Fit-taħdit tagħna nsemmu bosta ismijiet ta’ postijiet (toponomi) li tant huma biċċa waħda mill-ħajja tagħna ta’ kuljum u li tant drajnihom għax kbirna magħhom minn żgħar, li lanqas biss nagħtu kas tagħhom jew jiġi f’moħħna nistaqsu jew naħsbu biss mnejn ġew jew kif tnisslu l-ismijiet tagħhom.  Din hi t-tieni parti ta’ lista ta’ ismijiet ta’ postijiet, magħrufa fost in-nies t’Għajnsielem.

Kitba ta’ Joseph Caruana. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 10(2012) Nru 1

TA’ SANT ELIJU/SANT’ELIJA

Post fil-għoli, fit-tarf tal-irdum fuq ir-riħ tal-Fessej, u tidħol għalih mit-triq tal-Briegħen.  Sant’Elija kien profeta kbir minn Iżrael, u kien imtella’ s-sema fuq karru tan-nar.  Fuq xi pjanti antiki, dan il-post jidher bħala “San Teodoru”.  Fl-antik kien hemm kappella ddedikata li Sant’Elija, mibnija mill-familja Maħnuq.  Ġiet ipprofanata fis-sena 1657.

TA’ MATTJELU

L-art imdawra, ċċirkondata minn Triq Cordina u Triq l-Imġarr.  Mattjelu x’aktarx li hu xi isem ta’ persuna.

IĊ-ĊENS TAL-GĦARUS

L-art imdawra minn Triq Cordina, Triq ta’ Briegħen, u l-irdum ta’ fuq ix-Xatt l-Aħmar.

TAĦT IL-BELT

L-art li tiġi taħt Forti Chambray in-naħa tal-polverista, u fuq ir-riħ tax-Xatt l-Aħmar.  Il-post jissejjaħ hekk għax jiġi taħt Chambrey, li kellha tkun il-belt il-ġdida.  Agius de Soldanis, fil-ktieb tiegħu Il Gozo Antico e moderno sagro e profano jsemmi żewġ postijiet li jiġu  x’imkien lejn Ras it-Tafal.  Dawn huma “Il-Plajja tal-Ġbejjel” u “Tat-Twaġen.  Din tal-aħħar kienet waħda mill-għases tal-baħar.  Tat-Twaġen isemmih ukoll il-Professur Wettinger fil-ktieb tiegħu Place-Names of the Maltese Islands 1300-1800.  

IT-TOMBA TAX-XATT L-AĦMAR

Dik ir-ras kollha tafal li tiġI minn taħt il-gardjola ta’ Chambrey sa fuq ir-riħ tal-Futma.  Tomba fil-każ tagħna tfisser għolja żgħira jew  ħotba t’art.

RDUM IT-TAFAL/ĠOR-RDUM

L-irdum kollu minn taħt il-gardjola ta’ Chambrey sa fejn jiġI fuq ir-riħ tal-port tal-Imġarr.  Rdum huwa ħaġar u ġebel imġarraf li matul iż-żmien jinqata’ mit-tarf ta’ xi sies u jifforma ġenb imħarbat u għan-niżla ġeneralment ma’ xatt il-baħar.  Fil-każ tagħna, peress li l-bażi ta’ dan l-irdum huwa tafli, ħa ismu minn hekk.

Ras it-Tafal

RAS IT-TAFAL

Il-post fejn hu mibni l-Forti Chambray.  Msejjaħ hekk minħabba li l-post hu kollu tafal.

L-ISKOLL TAL-GĦASAFAR

Skoll blat kbir li kien hemm fil-baħar wara l-breakwater l-antik.  Illum m’għadux jidher billi ġie mirdum bil-breakwater il-ġdid.

IL-ĠNIEN TAL-IMĠARR

Ir-raba’ u l-għelieqi kollha li jibdew minn taħt is-swar tal-Forti Chambray minn fejn jiżbokka l-foss, jibqa’ għaddej minn taħt ir-riħ tal-knisja ta’ Lourdes, u jibqa’ sejjer sa fejn jgħaddi Wied Biljun in-naħa taż-Żewwieqa.  Dan ir-raba’ huwa għammiel ħafna għax hu mkennen u fih ħafna ilma u għalhekk hu raba’ saqwi u fertili.

L-IMĠARR/IX-XATT

Għalina n-nies t’Għajnsielem, l-Imġarr huwa dak il-qasam art li jinfirex mill-Forti Chambray saż-Żewwieqa, u jinkludi wkoll il-port.  Jidher li dari kien jinkludi wkoll lil dawk l-inħawi li llum jiffurmaw ir-raħal t’Għajnsielem.  Dan peress li l-Imġarr, kemm bħala post kif ukoll bħala isem, huwa eqdem mir-raħal.  Fil-fatt f’xi kuntratti antiki nsibu Santa Cecilja del Mugiarro; Sancta Cilia del Muggiarro, li jwassalna naħsbu  li d-distrett tal-Imġarr kien jasal sal-art fejn hemm il-kappella ta’ Santa Ċeċilja.  Li l-Imġarr huwa antik huwa naturali minħabba li kien u għadu l-port l-ewlieni t’Għawdex, u kull kummerċ ma’ Malta u ma’ barra jrid jgħaddi minnu.

Il-kelma Mġarr jagħtuha diversi tifsiriet.  Fost l-oħrajn insibu li tfisser post mnejn iġġorr u minn fejn isir il-ġarr.  Wettinger ma jaqbilx ma’ din it-tifsira iżda jgħid li Mġarr hija l-plural ta’ “miġra”, nixxiegħa t’ilma.

Popolarment, il-poplu tagħna meta jirreferi għall-Imġarr, aktar jirreferi għalih bħala “x-Xatt”.  U meta ssemmi x-Xatt ifisser ix-xatt tal-Imġarr bħala x-xatt ewlieni tal-gżira.  Fil-kitba uffiċjail dejjem jitniżżel Mġarr.  Il-ftit distinzjoni li nagħmlu bejn ix-xatt u l-Imġarr hija li meta ngħidu x-Xatt inkunu qed nirreferu għall-inħawi ta’ fejn hemm il-moll tal-vapuri sa fejn hemm id-dgħajjes tas-sajjieda, u dan naturali minħabba li xatt tfisser xifer l-art li tmiss mal-baħar.

 

Ix-Xatt, L-Imġarr

IĊ-ĊIKKEN

Il-parti l-aktar imkenna bil-bajja/port tal-Imġarr.  Dik il-part li tiġI biswit il-Gleneagles Bar.  Ċikken tfisser biċċa art imdawra b’irpar jew ċint biex fiha jinżammu l-bhejjem, bħalma huma nagħaġ, mogħoż, eċċ.  Jista’ jkun li ħa ismu billi fl-antik hawn kien hawn parti mill-art imdawra b’irpar tal-ħadid għamla ta’ rixtellu li jista’ jkun li fl-imgħoddi kienet tintuża biex fiha jinżammu l-bhejjem sakemm jitgħabbew fuq id-dgħajjes tal-latini biex iġorruhom lejn Malta.  Jista’ jkun ukoll li ħa ismu mill-fatt li din il-parti hija l-aktar post kenni fl-Imġarr.

IL-FAĦLEJN

Il-post fejn jiżbokkaw żewġ widien: Ta’ Martin, u Wied ir-Rajjes fil-port tal-Imġarr.  Faħal, barra tifsir ieħor, għandha wkoll it-tifsira li jidher li taqbel xi ftit mal-post tagħna.  Faħal huwa ħammiela fejn jitħawlu x-xitel u li jkun bejn sieqja u oħra, għamla ta’ gifun.  Fil-fatt f’dan il-post hemm għalqa, parti mill-Ġnien tal-Imġarr, li tifred il-wied ta’ Martin minn Wied ir-Rajjes, li hi speċi ta’ faħal bejn iż-żewġ widien.  Din l-għalqa minn dejjem kienet titqassam f’iħfla biex iħawlu x-xitel.

TAĦT IT-TANK

Dik il-parti li tiġI bejn il-Faħlejn u ż-Żewwieqa.  Ħa ismu mill-post li kien jintuża għall-ħażna ta’ tankijiet tal-pitrolju.  Illum dan il-post reġa’ nbena mill-ġdid iżda parti minnu tintuża bħala residenza.

IR-RAMLA TAŻ-ŻEWWIEQA

Il-bajja ramlija taħt il-ġnien u r-raba’ taż-żewwieqa fejn jiżbokka Wied Biljun.  Ħadet isimha mill-ġnien u r-raba’ li jiġI fuq ir-riħ tagħha.  Dari kienet tajba u mfittxa ħafna għall-għawm.

TAŻ-ŻEWWIEQA

Qasam art li jinkludi r-raba’ u l-irdum fuq ir-riħ tar-ramla taż-Żewwieqa li jibda minn Wied Biljun sal-Blata l-Bajda.  Din l-art kienet tifforma parti mill-Baronija De Piro.  Żewwieqa ġejja minn żewwaq jew mżewqa għalhekk ħaġa mżewqa jew mimlija kuluri.  Ismijiet oħra li nsibu fl-istess qasam t’art huma Ġebel Taż-Żewwieqa, u l-Blata taż-Żewwieqa.  It-toponomu “seuaca” nsibuh sa mill-1534.  Insibuh ukoll bħala Zeueca u Zeuecha.

IL-BLATA TAŻ-ŻEWWIEQA

Blata kbira li għadha tidher sal-lum fil-qasam taż-Żewwieqa bejn Ħaġret iċ-Ċawl u Wied Biljun.  Din il-blata hi merfugħa ‘l fuq u tidher tiddomina fil-post fejn tinsab.  Il-Kommendatur Gio Fran Abela jsemmiha fil-ktieb tiegħu Della Descritione di Malta.

IL-FAWWARA

Parti mill-kosta ftit aktar ‘il ġewwa mill-bajja taż-Żewwieqa.  Fawwara hija nixxiegħa t’ilma.

IL-ĦAWLIJA

Bajja ċkejkna bir-ramel ftit iżjed ‘il ġewwa mill-Fawwara.  Ħawlija tfisser art li ma tagħti ebda frott.

DAĦLET TAL-BOMBLU

Mogħdija li tibda minn Triq iż-Żewwieqa u tinżel u tifred l-Irdum tal-Bandu mir-raba’ tal-Bomblu.  Bomblu huwa għamla ta’ żir jew ġarra tal-fuħħar b’għonq dejjaq u żaqq usa fejn jinżamm l-ilma biex jibqa’ frisk.  Hawnhekk użata aktarx bħala laqam.

FUQ IT-TORRI

Il-promontorju li jiġI bejn Wied Biljun u l-Wied ta’ Martin, fuq ir-riħ taż-Żewwieqa, fejn inbniet il-lukanda L-Imġarr.  Jissejjaħ hekk billi fuq dan il-post kien hemm it-Torri Garzes, li nbena fl-1605.  Il-Granmastru Marino Garzes ħalla l-flus biex jinbena dan it-torri u fil-fatt inbena wara mewtu, fi żmien il-Granmastru Alof de Wignacourt.

IL-QORTIN TAL-IMĠARR

Il-post fejn illum hemm mibnija l-knisja ta’ Lourdes u d-dar tat-tfal iltiema Lourdes Home.   De Soldanis jgħid li fl-antik f’dan il-post kien jista’ jsir insib għas-seqer.  Qortin tfisser art għolja, wieqfa fuq naħa u nieżla fit-tul għal xejn fuq l-oħra; għamla ta’ ħajt jew sur tal-blat, naturali jew mibni.  Ir-raba’ ta’ fuq qortin x’aktarx ikun b’ħamrija baxxa li ma tantx iżżomm kultivazzjoni.

FUQ IL-BEJLIK

Dan il-post jaħbat bejn Triq Sant’Antnin u Triq il-Ħamri, mal-ġenb ta’ fejn hemm il-Grand Hotel, u tista’ tidħol għalih minn Sqaq Nru. 1 fi Triq il-Ħamri, jew titla’ mit-taraġ li hemm min-naħa ta’ fuq tal-Grand Hotel.  Il-kelma Bejlik tfisser titlu antik ta’ bniedem ta’ awtorita’ fil-gvern li għandu l-jedd imexxi, per eżempju uffiċċju, riġment, mirkeb, belt. Eċċ.  Rajjes, kaptan, mexxej.  Din il-kelma aktarx li ġejja mill-kelma antika baiulus (Latin Medjevali) li tfisser uffiċjal lokali li kellu s-setgħa jaqta’ kwistjonijiet bejn il-bdiewa dwar talbiet ta’ ħlas ta’ Danni u oħrajn.  Fil-każ tagħna, iżda, aktarx kien xi laqam ta’ xi ħadd li kien joqgħod f’dawn l-inħawi.

FUQ IL-ĦAMRI  

L-inħawi ta’ Fuq il-Ħamri huma fejn illum hem mil-belverder.  Probabbli li ħa ismu billi r-raba’ li kien hemm f’dawk l-inħawi kien kollu raba’ ħamri.

BALZUNETTA

In-naħa ta’ fuq ta’ Triq Għajnsielem, Triq l-Imġarr, u Triq Cordina – l-inħawi ta’ dik in-naħa.  Il-kelma Balzunetta ġejja mit-Taljan Barcellonetta, li tfisser Barcellona żgħira.

TA’ PASSI

In-naħa ta’ fejn hemm dawk iż-żewġ passaġġi tar-riġel li jingħaqdu f’wieħed, u li mill-pjazza tas-Santwarju jieħdu għat-triq tax-xatt.  Probabbli li ħa ismu minn dawn iż-żewġ passaġġi.

IT-TERRAPIEN

Dik il-biċċa art li tiġi bejn Triq l-Imġarr, jew kif nafuha aħna – it-triq tax-xatt – u l-Forti Chambray fejn, qabel ma saret it-triq il-ġdida fis-snin tmenin, kien hemm għad ta’ siġar taż-żebbuġ.  Terrapien huwa dak il-fdal ta’ xaħx, laqx, eċċ, li jibqa’ wara xi tqattigħ ta’ blat jew ġebel.  Jingħad li ħa ismu mit-terrapien li kien jitneħħa mill-foss meta kien qed jinbena Forti Chambray u li kien jintefa’ f’dan il-post.

IL-MIXTA

Dal-post hu bejn wieħed u ieħor f’nofs it-triq tax-xatt taħt is-sies fejn hemm Wied ir-Rajjes.  Qabel ma twesset it-triq, hawn kien hawn daħla taħt is-sies li fiha kien hemm siġar kbar.  Mixta hi post għall-kenn mix-xita, li jista’ jkun ukoll xi għar għall-bhejjem.

WIED IR-RAJJES

Huwa l-wied li jaqbad mill-Pjazza tad-Dehra u jibqa’ nieżel sax-xatt.  De Soldanis isemmih ukoll bħala l-wied ta’ Għajn il-Liepru/Liebru.  Rajjes tfisser kap, mexxej, wieħed li għandu ċerta setgħa li joħroġ l-ordnijiet, kaptan ta’ bastiment.  Liebru tfisser fenek selvaġġ.  Dan il-wied huwa sabiħ ħafna; iħaddar is-sena kollha bil-qasab u pjanti oħra.  Fin-naħa ta’ fuq ta’ dan l-istess wied insibu Għajn il-Liebru li għadha tnixxi l-ilma sal-lum, u għalhekk li hawn minn isejjaħ dan il-wied b’dan l-isem.

TAL-FAWWARA

Dan huwa qasam t’art li jiġI bejn Għajnsielem u l-Imġarr.  De Soldanis isemmi għajn tal-Fawwara fi Triq l-Imġarr li kienet isservi biex jixorbu l-bhejjem minnha.  Fir-raħal t’Għajnsielem hemm Triq il-Fawwara, li tħares fuq Wied ir-Rajjes.  Mela għandna għax naħsbu li l-għajn li jsemmi De Soldanis setgħat kienet dik li llum hi Għajn Le Merchant.  Fawwara hi għajn ta’ ilma ġieri.

FUQ IL-GĦAJN

Hawnhekk qed nirreferu għal fejn kienet l-Għajn tal-Ħasselin u li minnha r-raħal ħa ismu: GħajnSielem.  Din l-għajn kienet fejn illum hemm il-Pjazza tad-Dehra, mal-ġenb tal-Wied ta’ Samirat, bejn wieħed u ieħor fejn hemm dik it-trejqa jew taraġ li jgħaqqad il-Pjazza tad-Dehra ma’ Triq Fuq il-Għajn.  Minn dan il-post nistgħu ngħidu li twieled, kiber u nfirex ir-raħal t’Għajnsielem.

Bibljografija:

Abela Commendatore Gian Fran

Delle Descrizzione Di Malta

Agius De Soldanis Gian Piet

Għawdex bil-Ġrajja Tiegħu miġjub bil-Malti minn Mons Dun Ġużepp Farrugia

Aquilina Ġuże

Papers in Maltese Linguistics

Aquilina Ġuże

Maltese-English Dictionary

Montalto John

The Nobles of Malta 1580-1800

Serracino Inglott Erin

Il-Miklem Malti

Trump D.H.

Malta: An Archeological Guide

Wettinger Gofrey

Placenames of the Maltese Islands ca 1300-1800