, kienu joqogħdu jgħidu r-rużarju waqt li l-qassis għaddej bil-quddiesa.

Fl-aħħar tal-quddiesa, l-qassis kien jinżel għarkupptejh u jgħid tliet Avemarijiet, Salvereġina, u talba lil San Mikiel Arkanġlu.

Fl-imgħoddi, hekk kif wieħed ikun agunija, jissejjaħ is-saċerdot biex jisma’ l-qrar u jamministra s-sagramenti, waqt li bosta drabi jassisti sal-aħħar lill-moribond.  Ukoll fl-isptarijiet, il-patri kien jissejjaħ biex jassisti sa tmiem il-ħajja tal-moribond.

It-tqarbin tal-morda kien isir jew bil-Vjatku, bi proċessjoni mill-knisja sad-dar tal-marid, jew imur is-saċerdot tal-assistenza jassisti l-moribond.

It-trasport tas-sagrament kien isir dejjem mis-saċerdat, li kien jilbes numeral fuq spellizza bajda, u jkun akkumpanjat minn żewġ persuni jżommu xemgħa mixgħula.

Id-difna kienet aktarx issir billi l-katavru jinġarr mid-dar jew mill-isptar dritt lejn iċ-ċimiterju, u jkun akkumpanjat mis-saċerdat b’żewġ abbatini – wieħed iżomm sasla bl-ilma mbierek, u l-ieħor iġorr kurċifiss.

Nota tal-editur:

Din il-kitba ta’ Lorenzo Zahra fakkritni f’xi aneddoti u stejjer li smajt tul ħajtu, u għaddewli xi ħsibijiet minn rasi li xtaqt naqsam magħkom.  Hu minnu, kif qal is-Sur Zahra li, sa qabel il-Konċilju Vatikan it-Tieni, l-qassis kien jispiċċa l-quddiesa b’talba lil San Mikiel.  Kien jingħad li din it-talba kien kitibha l-Papa Ljun XIII u ħafna kienu jemmnu li l-Papa kien kitibha wara li sema’ diskursata bejn Ġesu’ u d-demonju!  Peress li San Mikiel hu msemmi fl-Epokalissi li ddefenda lil Alla mix-xjaten li rribellaw kontrih qabel il-ħolqien tal-bniedem, dan l-Arkanġlu kien dejjem meqjus bħala wens kbir kontra x-xjaten. It-talba kienet hekk:

San Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida; kun int l-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju:  irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa.  U inti, l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema, itfa’ bil-qawwa t’Alla fil-qiegħ tal-Infern lix-xitan u l-ispirti l-ħżiena l-oħra li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien tal-erwieħ. Amen.

Ħafna fost dawk li jkunu ġew għall-quddiesa jkunu diġa’ qabdu t-triq u telqu ‘l barra mill-knisja waqt li l-qassis ikun qed jgħid din it-talba; imma ħafna oħrajn, fosthom ħafna nisa xjuħ, kienu jibqgħu hemm u jgħidu t-talba mal-qassis.  It-talba kienet tagħtihom ċertu serħan, u kienu jħossuhom imwennsa u mħarsa, lesti biex joħorġu barra fit-triq u jilqgħu għat-tfixkil tax-xjaten.

It-twemmin fil-preżenza tax-xitan fid-dinja dak iż-żmien kien ankrat tajjeb fl-imħuħ ferm aktar milli wieħed jista’ jistħajjel illum.  Il-preżenza tax-xitan kienet mistħajla li tkun ferm aktar qawwija waqt l-agunija ta’ xi moribond. Fil-ħarġa numru 30 tal-Imnara, 2006, Toni Calleja, fl-artiklu tiegħu “Intietef Folkloristiċi mill-Għasri” kien kiteb hekk:

Malli l-moribond imut, u s-Saċerdot li min jaf kemm ikun ilu jassistih ibierek il-katavru, xi żewġt irġiel minn ta’ ġewwa kienu jakkumpanjawh lura d-dar.  Ma kinux iħalluh imur lura waħdu għax mat-triq seta’ jkun ittantat mid-demonju.  Il-ħsieb kien li billi l-qassis kien f’pika max-xitan (jew ma Sbatna, kif kien jissejjaħ) biex jirbaħ dik ir-ruħ għal Alla, issa li l-mejjet ikun għamel mewta tajba, x-xitan tal-infern, tellief u avvelut, kien jaf jagħtih xi fastidju!  Il-Kappillan tal-Għasri Dun Karm Vella (1951-1965) kien jemmen wisq b’hekk, u kont nogħxa nisimgħu jirrakkonta fuq iz-zuntier fuq dawn ħwejjeġ.  Issa ħalliha li mbagħad billejl kont noqgħod nibża’! (paġna 113)

Ma din l-istorja jien nista’ nżid oħra – storja li minn jaf kemm-il darba smajt lil ommi tirrakkontaha.   Ommi, Alla jaħfrilha, kienet temmen ferm, kemm bil-Ħares u kemm bl-ispirti ħżiena u x-xjaten jiġru mat-toroq.  Tgħid li meta kienet għadha tifla, tgħix m’ommha u missierha – in-nanna u n-nannu – f’lejl xitwi, kiesaħ u mudlam, x’aktarx ftit qabel il-gwerra, kienet rieqda fid-dar mal-ħames ħutha l-oħra, u man-nanna u n-nannu, meta f’nofs ta’ lejl jinstema xi ħadd għaddej mit-triq, jagħmel ħsejjes mill-iżjed tal-biża’, koroh u li jkexkxu.  In-nannu ħareġ imwerwer mis-sodda, bil-qalziet ta’ taħt sa rkupptejh, u b’leħen imbikki għajjat: “Katerin (għan-nanna) Smajtu?!”  U lkoll, b’leħen wieħed, mhux in-nanna biss, għajtu: “Iva! Smajnieh!”  In-nanna beżgħat ukoll u ħarġet mis-sodda wkoll, imma tal-anqas kellha spjegazzjoni għal dak li kien ġara.  In-nanna – minn dejjem inċiklopedija tal-għerf – iddikjarat: “Dak ifisser li se tmut xi ruħ tajba!”   Balleċ!  Mela dik kienet il-biċċa.  Kulħadd serraħ rasu xi ftit għax meta fenominu ikrah jingħata spjegazzjoni u xi ħadd juri li jifhem fih, il-fenominu jsir inqas tal-biża’ u, tal-anqas, spjegabbli.  Dak il-lejl kulħadd raqad kif seta’, mbagħad filgħodu jsaqsu lin-nanna għal aktar dettalji.

Meta sebaħ, in-nies bdew jgħidu li kienet mietet it-talija – mara xiħa li tgħix ġo sqaq mudlam, imma li kienet magħrufa għall-qalb tajba li kellha; titma’ l-klieb u l-qtates tat-triq, tagħti l-ħelu lit-tfal, ma tobgħod lil ħadd, u kulħadd iħobbha.  Mela dik kienet l-istorja: dawk il-ħsejjes koroh kienu tax-xitan, għadu ħiereġ minn ħdejn is-sodda tal-mewt tagħha.  Avvelut u ndannat kif kien, għax lil dik ir-ruħ ma rebaħhiex hu imma marret tgawdi ‘l Alla fil-Ġenna, ħareġ il-barra ndannat, jagħmel ħsejjes tal-biża’ mat-toroq taż-Żejtun, ħsejjes li werwru lin-nannu u lin-nanna, u lil ommi.

Kienu żminijiet oħra.