Fil-gżejjer tagħna għandna diversi fratellanzi, wħud fil-parroċċi u oħrajn marbutin ma’ xi knejjes.  Dawn il-fratellanzi huma għaqdiet, ġeneralment tal-lajċi sekulari, li jitwaqqfu dejjem bl-approvazzjoni tal-Knisja.  Jissejħu Fratellanzi, Konfraternijiet, Kongregazzjonijiet, u wkoll Sodalitajiet.  Ikollhom mod ta’ tmexxija magħruf bħala Statut jew Regoli, u fostna jissemmew fl-ewwel Sinodu li fih għandna tagħrif dwar tiġdid fis-sena 1591 (Costit. Synodale Ecc Meli 1610, paġna 85.)

Kitba ta’ Lorenzo Zahra. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara  Vol 10(2012) Nru 1.

Jingħad li għaqdiet simili diġa kienu jeżistu qabel il-Konċilju ta’ Trentu, li kien ta bidu biex jirregula diversi suġġetti tal-Knisja.

1) Kull fratellanza hija għaqda ta’ lajċi li jissieħbu fil-ħidma tal-Knisja bl-ubbidjenza lejn l-Ordinarju. Kienu l-Kappillani li jressqu t-talbiet biex jiġi approvat is-servizz tagħhom fil-parroċċi.  L-Isqof japprova b’digriet, u wara jsir statut li fuqu titmexxa l-fratellanza bħala organizzazzjoni.  Naturalment jintgħażlu persuni għat-tmexxija, li jkollhom l-approvazzjoni solita.

2) Ġeneralment fratellanza jkollha s-superjur tagħha imsejjaħ Rettur jew Governatur.  Dan ikollu żewġ assistenti msejħin il-Prim u s-Sekond Assistent.  Fit-tmexxija jinħatru wkoll xi Konsulturi, kif ukoll Prokuraturi għal ċerti taqsimiet.  Il-Prokuratur Ġenerali jkun qisu l-kaxxier tal-lum, imma l-prokuraturi l-oħra jkollhom il-kura, ngħidu aħna, tal-artal, tal-oqbra, jew tal-menswalita’ – li hi l-ħlas ta’ kull sena jew ta’ darba biss.  Id-dħul kien iservi biex jitħallsu spejjeż ta’ talb, funerali u midfna, u ta’ ċerti obbligi.

3) Il-mard u l-mewt ta’ kull imsieħeb dari kienu jitħabbru b’qanpiena fit-toroq biex il-fratelli jinġabru jitolbu għalih u jieħdu sehem fil-vjatku u fil-funeral tiegħu.  Kien jindifen fl-oqbra tal-fratelli, li dari kienu fil-knejjes, imma llum jinsabu fiċ-ċimiterji.  Dari, d-dfin tal-epidemji biss kien isir barra l-knisja, u f’ċimiterji li konna nsejħulhom “tal-Infetti”.  Kull fratellanzi kien ikollha l-oqbra fil-knisja, imma meta l-gżejjer tagħna ġew taħt il-ħakma Ingliża, l-gvern kien bena ċimiterju ġenerali u ordna li ma jibqax isir dfin fil-knejjes – u dan għall-ħarsien tas-saħħa.

4) Kull fratellanza kienet tingħata l-kura ta’ xi artal, li xi wħud minnhom ġew imkabbra u mżejna bħala kappella ntiera; u mhux hekk biss – il-fratellanza kienet tieħu ħsieb ċerti ċelebrazzjonijiet.

ORATORJU

5) Maż-żmien xi Fratellanzi ħasbu biex ikollhom post fejn jagħmlu l-laqgħat tagħhom, għalhekk bnew “oratorji”.  F’dawn kienu mhux biss jagħmlu l-laqgħat amministrattivi tagħhom, imma wkoll laqgħat ta’ talb, quddies, u wħud kienu jinġabru f’komunita’ jagħmlu l-uffiċċjatura u tant devozzjonijiet oħra.  Għad għandna oratorji tassew sbieħ fil-qasam arkitettoniku u artistiku li huma frott ta’ dawn il-fratellanzi.  Wħud minnhom huma magħrufa għall-opri tal-arti li fihom.  Nista’ hawn insemmi dawk tal-Belt – tas-Sagrament ta’ Partu Salvu; dak tal-Karita’ fil-knisja ta’ San Pawl; tal-Onorati f’tal-Ġiżwiti.  Hemm oħrajn fit-tlett ibliet tal-Kottonera, u wkoll f’xi rħula.  Nistgħu bla dubju nistqarru li kienu dawn il-fratellanzi li għammru b’tant opri l-knejjes tagħna.

6) L-ilbies li jġibu l-fratelli llum jikkonsisti minn konfratija bajda, biċ-ċinglu, bil-kuruna tar-Rużarju mdendla, b’muzzetta, u bil-barnuż fuq rashom.  Il-fratellanzi kienu jingħataw permess għal dan l-ilbies mill-Kanċellerija tal-Kurja, u ġeneralment ikollhom kuluri distinti fil-muzzetta.  Kienu jġibu midalja fuq is-sider, u dik tar-Rettur tkun speċjali.  Kien hemm fratellanzi, bħal dik imsejħa “tal-Onorati”, li proprjament hija fratellanza ta’ Santa Marija Assunta, li kienu b’ilbies sekulari biss .  Eċċezzjoni kienu l-fratellanzi tal-Via Sagra marbuta ma’ dik barranija, li flok kunfratija kienu jilbsu suttana ħamra.  Il-fratelli tar-Rużarju tal-Belt kienu l-unika fratellanza li jilbsu kappell fuq il-barnus.

7) Billi xi fratelli u qraba tal-fratelli kienu jħallu obbligi ta’ talb jew għajnuna oħra f’idejn il-fratellanza, din kienet tara li twettaq dawn l-obbligi taħt it-treġija tal-Knisja, li kienet trid li l-obbligi jitwettqu skont ir-rieda tal-fundaturi.  Kienu jiġu appuntati prokuri għal dan il-għan, u l-Knisja kienet tirregola bir-reqqa t-tmexxija tagħhom, u minn żmien għal żmien kienet teżamina l-ħidma individwali ta’ kull legat imħolli.

GĦAQDIET TAS-SNAJJA’

8) Xi fratellanzi kellhom il-karattru ta’ għaqdiet ta’ nies tas-snajja miġbura flimkien fi ħdan il-Knisja.  Kien hemm żmien meta l-Universita’ tal-Ġurati Maltin kienet tinqeda b’dawn il-fratellanzi għat-tmexxija tal-istess sengħa.  Ġie li kunsillieri tal-fratellanzi marru Sqallija dwar ix-xogħol tas-sengħa tagħhom.  Hekk, ngħidu aħna, kien hemm żmien meta fratellanza kienet tagħti liċenzji għal din il-ħidma.  Biex insemmu xi fratellanzi tas-sengħa – dawk ta’ San Mikiel kienu x’aktarx tan-negozzjanti u tal-ħwienet; insibu minnhom fil-Belt fl-1695, u fir-Rabat u f’Ħal Qormi fl-1739.  Dawk ta’ San Omobono kienu għall-ħajjata u l-bejjiegħa tal-ħwejjeġ; din il-fratellanza nsibuha l-Belt mill-1783.  Il-Belt hemm ukoll dik ta’ San Krispin u Krispinjanu, li kienet għall-iskrapan.  L-arġentiera kienu fil-Fratellanza ta’ Santa Liena.  Il-ħaddieda kellhom lil Sant’Eloi; it-tobba l-fratellanza ta’ San Gosma u Damjan fil-Belt u fil-Birgu, u ta’ Santa Katerina kienet għall-kurdara – din kienet tinsab il-Birgu sa mill-1643.  Il-mastrudaxxi – il-Ġużeppini – kellhom waħda mill-eqdem fratellanzi li biż-żmien xterdet ma’ diversi parroċċi.  Hekk insibuha f’Ħ’Attard fl-1746, Birkirkara fl-1884, Ħal Għargħur fl-1751, Ħal Għaxaq fl-1750, il-Kalkara fl-1878, il-Mellieħa fl-1907, l-Msida fl-1895, il-Mosta 1673, in-Naxxar fl-1866, Ħal Qormi fl-1848, ir-Rabat fl-1508, San Ġiljan fl-1918, is-Siġġiewi fl-1745, il-Belt Valletta fl-1669, u Ħaż-Żebbuġ fl-1738.  Dawn il-fratellanzi nistgħu ngħidu welldu l-Unions ta’ żmienna.

9) Kull fratellanza jkollha l-Istatut tagħha li jkun approvat mill-Isqof tad-Djoċeżi.  Il-fratellanza l-ewwel tagħti l-istatut tagħha lill-Kappillan u dan, wara li jkun eżaminah, iressqu l-Kurja għas-soltu skrutinju u fl-aħħar jitressaq għall-approvazzjoni tal-Isqof.  L-ewwel statuti li ltqajt magħhom fl-arkivji tal-Kurja kienu dawk tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp fil-knisja tal-Madonna tal-Karmnu l-Belt fl-1668[1], dak tal-Fratellanza tal-Agunija f’Ħaż-Żabbar 1669[2], u dak tas-sodalita’ tal-qassisin tal-Isla 1669[3]   Kull statut tul is-snin isir fih xi tibdil li dejjem isir bl-approvazzjoni tal-Kurja.

Il-laqgħat tal-fratelli kienu jsiru skont l-istatut tal-fratellanza.  Il-laqgħat kienu jissejħu mir-rettur, waqt li s-segretarju kien jieħu ħsieb javża.  Xi drabi dawn il-laqgħat kienu jkunu għall-uffiċċjatura biss, u drabi oħra jkunu laqgħat ġenerali.  Il-“Konsulti” jkunu miftuħa bit-talb immexxi mid-direttur spiritwali, u għalhekk fuq il-mejda jew il-katedra uffiċċjali jkun hemm Kurċifiss u żewġ xemgħat.  It-talb jitmexxa mid-direttur spiritwali, li jkun jew il-Kappillan jew delegat tiegħu.  Jippressiedi r-Rettur, u b’qanpiena f’idu jagħti s-sinjali meħtieġa, dejjem skont l-istatut.

10) Kull fratellanza jkollha l-arkivju tagħha, fejn jinżammu d-dokumenti kollha.  Xi fratellanzi għad għandhom arkivji qodma tassew, li jħażżnu fihom bosta dokumenti ta’ importanza storika.  Uħud kienu jinżammu b’għaqal u b’sengħa. Dawn id-dokumenti dejjem jitressqu l-Kurja għand il-Kanċillier biex ikunu eżaminati mill-uffiċċjali tal-Knisja u fl-aħħar jingħataw il-Quittanza, jiġifieri digriet mill-Isqof dwar il-korrettezza tax-xogħol eżaminat.

Fratellanti fil-purċissjoni ta’ Corpus, Il-Ħamrun, 1966.

L-EQDEM FRATELLANZI

11) Monsinjur Vincent Borg jgħid li diġa fis-seklu X (għaxra) kienu jeżistu xi fratellanzi[4].  Fil-Birgu, fuq il-bieb tal-Oratorju tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp, hemm miktub li din twaqqfet fl-1103.  Fil-Kastell Sant’Anġlu kien hemm fratellanza tal-Madonna fl-1445, imlaqqma “taċ-Ċerawola” (Kandlora) li żmien wara kienet ittieħdet il-Birgu, fil-knisja tal-Lunzjata [5].  Fl-istess żmien kien hemm fratellanza tal-Madonna ġewwa Ħ’Attard [6] L-Isqof Cubelles waqqaf dik Marjana f’Ħ’Attard[7] (Marian Devotions in Maltese Islands of St. Paul, pġ 7).

12) Meta Mons. Duzzina għamel żjara pastorali f’Malta fl-1575 introduċa l-fratellanza tas-SS Sagrament f’diversi parroċċi.  Fir-Rabat, Mons Duzzina sab żewġ fratellanzi antiki: dik ta’ San Ġużepp u oħra ta’ San Mark, u riedhom jingħaqdu fi Fratellanza tas-Sagrament.  Dawn il-fratellanzi kienu jieħdu ħsieb l-artal maġġur tal-knisja, u kienu wkoll daħħlu d-devozzjoni tal-erbgħin siegha adorazzjoni f’ħafna parroċċi. Il-fratelli kienu jieħdu sehem f’kull tielet Ħadd tax-xahar, meta fil-knejjes isiru devozzjonijiet bis-Santissimu Sagrament.  Minn żmien Duzzina bdew jitwaqqfu fil-parroċċi kollha, u ma nistgħux ma nsemmux is-sehem kbir li għadha twettaq sal-lum il-Fratellanza tas-Sagrament imwaqqfa fil-Parroċċa marbuta mal-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat.  Għalkemm kienu diġa bdew juffiċċjaw, xi fratellanzi għandhom dokumenti ta’ twaqqif li juru data ta’ żmien wara.  Hawn se nagħti l-aktar sena qadima li ltqajt magħha:

1669 Ħal Balzan, 1690 Ix-Xewkija, 1715 L-Isla, 1734 Ħal Luqa, 1735 Il-Mosta, 1756 Il-Qrendi, 1767 Cospicua, 1773 Ħal Qormi, 1779 Ħal Lija, 1797 Ħal Għaxaq, 1820 Marsaskala, 1844 Il-Mellieħa, 1858 In-Naxxar, 1865 Ħad-Dingli, 1867 L-Msida, 1875 Ħal Safi, 1878 Ħal Kirkop, 1880 L-Għarb, 1882 Il-Ħamrun, 1895 San Ġiljan, 1898 Il-Kalkara u Marsaxlokk, 1899 L-Imġarr u L-Imsida, 1911/12 Paola, 1913 Birżebbuġa u l-Marsa.

13) Il-fratellanzi tal-Agunija tal-Erwieħ ilhom fostna mis-seklu 16 u 17 u xterdu ħafna.  Dawn jaħsbu għal passaġġ tajjeb lejn l-eternita’.  Allura nistgħu ngħidu li din il-fratellanza kienet minn ta’ quddiem fil-ħidma tagħha fil-parroċċi.  Dari, meta kienet iżżurna xi epidemija, kien ikun bla għadd in-numru tal-imwiet.  Il-fratellanzi allura kienu jieħdu ħsieb id-dfin u ċ-ċimiterji nfetti.  Santu Rokku u San Bastjan kienu l-qaddisin protetturi tagħna waqt l-epidemiji.  Fil-Birgu, l-qima lejhom ġabet fratellanza fl-1598 li kienet tagħmel proċessjoni bi statwa.  Uħud minn dawn il-fratellanzi kienu jinġabru fil-knejjes tagħna waqt l-agunija tal-imseħbin b’orazzjoni quddiem Ġesu Sagramentat li kien ikun espost mit-tabernaklu stess.  Dari kont tisma’ t-tokki tal-qanpiena tal-agunija li tfakkar li xi ħadd kien qrib il-mewt.  L-ewwel fratellanza tal-Agunija kienet dik ta’ Ħaż-Żebbuġ, imwaqqfa fl-1640. Uħud minn dawn il-fratellanzi kienu magħrufa wkoll bħala ta’ l-Erwieħ tal-Purgatorju (Anime Purganti).  Hawn insemmu wħud minn dawn:

1610 Corpicua, 1653 Ħal Qormi, 1658 Il-Mosta u Ħaż-Żebbuġ, 1669 Ħal Għargħur, Il-Gudja, Iż-Żejtun u Ħaż-Żabbar, 1671 Ħ’Attard, 1673 Senglea, 1674 Ħal Tarxien, 1676 Birkirkara, 1687 Iż-Żurrieq, 1691 L-Imqabba u l-Belt, 1718 Ix-Xagħra, 1725 Ħal Balzan, 1751 L-Imdina.

14) Dawn il-fratellanzi tal-erwieħ kienu wkoll ta’ kull sena jagħmlu l-uffiċċjatura tal-Mejtin li kienet issir jew fl-Oratorju tagħhom stess jew fil-Parroċċa.  Allura kienu jarmaw tubru, b’faldrappa rrakkmata bid-deheb fil-ġnub, bankuni bix-xema’ u gandlieri tal-ħadid miżbugħa suwed bit-torċi fuqhom, u magħhom tiddendel l-emblema tal-fratellanza jew xbiha ta’ ras ta’ mewt.  Kienu jissemmew l-imseħbin wieħed wieħed, u kien ikun espost kwadru bl-ismijiet tagħhom.  Xi fratellanzi kellhom kotba stampati apposta, bit-talb bil-Latin jew bit-Taljan li kien jingħad bħala uffiċċjatura.  Nistgħu ngħidu li dawn inqatgħu wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni.

IL-FRATELLANZI TAR-RUŻARJU   

15) Wara r-rebħa tal-battalja ta’ Lepanto fl-1571 li fiha ħadu sehem ukoll ħafna baħħara Maltin taħt il-bandiera tal-Ordni, xterdet fostna l-Fratellanza tar-Rużarju.  Kienu l-Patrijiet ta’ San Duminku l-promoturi ta’ din il-fratellanza li tħajjar lill-poplu tagħna jitlob permezz tar-Rużarju.  F’ħafna parroċċi, l-fratellanza għandha kappelluni mżejna b’artali sbieħ fejn, fix-xahar t’Ottubru, titwettaq il-festa tal-Madonna tar-Rużarju.  Fost il-fratellanzi, nsemmi li dik tal-Belt Valletta, li kienet tieħu ħsieb l-iġġustizzjati; saħansitra d-dfin tagħhom.  Din il-fratellanza kienet ukoll magħrufa bħala Tal-Miserikardja, u twaqqfet fl-1573.  Tliet snin wara bniet Oratorju.  Il-membri tagħha dejjem kienu nies distinti, u fi tfuliti kienu joħorġu jiġbru qabel issir xi eżekuzzjoni tal-forka, bil-kappell “Trespicos” fuq il-kapott.  Se nsemmi xi fratellanzi tar-Rużarju li ltqajt magħhom f’xi dokumenti:

1578 Il-Matriċi t’Għawdex, 1588 Il-Gudja, 1594 Il-Mellieħa u n-Naxxar, 1596 Ħal Kirkop u l-Imqabba, 1599 Ħal Lija, 1601 Ħal Qormi, 1612 Il-Mosta, 1624 Cospicua, 1634 Ħal Luqa, 1608 Ħal Għargħur, 1628 Ħal Għaxaq, 1682 Ix-Xewkija, 1690 Ix-Xagħra, 1705 In-Nadur, 1716 Ħaż-Żebbuġ, 1721 Ta’ Sannat, 1857 Għajnsielem, 1689 L-Għarb, 1698 Ħad-Dingli.

16) Kellna wkoll l-fratellanzi tal-Madonna tal-Karita’.  Hawn ta’ min jgħid li f’dawk iż-żminijiet kellna fostna faqar kbir wisq, u allura xi wħud li kellhom xi ġid, fosthom xi nobbli Maltin, kienu jingħaqdu fi fratellanzi u b’ġidhom jgħinu lill-batuti.  Dawn il-fratellanzi kienu mhux biss iqassmu l-ħobż f’ħafna okkażjonijiet ta’ festa, imma wkoll b’legati kienu saħansitra jgħinu xi xebbiet jiżżewġu, u jgħinu kull tip ta’ familji batuti.  Kienu wkoll jgħinu fil-fidwa mil-jasar ta’ xi Maltin maqbuda rsiera.  Din il-fratellanza konna nsibuha fil-Birgu sa mill-1582, imma wara l-Gwerra ma ssemmietx aktar.  Kienet tagħmel proċessjoni bl’hekk imsejħa “baċiri” – li kienu trofej mżejna bil-ħbejżiet.  Kellha ikona antika tal-Madonna Elemosiniera, li wara ttieħdet il-Belt u llum tinsab fil-knisja tal-Griegi.  Din il-fratellanza tinsab fl-Isla 1615, Ħal Għaxaq 1655, il-Belt Valletta sa mis-sena 1610, fir-Rabat t’Għawdex 1619, f’Ħaż-Żebbuġ 1693, u fiż-Żejtun 1689.

17) Fis-seklu XVIII (tmintax) kienet inħasset il-ħtieġa għat-tagħlim tad-duttrina u kienu twaqqfu fratellanzi tal-Madonna tad-Duttrina f’diversi parroċċi.  Nistgħu ngħidu li baqgħu attivi sa ma twieldu l-għaqdiet sekulari tat-tagħlim tad-duttrina.  Insibu li fl-1724 kellna fratellanza f’Ħaż-Żebbuġ u fil-Belt; fis-sena 1727 fiż-Żurrieq u f’Ħal Safi; fl-1728 f’Ħaż-Żabbar; fl-1748 fin-Naxxar u f’Ħal Tarxien; fis-sena 1751 fir-Rabat, iż-Żebbuġ, l-Għarb, Ta’ Sannat, in-Nadur, x-Xewkija, u l-Għasri, kollha f’Għawdex, u fl-1777 fil-Birgu u Ħal Lija.

18) Fis-seklu XVII (sbatax) kellna diversi fratellanzi tas-SS Kurċifiss, li wħud minnhom kienu daħħlu l-proċessjonijiet tal-Passjoni ta’ Ġesu, u xerrdu wkoll id-devozzjoni lejn il-Madonna Addollorata.  Xi wħud minn dawn il-fratellanzi kienu bdew bħala fratellanzi tal-Agunija.  Se nsemmu xi wħud minn dawk li kienu marbuta mal-parroċċi tagħhna: Iż-Żurrieq 1646, Ħal Għaxaq 1647,    Ħal Qormi 1649, Ħ’Attard 1665, Ħal Għargħur 1668, Ħaż-Żabbar 1669, is-Siġġiewi 1671, Ħal Tarxien 1674, Ħal Balzan 1676, Il-Gudja u l-Qrendi 1678, Il-Mosta 1686, il-Belt Valletta 1691, Vittoriosa 1712, Senglea 1714, ir-Rabat t’Għawdex 1728, In-Naxxar 1750, Ħal Luqa 1755, Ħal Lija u Ħaż-Żebbuġ 1758.

19) Fost is-Solidajiet li kellna, ma setgħax jonqos li jkollna wkoll dik tal-qassisin, għax anke l-qassisin riedu jkunu magħqudin biex jgħinu lil xulxin.  Din is-Sodalita’ konnu nsibuha fid-diversi parroċċi tagħna.  Fil-Belt Senglea twaqqfet fl-1660, fil-Belt Valletta fl-1664, fil-Matriċi t’Għawdex, fl-Għarb, iż-Żejtun, Ħal Tarxien, Ħaż-Żabbar, il-Gudja, Ħal Għaxaq, u Ħal Luqa fl-1689.  Fil-Belt Vittoriosa, ir-Rabat, l-Imqabba, Ħal Kirkop, u Ħal Safi fl-1752.

20) L-Ordnijiet Reliġjużi wkoll kellhom il-kontribut f’din il-ħidma tal-Knisja fost il-lajċi.  Il-Ġiżwiti kienu minn ta’ quddiem li daħħlu fostna l-fratellanza tal-lajċi ddedikata lill-Assunta, u li kellha l-bidu tagħha fil-Birgu fl-1604, fejn kellha kappella ta’ Maria Assunta.  Daħlet fil-Belt għaxar snin wara, fil-knisja tal-Ġiżwiti, imma biż-żmien saret aktar magħrufa bħala “tal-Onorati” billi kellhom fl-oratorju tagħhom il-Korp Sant ta’ qaddisa martri – Santa Onorata.  Din il-fratellanza kienet ta’ nies distinti, u nistgħu ngħidu li kienet l-aħħar waħda li sa ħames snin ilu kellha laqgħat fil-Ħdud kollha tas-sena, bl-uffiċjatura u l-quddiesa, u bl-eżerċizzi bit-Taljan fl-Oratorju l-Belt [8]  Patri Salelles, Ġiżwita, li kien uffiċċjal tal-Inkwiżitur fil-Birgu fis-sena 1620, introduċa wkoll din il-fratellanza fil-Belt Senglea.

21) Il-Franġiskani wkoll kienu promoturi fit-tixrid mhux biss tat-Terz Ordni, imma wkoll għat-twaqqif ta’ fratellanzi tal-Immakulata Kunċizzjoni.  Għall-bidu xi fratellanzi kienu magħrufa bħala “tas-Sokkors”, imma wara bdew ikunu magħrufa bħala tal-Immakulata Kunċizzjoni.  Hekk insemmu li kienu jinsabu f’Cospicua u Senglea fl-1581, il-Belt Valletta fl-1636, Vittoriosa 1646, ir-Rabat Għawdex fl-1663, Ħal Tarxien 1668, ir-Rabat Malta fl-1731, l-Imqabba fl-1772, u Ħaż-Żebbuġ fl-1777.

22) L-Agostinjani kienu bdew bi fratellanza fil-Belt sa mis-sena 1612, imma kienet marbuta wkoll ma’ dik ta’ Santa Monika..  Kien il-Papa Alessandru VII li lil Mons. d’Abusson riedu jitlob lill-Agostinjani jxerrdu l-fratellanza.  Dawn, wara s-sena 1720 xerrdu l-qima lejn il-Madonna tal-Konsolazzjoni, jew taċ-Ċintura, jew tal-Bon Kunsill – kif kienet saret magħrufa.  Din il-fratellanza llum tinsab f’diversi paroċċi tagħna.  Hekk insibuha fil-Belt 1612, Ħ’Attard u Ħaż-Żebbuġ1720, il-Mosta 1721, ir-Rabat 1722, il-Gudja u Ħal Lija 1727, iż-Żejtun 1734, il-Qrendi 1736, Vittoriosa u Ħaż-Żabbar 1737, Ħal Għargħur 1747, Ħal Tarxien u s-Siġġiewi 1770, u  Cospicua 1771.

23) Il-Karmelitani xerrdu l-qima lejn il-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu, imma għamlu dan l-aktar permezz tat-Terz Ordni tal-Karmelu jew tal-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu.  Fl-Isla kien hemm fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu.  F’Ħaż-Żabbar fil-viżta pastorali tas-sena 1758 (paġna 783) tissemma l-fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu, waqt li fiż-Żurrieq twaqqfet ukoll fratellanza fl-1801.

Kellna wkoll fratellanzi bħal dawk ta’ Sant’Agata fil-Belt u f’Bormla 1804-1805.  Ħal Għaxaq kien hemm ta’ Sant’Anna fl-1669; fil-Birgu fl-1739 kien hemm dik ta’ San Ġwann l-Evanġelista, u oħra kienet dik tal-Bambino Gesu mwaqqfa fl-1731. u fil-Belt kien hemm dik ta’ Kristu Rxoxt mwaqqfa fl-1659.

B’dawn il-fratellanzi wieħed jifhem kemm il-lajċi ta’ dari kienu wkoll jissieħbu fil-ħidma tal-parroċċi tagħna, u dawn l-għaqdiet juru l-ħeġġa ta’ missirijietna marbuta dejjem mar-reliġjon li ħallielna s-Sinjur tagħna Ġesu Kristu.

Iż-żminijiet tbiddlu u xi fratellanzi tant kibru fostna li ċċelebraw diversi festi.  Imma billi twieldu għaqdiet oħra profani marbuta magħhom, nibtu xi firdiet.  Allura l-Knisja wara xi snin kienet ippruvat tirregola b’Konsilju Reġjonali  fl-1935.  Iżda fis-sena 2007, wara studji bir-reqqa mis-Segretarjat tal-Lajċi, il-Knisja stabbiliet uniformita’ fit-tmexxija u xandret statut bażiku għall-fratellanzi li llum jaqgħu taħt is-Segretarjat tal-Lajċi mwaqqaf mil-Kurja tal-Arċidjoċesi.

[1] S/Vol 1 pg 143

[2] Op cit pg 231

[3] Op cit pg 182

[4] Borg, Vincent, Melita Sacra 1 (Malta 2008), pg. 421

[5] Fsadni, Mikiel O.P., Id-Dumnikani fir-Rabat u fil-Birgu,  pg 130,   u Lib. Pub. Mss 4, pg. 53, u Mss 422.

[6] Vincent Borg, Marian Devotions in Maltese Islands of St. Paul, pg 52 u pg 304.

[7] Op cit pg 7

[8] Borg, Vincent, Marian Devotions in Maltese Islands of St. Paul, pg. 24 u pg. 78