L-istudju tat-toponomastika tal-postijiet u nħawi Maltin u Għawdxin hu sabiħ u nteressanti ferm, għalkemm kultant xi ftit diffiċli u iebes u jġagħlek tqalleb ħafna kotba u rivisti.  Lokalitajiet li ngħixi fihom u postijiet bħalma huma widien, għoljiet, xtajtiet, għejjun, oqsma t’art, u għelieqi, kollha għandhom l-isem toponomu tagħhom. 

Kitba ta’ Joseph Caruana. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara 9(2011)4.

Uħud mit-toponomi huma ħfief biex tasal għat-tifsira tagħhom, iżda oħrajn jeħtieġu studju fond biex wieħed jasal għal konklużjoni soda.  Fin-nuqqas ta’ dokumenti jew tradizzjoni soda li jistgħu jagħtu tifsira lill-isem, wieħed kull ma jista’ jagħmel hu li jissuġġerixxi tifsira possibli, bbażata fuq għadd t’indikazzjonijiet li joħorġu mill-istess għerq.  Iżda wieħed irid joqgħod ferm attent għax ċerti żbalji jistgħu jbegħduk milli tilħaq l-għan tiegħek li tasal għal tifsira soda u tajba.  Wieħed mill-iżbalji li tista’ tieħu hu li tmur fuq l-isem kif miktub jew imlissen illum.  Ħafna toponomi Maltin u Għawdxin imorru lura sa żmien il-ħakma Għarbija, għalhekk x’aktarx li mal-medda taż-żmien il-kelma oriġinali tbiddlet xi ftit u ġieli ħafna, kemm fil-pronunzja kif ukoll fil-kitba meta kien isir xi testment jew kuntratt ta’ bejgħ.  L-aktar dokumentazzjoni abbundanti u ta’ min jorbot fuqha hi dik li tinsab fl-arkivji notarili, l-arkivji tal-gvern, u l-arkivji ekkleżjastiċi.  Barra dawn hemm ukoll mapep u portulani antiki.  Illum bosta kittieba jaqblu li l-Għarab li kienu jokkupaw lil Malta huma l-istess Għarab li ħakmu lil Sqallija u Spanja.  Dawn l-Għarab kienu mill-Afrika ta’ fuq u għalhekk insibu xebħ ta’ toponomi f’dawn il-pajjiżi ma’ dawk ta’ Malta u Għawdex.  Naturalment, f’Malta l-influwenza Għarbija kienet ikbar minħabba li l-pajjiż hu żgħir fid-daqs u fil-popolazzjoni, u anke minħabba li l-ilsien mitkellem qabel kien semitiku ġej mill-Puniku.  Għalhekk l-ilsien Għarbi seta’ jaqbad aktar faċilment.

Fl-istudju tat-toponomastika, wieħed jista’ jqassam it-toponomi taħt titli differenti u jagħmel klassifikazzjoni tagħhom.  Eżempju; hemm dawk li jaqgħu taħt laqmijiet u persuni, ismijiet u kunjomijiet, ġeografija tal-post, eċċ.  Illum minħabba żvilupp qawwi f’ċerti nħawi, uħud mit-toponomi qed jintnesew jew jinbidlu.  Għalhekk ħassejt li jkun xieraq u f’waqtu li niġbor kemm nista’ mit-toponomi tar-raħal tiegħi, Għajnsielem inkluż l-Imġarr.  Se nipprova nagħti wkoll il-lok ta’ fejn jinsabu u, sa fejn nista’, xi tifsir tal-kelma.  Dan hu biss tentattiv biex dawn l-ismijiet ma jintilfux u jibqgħu għall-posterita’.

TRIQ TA’ LAMBERT:  It-triq li tieħu mit-triq prinċipali msejħa Triq l-Imġarr ħdejn it-torri ta’ Santa Ċeċilja sa fejn tispiċċa t-triq tal-kanal u tibda t-triq tal-Bwier.  Illum saret frekwentata ħafna għax tieħu għall-heliport.   Din it-triq hija wkoll imqassma bejn Għajnsielem u x-Xewkija.  Lambert hu kunjom ta’ familja ta’ oriġini Franċiża.

TA’ SANTA ĊILJA/ĊEĊILJA:  Art fl-inħawi tal-kappella li kienet iddedikata lil Santa Ċeċilja.  Dawn l-inħawi b’dan l-isem jinsabu ddokumentati sa mill-1564.  Aktarx li dawn l-inħawi ħadu isimhom mill-istess kappella.  Hawn insibu wkoll it-torri ta’ Santa Ċeċilja, li nbena minn Bernardo Macedonia fl-1613.  Din in-naħa t’Għajnsielem hi magħrufa wkoll bħala “Fejn it-Torri”.  L-isqof Camerasa (1635-1663) kien waqqaf benefiċċju msejjaħ “Ta’ l-isqof” jew “Ta’ Santa Ċeċilja”.  Il-flus li jidħlu mir-renta kienu jipprovdu għall-ħlas tal-lettur tal-iskola tal-Għarbi.

IL-BWIER:   ‘L isfel mit-torri ta’ Santa Ċeċilja, lejn Ta’ Briegħen.  L-isem jista’ jkun alternattiva ta’ Bwar, plural ta’ Bur, li tfisser art li tiswa bħala mergħa iżda mhix tajba għaż-żriegħ.

IL-MISRAĦ:  Fejn jingħaqdu t-toroq Tal-Misraħ, Tal-Kanal, Ta’ Briegħen, u Tal-Bwier.  Wesgħa art għall-wita, iżda mhix maħduma, bħal xagħra fejn kienu joħorġu jistrieħu n-nies tar-raħal u jirgħu l-bhejjem.  Aktar ‘l quddiem saru “pjazez”.

IĊ-ĊENS TA’ KUTKUT:  Bejn it-triq tal-Bwier u t-triq ta’ Briegħen.  Il-kelma ċens tfisser ħlas ta’ kera fuq art jew bini għal ċertu żmien jew perpetwu.  Kutkut aktarx xi laqam ta’ persuna li kienet is-sid tal-art.

TRIQ TAL-MERKANTI:  It-triq li tieħu mit-triq tal-Imġarr minn hdejn it-Torri ta’ Santa Ċeċilja għat-triq tal-Qala.  Merkanti hija l-plural ta’ merkant, li tfisser kummerċjant jew negozjant.

SQAQ TA’ WILĠA:  L-isqaq jew trejqa li tieħu mit-triq tal-Qala għat-triq ta Bordin.

IL-WILEĠ:  Il-wita ‘l isfel mit-triq tal-Merkanti bejn it-triq ta’ l-Imġarr u t-triq tal-Qala.  Il-kelma wilġa tfisser raba’ aktarx wati li jdur mal-ġenb ta’ wied.  Fil-każ tagħna l-post imsemmi mhux qiegħed qrib jew ħdejn xi wied.

IĊ-ĊENS:  Il-wita ‘l isfel mill-Wileġ li tiġi bejn it-triq tal-Qala sa triq Bengħażi.  Ċens huwa ħlas ta’ kera fuq art jew bini għal ċertu numru ta’ snin jew jista’ jkun perpetwu.

L-IMREJŻBIET:  ‘L isfel miċ-ċens fejn jibdew Triq Borġ Għarib u Triq Bengħażi.  Wettinger ifisser litteralment bħala marżebba żgħira, mrejżba, u għalhekk jista’ jkun laqam.  Erin Serracino Inglott jgħid hekk: “Qasam art fil-limiti t’Għajnsielem, mhux bogħod minn Borġ Għarib mnejn kien jilqa’ l-wied ġej minn-naħa ta’ Kenuna, qabel jgħaddi bħallikieku minn imwieżeb lejn il-wied tal-qasab fuq ix-xaqliba l-oħra t’Għajnsielem”.  Din it-tifsira ma tantx naqblu magħha minħabba li l-imrejżbiet hu ftit ‘il bogħod minn fejn jinżel il-wied minn ta’ Kenuna.  L-ilma ta’ Kenuna jaqbad iżjed ‘l isfel lejn il-wied ta’ Simirat.  Ġuże’ Aquilina jirreferi għall-kelma Żarrab li tfisser tidħol fiċ-ċirku waqt logħob tal-boċċi.  Taħt din il-kelma nsibu wkoll ŻRIB, li E.S.I ifisser bħala “għeluq ta’ post – art b’ċint baxx”.  Jien aktar naqbel ma’ din l-aħħar tifsira għar-raġuni li f’dan il-post insibu f’dal ta’ ċirku megalitiku u l-post seta’ ħa ismu minnu.

TAL-KAXXA:   L-art li hi mdawra minn Triq Borġ Għarib, Triq Simirat u Triq Bengħażi.

IL-WIED TA’ SIMIRAT:  Il-kelma simirat jidher li hi varjazzjoni tal-kelma simar.  Simar tfisser pjanta li għandha mill-qasab irqiq li tikber f’art imgħaddra.  Tixbaħ lill-ġummar.  Il-wied ta’ Simirat nistgħu ngħidu li jaqsam ir-raħal t’Għajnsielem fi tnejn: il-Gudja u l-Ħamri fuq naħa, u l-bqija fuq in-naħa l-oħra.  Dan il-wied jaqbad l-ilma minn taħt il-ġebel l-aħmar tan-Nadur u jibqa’ nieżel paralel ma’ Triq Simirat u jgħaddi minn fejn illum hemm il-Pjazza tad-Dehra.  Aktar ‘l isfel, jaqbad ma’ Wied ir-Rajjes u jispiċċa x-xatt.  Billi fejn hemm il-Pjazza tad-Dehra kien aktar baxx fin-naħa ta’ fuq, kien jissejjaħ il-Kalanka.

IL-QASMA:  Dik it-trejqa li tieħu minn Triq Bengħażi għal Triq Borġ Għarib.  Fost bosta tifsiriet oħra , qasma tfisser ukoll mogħdija minn naħa għall-oħra.  Aktarx ħadet isimha minħabba li din it-trejqa taqsam minn triq għal oħra biex tevita d-dawra u tnaqqas it-tul.

IL-KALANKA:  Il-kalanka hija dik il-parti fil-wied tas-simirat li tiġi fit-tarf tan-naħa ta’ fuq tal-Pjazza tad-Dehra fejn jiġi bi dritt il-bidu ta Triq Anġlu Grech.

TA’ SAN MIKIEL:  Hija dik l-area ta’ fejn l-iskola u fejn hemm il-każin tal-futbol.

TAL-QIEGĦAN:  Tal-Qiegħan huwa fdal ta’ sit preistoriku.  Dan il-post qiegħed fuq ix-xellug ta’ Triq Borġ Għarib, int u dieħel lejn il-Qala u bejn wieħed u ieħor minn fejn tibda Triq Bengħażi.  Qiegħan tfisser plural ta’ qiegħa fejn jidirsu l-qamħ.  Hawn min l-Imrejżbiet u l-Qiegħan jirreferi għalihom bħala l-Kumpless ta’ Borġ Għarib.

Borġ Għarib

BORĠ GĦARIB:  Borġ Għarib qiegħed in-naħa ta’ fuq tal-Gudja fuq in-naħa tal-lemin tat-triq tal-Qala.  Borġ Għarib hu ffurmat minn żewġ kelmiet: Borġ u Għarib.  Borġ tfisser, fost l-oħrajn, turrun ġebel imwaqqaf waħda fuq l-oħra.  Illum aktar nagħtu tifsira ta’ affarijiet fuq xulxin.  Għarib tfisser barrani, stranġier.  Għalhekk issir “il-Borġ tal-Barrani”. Bħal ma jaf kulħadd ma’ dan il-post hemm marbuta leġġenda sabiħa ħafna li tat l-isem lill-post.

Il-leġġenda tgħid li fi żmien il-ħakma Għarbija, raġel misterjuż, ta’ kuljum għall-ħabta tal-għabex, kien jiġi minn-naħa tal-Għarb riekeb fuq żiemel biex jixgħel lampa taż-żejt quddiem il-Madonna fis-santwarju tal-Madonna.  Dan il-bniedem kien donnu mdawwar b’misteru.  Għalkemm kien jiġi minn-naħa tal-punent, ħadd ma kien jaf il-post eżatt mnejn kien jiġi u lanqas fejn kien imur wara l-ġirja tiegħu għax qatt ma kellem lil ħadd.  Darba waħda, wieħed Għarbi ried jikxef min kien dan il-bniedem misterjuż.  Għalhekk staħba wara ħajt tas-sejjieħ jistenna lir-rikkieb misterjuż jasal.  Hekk kif dan wasal ħdejh, l-Għarbi assaltah, iżda r-rikkieb xpruna liż-żiemel u dan ġera b’aktar qawwa ‘l quddiem, bl-Għarbi mqabbad ma’ denb iż-żiemel.  X’ħin wasal fil-post li qed nitkellmu dwaru, l-Għarbi, wara dik it-tkaxkira kollha wara ż-żiemel, waqa’ bla ħajja fl-art.  In-nies sabuh l-għada filgħodu iżda ħadd ma ssogra jmissu.  Minflok huma tefgħu fuqu ġebla wara l-oħra sakemm radmuh kollu u hekk ifforma l-borġ ġebel fuq xulxin.  Dan il-borġ ta l-isem lil dan il-post.

TA’ BEĊĊUNA:   L-art li tiġi ‘l isfel mill-isqaq tal-Wilġa, bejn it-triq tal-Qala u t-triq ta’ Bordin.  Beċċuna hija ħamiema żgħira li għadha ma bdietx ittir.  Hawnhekk jista’ jkun laqam.

TA’ BORDIN:  L-art ‘l isfel minn ta’ Beċċuna u bejn it-triq tal-Qala u t-triq ta’ Bordin.  Din l-art tinfirex sat-Triq tax-Xep, taħt in-Nadur.  Din kienet art tal-familja Bordino (fis-seklu XV).  Għalhekk din il-wesgħa art ħadet isimha mill-kunjom ta’ din il-familja nobbli Bordino/Burdino.

IL-GUDJA:  Il-wesgħa art imħattba li hi mdawra minn Triq Borġ Għarib minn-naħa ta’ fuq, minn Triq il-Gudja u Triq Fuq il-Għajn minn-naħa t’isfel, u mill-Wied tas-Simirat u il-Wied ta’ Martin fuq il-ġnub l-oħra.  Gudja tfisser  art aktarx għolja u fit-tond tiela’ ħelu ħelu madwar, iżda mhux għolja ħafna.  Fil-fatt il-Gudja, għalkemm ma tantx tagħti fil-għajn hija waħda mill-iżjed postijiet għoljin f’Għajnsielem.

IĊ-ĊAGĦKIJA:  Parti f’nofs il-Gudja li kienet tintuża għall-insib tal-għasafar.  Ċagħkija tfisser qiegħa ta’ mansab aktarx imdawra biċ-ċagħak u l-ħamrija.

IL-WIED TA’ MARTIN:    Jibda mit-triq tal-Qala, jaqsam il-Gudja minn wara l-knisja ta’ Sant Antnin, jgħaddi minn taħt Triq il-Gudja, Triq il-Ħamri, u Triq Sant’Antnin u jibqa’ nieżel sax-xatt.  Jista’ jkun li ħa ismu mill-familja li kienet taħdem ir-raba’ li jagħmel miegħu.

TA’ GLIEX:  L-art li tiġi n-naħa ta’ fuq ta’ Triq Sant’Antnin sat-triq tal-Qala u tmiss mal-Gudja.  Ta’ Gliex huwa l-laqam tal-familja proprjetarja ta’ din l-art.  Ta’ min isemmi li meta l-Patrijiet Franġiskani Minuri ta’ Ġieżu ġew l-ewwel darba f’Għawdex fl-19 qagħdu f’dar ta’ din il-familja ta’ Gliex.

WIED BILJUN:  Il-wied li jibda mill-Qala, jgħaddi minn quddiem il-knisja u l-kunvent ta’ Sant’Antnin u jibqa’ nieżel lejn iż-Żewwieqa.  Dan huwa wied sabiħ ħafna, dejjem iħaddar bil-qasab, siġar tal-ħarrub u tal-frott, u uċuħ oħra tar-raba’.  Skont il-Professur Wettinger, l-isem Wied Biljun ġej minn Wied Bin Iljun (gued bin liun – 1582).

TAL-KLIN:  L-art ta’ bejn triq iż-Żewwieqa u Triq Biljun.  Klin hija xitla msaġġra dejjem imħaddra b’zokk wieqaf li jogħla sa żewġ metri; b’ħafna friegħi jarmu riħa tfuħ b’weraq aħdar sabiħ, bajdani minn taħt b’ward blu jagħti fil-vjola kważi s-sena kollha.  Tikber fil-widien u l-blat, fin-niexef (Rosmalinus Officinalis).

FUQ GĦAJN IL-LONK:  X’aktarx li l-isem proprju tagħha hu Għajn il-Għonq, iżda mal-milja tas-snin sar popolarment magħruf bħala Għajn il-Lonk.  Din l-għajn kienet tinsab fil-bidu ta’ Triq iż-Żewwieqa fuq il-ġenb ta’ Wied Biljun.  Sa ftit tas-snin ilu kien fiha nixxiegħa t’ilma ġieri li kien jiġi mill-Gudja permezz ta’ mini, kanali, u akwadott.  Dan l-akwadott żgħir kien b’xi ħames arkati u kien jaqsam il-Wied ta’ Martin fejn illum hemm il-playing field Father Hersey fil-Gudja.  L-ilma ta’ din l-għajn kien jintuża biex in-nisa jaħslu l-ħwejjeġ u għax-xorb, u minnha kienu jinqdew ukoll is-suldati li kien hemm fit-torri Garzes.  L-ilma tagħha kien jibqa’ sejjer biex isaqqi r-raba’ taż-Żewwieqa.

FUQ IL-ĦAMRI:  L-inħawi ta’ fuq il-Ħamri huma fejn illum hemm il-Belveder.  Probabbli li ħa ismu billi r-raba’ li kien hemm f’dawk l-inħawi kien kollu raba’ ħamri.

BALZUNETTA:  In-naħa ta’ fuq ta’  Għajnsielem.  Triq l-Imġarr, u Triq Cordina – l-inħawi ta’ dik in-naħa.  Il-kelma balzunetta ġejja mit-Taljan “Barcellonetta” li tfisser Barċellona żgħira.

TA’ LELLUXA:  ‘L isfel mit-torri ta’ Santa Ċeċilja lejn Għajnsielem, fejn hemm il-Borehole tal-ilma, ftit ‘l isfel mill-Gozo Heritage.   Hija art fil-qrib ta’ Santa Ċeċilja li ġa kienet dokumentata fl-1553 u li fuqha kien imħolli legat biex isir il-quddies.  Lelluxa hawn huwa laqam.  Barra dan, lelluxa huwa isem ta’ fjura komuni ta’ kulur isfar karg – Chrysanthemum Coronarium.

TA’ ĠOLIN:  Aktar ‘l isfel mit-triq tal-Briegħen lejn Mġarr ix-Xini.  Ġolin jidher li hu xi isem ta’ xi ħadd.

TA’ BRIEGĦEN:  L-art imdawra minn triq Tal-Briegħen, Triq Cordina, u Triq tal-Bwier.  Minn-naħa tal-Lvant tmiss ma’ Sant’Elija.  Il-Professur G. Wettinger, skont dokument tal-1570 iġib dan l-isem bħala tal-Briegel fit-territorju ta’ Sant’Elija.  Aktarx xi kunjom antik jew laqam.

IL-ĦOTBA:  L-art bejn Ta’ Lelluxa u Ta’ Cordina.  Art aktarx għolja aktar mill-madwar.  Għolja żgħira, aktarx tonda fuq qasam art watja.

TA’ CORDINA:  Bejn Triq Cordina u Triq l-Imġarr.  Cordina huwa kunjom li ilu Malta sa mis-seklu XVI.  Hawn tfisser l-art ta’ Cordina.  Fuq mappa antika, sibt li din l-art tissejjaħ Tal-Ġonna.

TA’ MĠARR IX-XINI:  Il-medda ta’ art kbira li tilħaq mill-bajja ta’ Mġarr ix-Xini sa taħt il-Belt (Chambrey).  Skont il-Kan. G.P. Agius de Soldanis u anke xi kittieba oħra, Mġarr ix-Xini tfisser port tax-xwieni.  Dan minħabba li hawn teorija li Mġarr tfisser post mnejn iġorru, waqt li xini tfisser bastiment tal-qlugħ tal-imgħoddi.  Għahekk, port tax-xwieni.  Iżda skont il-professur Godfrey Wettinger, din it-teorija tradizzjonali hi żbaljata.  Hu jsostni li l-kelma mġarr hi l-plural ta’ miġra (nixxiegħa ta’ ilma), u l-kelma xini oriġinarjament kiebet Xini – kunjom ta’ persuna.  Għalhekk, skont Wettinger it-tifsira għanda tkun l-Imġar ta’ Xeni.

IS-SIKKA TAL-FESSEJ:  Ras ta’ blat baxxa mal-baħar bejn Mġarr ix-Xini u x-Xatt l-Aħmar.  Fessej tfisser min jifsa.  Dan il-post jingħad li hu msemmi hekk minħabba l-ħoss partikulari li jagħmel il-baħar fit-toqob ġol blat.

L-ISKOLL TAL-FESSEJ:  Skoll imdaqqas fil-baħar, ftit ‘il barra mill-post tal-Fessej.

Ras il-Ħobż

RAS IL-ĦOBŻ:  Ir-Ras ta’ barra nett tal-Fessej; l-aktar parti maħruġa ‘l barra għal ġoll-baħar.  Fl-antik kien hemm waħda millhekk imsejħa għases tal-baħar.  Bħala tifsira, tidher li hi l-ħotba tal-ħobża, iżda t-tifsira t-tajba ma tantx hija ċara.  Skont G.P. Agius de Soldanis, hawn kien isir l-aħjar melħ fil-gżira t’Għawdex.

IL-QALA TAL-MIKĦAL:  Id-daħla ta’ ġewwa mill-ponta tal-fessej.  Għalkemm dan il-post insibuh imsemmi f’xi kotba, fosthom ta’ De Soldanis u Annibale Preca, ħadd min-nies li saqsejt ma jaf b’dan il-post jew b’dan l-isem.  Il-kelma mikħal hija nom mimmat mill-aġġettiv ikħal, għalhekk tiġi l-Qala l-Kaħla.

IL-ĦALQ:  Daħla żgħira fil-bajja tax-Xatt l-Aħmar.  Il-kelma ħalq hawnhekk tfisser daħla ta’ baħar f’art imqawsa.

IL-MEJDA:  Il-parti ta’ fuq l-art in-naħa ta’ ġewwa tal-Ħalq.  Mejda hawn tfisser wesgħa art watja u ċatta.

Ix-Xatt l-Aħmar

IX-XATT L-AĦMAR:  Bajja żgħira taħt Forti Chambray.  Xatt tfisser xifer l-art li jmiss mal-baħar.  Hemm teorija li din il-bajja tawha l-isem “aħmar” biex jiddistingwuha mix-xatt l-ieħor, jiġifieri l-port tal-Mġarr li popolarment hu magħruf bħala “x-Xatt”.  Jista’ jkun ukoll li tawh dan l-isem għar-ramel ħamrani li jingħad li kien hemm f’dan il-post.

GĦAJN KLIN:  Din tinsab fuq ir-riħ tax-Xatt l-Aħmar.

IL-KALANDRA:  Parti mill-bajja tax-Xatt l-Aħmar.  Kalandra hu isem ta’ għasfur.

TAL-INGLIŻI:  Bħal ta’ qabilha, din hi parti mix-Xatt l-Aħmar.  Probabbli li ħa ismu mill-Ingliżi li kienu stazzjonati Chambrey u li kienu jinżlu jgħumu hawn.

IL-PONTA TAL-MELLIEĦA jew TAL-FUTMA:   Ir-ras ta’ barra nett tax-Xatt l-Aħmar, il-minkeb li jdawwar l-istess bajja.  Mellieħa hu post fejn ikun hemm is-salini biex jagħmlu l-melħ.  Dan il-post hu magħruf ukoll, l-aktar minn-nies t’Għajnsielem, bħala “Tal-Futma”.  Fatma (varjanti ta’ Futma) huwa isem ta’ mara Għarbija u f’sens ġenerali jindika tfajla Misilma ta’ ġilda samra.  Dan l-isem, xi wħud jindikawh b’disprezz lil xi mara kerha.  Skont tradizzjoni li smajt minn-nies frekwenti ma’ dan il-post, qaluli li l-post ħa ismu minn mara jisimha Fatma/Futma li kienet toqgħod ġo għar li jinsab in-naħa tal-bejlikk, u kienet tmur tagħmel il-melħ fil-post imsemmi.  Storja oħra li smajt dwar din il-mara hija li darba kien hemm raġel qiegħed jistad bit-terrieħa u f’daqqa waħda din ħaditu u kien se jegħreq f’dan il-post.  Fatma kienet hemm tagħmel il-melħ u malli ndunat x’kien qiegħed jiġri, din ġriet u salvatu.  In-nies baqgħu jsejħu dan il-post għaliha.