Tiftakar, ħi, meta fuq bejt weħidna,
f’għaxija sbejħa tar-rebbiegħa tagħna,
waqt li fix-xefaq rajna ix-xemx tgħib siekta,
u ż-żiffa bierda kienet tfewweġ magħna;

U kollox sieket kien jistrieħ madwarna,
biss l’Ave tidwi fur ir-raba’ u r-rħula…
“Ħi” għidtli ġwejjed(1) bejn ħosbien mnikket
“x’dieqa ġo qalbi tħalli ix-xemx f’inżulha!”

Ħassejt bħal x’jiġbdek dak il-ħin mill-għoli
fil-ħmura tħeġġeġ mas-smewwiet u l-ħlejjaq:
ruħek bħal tniehdet, donnha mxennqa riedet
taħrab, tittajjar minn dal-wied ta’ dwejjaq.

Qalbek ħebritek dak in-nhar li d-damma(2)
tal-jiem ta’ ħajtek waslet qrib għeluqha? ..
Ma nafx.. Niftakar li rajt xenqa f’ħarstek,
f’ħarstek misfija(3) ‘l hemm mis-sħab misruqa(4)

U rajt fuq fommok bħal tbissim tal-ġenna…
xuftejk jitriegħdu, bħal qegħdin jitkellmu…
Hekk ħsibt, bejniethom fis-smewwiet jitbissmu,
meta wieħed lill-ieħor lAnġli jsellmu!

Ċass hekk bqajt tħares, sa kemm fl-aħħar għabet
ix-xemx fil-baħar u ntfiet fl-art id-dija…
u siket l-għana ta’ l-għasfur fil-ġonna,
u d-dalma waqgħet mill-għoljiet ġeblija…

..Ftit xhur biss wara rajtu jifrex fuqek
L-Anġlu ħabbar tal-mewt ġwenħajh dellija,
u jrodd fuq fuq ġbinek bewstu kiesħa, kiesħa,
bħal żiffa mreżżħa tal-għodwiet xitwija.

U rġajt tbissimt bħal dak in-nhar fl-għaxija
u wqajt bħal warda fl-isbaħ jiem ta’ Mejju…
Ħassejt madwari bħal tferfir ta’ ġwienaħ
u daqq u għana moħbi l-iktar ħlejju!..(5)

Ġ. Delia S.J.
1930
1. ħiemed, miġbur fih in-nifsu bħal bniedem qalbu dejqa.
2. niseġ u għadd ma’ xulxin; għalhekk id-damma tal-jiem tfisser iż-żmien tal-ħajja.
3.ħarstu ma kienx jilmaħ ħwejjeġ ta’ din id-dinja, kif dlonk iħoss il-bniedem li jaf li mhux għal hawn, ruħu tintrabat mas-sema u tissaffa minn kull ġibda ta’ l-art
4. b’ħarstu ma jħaresx lejn is-sema ikħal li jaraw l-għajnejn imma jħares aktar il-fuq – lejn is-sema li għalih tixxennaq il-qalb tal-bniedem.
5. Deherlu l-poeta li l-anġli niżlu jilqgħu r-ruħ ta’ ħuh fost daqq u għana moħbi għall-widnejn il-bnedmin. Il-poeżija tagħlaq b’żewġ versi sbieħ tas-sew. Donnok tħoss int madwarek it-tferfir ta’ ġwenħajn l-anġli tal-viżjoni.