TA’ XEBĦ IS-SĦARIJIET, TA’ MISTERI, TA’ KURŻITA, TA’ ARTI U INDUSTRIJA, MAĦRUĠ F’MALTA FL-1934 MINN JUAN MAMO.

Kitba ta’ Juan Mamo, Introduzzjoni u noti ta’ Ġużi Gatt. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara.

Fi żmienu, u wkoll għal ħafna snin wara mewtu, il-kittieb Juan Mamo ma kienx maħbub mill-litterati u l-akkademiċi Maltin.  Juan Mamo kien il-kittieb tar-rumanz Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka, u għalkemm ir-rumanz tiegħu kien mar tajjeb ma’ Ċikku l-Poplu, l-kbarat tal-Letteratura kienu jqisu x-xogħol tiegħu mhux biss medjokri, imma wkoll suspettuż, kemm għall-lingwaġġ li uża, imma wisq iktar għall-ideat li kien fih.

Fl-1978 u l-1979, il-Professur Ġuże Aquilina ħareġ l-Antaloġija ta’ Proża Maltija, f’żewġ volumi; xogħol maħsub biex jelenka u jfakkar il-kittieba tal-Malti u juri l-iżvilupp tal-proża bil-Malti matul iż-żmien.  Aquilina semma tlieta u sittin awtur, xi wħud minnhom mhux tajbin wisq, imma lil Juan Mamo ħallieh barra, u żgur li mhux għax ma kienx jaf bih.  Juan Mamo kien jippriedka li fi żmienu, il-poplu kien injorant, imħolli bla skola, u mgħarraq fis-superstizzjonijiet.  Ta’ dan kien jagħti tort lill-mexxejja tiegħu.  Warajh dehru kittieba oħra, bħal Ġuże Ellul Mercer, Ġuże Orlando, u Ġuże Bonnici, li wkoll saħqu fuq l-istess ideat, u wkoll sabu l-oppożizzjoni u t-tmaqdir.

Imma fi żmienna, is-soċjeta tagħna tagħraf is-siwi intelletwali u storiku ta’ dawn il-kittieba, u Juan Mamo qed jiġi mogħti l-ġieħ li jistħoqqlu.  Ir-rumanz tiegħu issa sar magħruf sewwa, u wasal fir-raba’ edizzjoni tiegħu.  Li mhux daqshekk magħruf hu x-xogħol l-ieħor, il-kitba l-oħra ta’ Juan Mamo, speċjalment il-kitba li mhix fittizja, imma kitba maħsuba biex twassal it-tagħrif u t-tagħlim bażiku lin-nies komuni.  Fost l-oħrajn, Mamo kiteb ktieb li jġib l-isem Obstetricia, li kien jagħti tagħrif fuq it-tqala u fuq it-twelid tat-trabi, mhux biss bil-kitba, imma anke bl-istampi – ħaġa li għal żmienu kienet riskjuża mhux ħażin.  Dan il-ktieb mhux biss hu interessanti minnu nnifsu, imma hu interessanti wkoll għall-fatt li fih Mamo jsemmi li kien wasal biex jippubblika l-kotba  Illustrated Curious Off-Spring, u Midwifery Seen Through Illustrations li kif jixhed isimhom, kellhom ikunu llustrati wkoll.   Juan Mamo jkompli jgħarraf li “Dar ta’ Ħruġ il-Kotba Meħtiġin” kellha l-ħsieb li toħroġ ukoll dawn il-kotba li ġejjin:

  1. Dizzjunarju Malti-Ingliż, Ingliż-Malti.
  2. Ġrajja Maltija, jew Żewġ Tużżani Novelli.
  3. Safar Tiegħi.
  4. It-Tabib tad-Dar.
  5. Kif Tfejjaq Tnax-il Marda.
  6. Ktieb il-Ħxejjex li Jfejqu.
  7. Min Iġġieled għall-Ilsien Malti (jew meta l-attafa ta’ l-ilsien Malti kienu taħt djul ommhom ipappu ċ-ċejċa).

Wieħed jista’ jikkonkludi għalhekk li Juan Mamo kien ilu jikteb u kien imħejji li jkompli jippubblika, mqar jekk dawn il-kotba baqgħu ma ħarġux – x’aktarx għax Mamo miet b’diżgrazzja, qasir il-għomor, fit-28 ta’ April, 1941.  Imma mill-lista ta’ xogħolijiet li jsemmi joħroġ ċar li l-ikbar xewqa tiegħu kienet li jwassal tagħrif u tagħlim bażiku lill-poplu ħaddiem, li hu kien iqis li tħalla fil-għama u fl-injoranza.

M’ilux ġie f’idejna l-ktieb Ġabra ta’ Sigrieti, ta’ Xebħ is-Sħarijiet, ta’ Misteri, ta’ Kurżita, ta’ Art u Industrija li Juan Mamo ppubblika f’Malta fl-1934[1].  Peress li mhux ħafif biex issib dan il-ktieb fl-idejn, ħsibna li nirriproduċu hawnhekk id-daħla, jew il-“Kelmtejn Qabel” miktuba minn Juan Mamo nnifsu.  Isimgħu ftit Mamo x’qal lill-qarrejja:


KELMTEJN QABEL

 Għamilt mill-aħjar biex nagħni ‘l dan il-ktejjeb bi ħwejjeġ sbieħ, siewja u tajbin, u b’hekk il-poplu jitgħallem u jikseb.  Ix-xogħol u s-siwi tiegħu jidhru minnu nnifsu.  Huwa mimli bħal bil-ġewż u n-noċimuskata flok bil-weraq u l-qxur.  Kliem fieragħ ma fih xejn.

Fuq hekk għandi tama li dal-ktieb jinħataf u bosta nies jiżżuni ħajr.

X’INHU SIGRIET TA’ RIĊETTA, TA’ FORMULA?

Fi żmien il-Gwerra l-Kbira, min qed jikteb kien l-Eġittu.  L-Eġittu huwa il-pajjiż tal-avventura, tal-flus.  Darba, f’waqt il-fixla ta’ kif tgħaqqad xi sold, il-kittieb sema’ lil wieħed Griek jgħid: “Kieku kont naf ir-riċetta u l-formula ta’ kif isir iz-Zokkor Kimiku kont, f’din il-ħabta, insir nies, nistagħna!  Għandi wieħed f’idejja li jrid jagħti 300 guinea u jurihielna!”  F’dik il-ħabta dan kien iġib mal-£10 ‘l Oka (ratal u kwart).

Oħra.  Meta mis-safar il-kittieb ġie Malta kien twebbel biex jibda jagħmel is-sulfarini.  Ried, allura, jistħarreġ fuq dan u bagħtuh għand wieħed li jaf.  F’waqt il-kliem dan tarraflu u wera li fil-każ li jiġi biex jgħid ir-riċetta jrid mitejn lira biss.  Biss!!

Issa, sew dawn ir-riċetti u kemm tużżani oħra ta’ l-istess siwi, issibhom f’dan il-ktieb.

B’dawn l-eżempji niġu nuruk li infaqt x’infaqt f’dan il-ktieb infaqt ċajta!  Kemm infaqt? żewġ xelini? erba’? sitta? iżjed?  Dejjem ċajta!  Jekk ikollok bżonn ta’ riċetta u tersaq titlobha fuq min jafha, jgħożża, u jżommha sigrieta, tara mbagħad x’tiswa!  Għalhekk dan il-ktieb mhux ta’ min jisilfu jew jissellfu, imma ta’ min jakkwistah għalih waħdu għax riċetta huwa meħtieġ li taħdimha bil-ktieb f’idek u bl-iskruplu kollu.

Iżjed.  F’waħda jew tnejn mit-Taqsimiet ta’ dan il-ktieb, barra milli int stess tiddeverti, tista’ tiftaħ fetħa għajnejk, tintebaħ u tifhem li fid-dinja kien hawn, u hawn ħafna qerq. Tintebaħ u tifhem li dak il-bniedem li fiż-żminijiet l-imgħoddija kien jaf ftit tal-kimika (jew ħoloq xi kimika hu stess) kien ikun bħal kewkba fid-dlamijiet tal-lejl fost il-popli mudlamin, bħalma naħseb li kienu il-Budda, il-Braħma, Il-Krixna, ix-Xintu, iż-Żoroastru, il-Muħammed, u bnedmin allat-idoli oħra tal-Lvant.  Dak il-bniedem ta’ dehen u għaqal li kien jaf ftit biss kien ikun alla ieħor u juri ħafna bżieżaq b’anterni!

Issa, tridx tgħidli kieku fi żmien il-ħaġra u ż-żnied, xi 60 sena ilu (?), kont tkun taf bis-sigriet tal-kompożizzjoni ta’ ras is-sulfarina, bil-fosfru, u magħhom il-porvli (f’waqt li ftit kienu jafu b’dan) ġo Ħad-Dingli kontx tkun magħdud bl-akbar Fatat?!

X’kien ikun Marconi li kieku għex l-eluf ta’ snin ilu u ħadem bil-moħbi dak li kixef?

Hi kif inhi, dan il-ktieb, barra milli jaqdik ta’ ħtieġa, allura jaħjik ukoll b’divertiment, bil-patt iżda, li minnu ma tuża xejn għall-ħażin, imma kollox għat-tajjeb.

X’JISTGĦU JINĦTIĠULEK DAWN IS-SIGRIETI

B’dawn is-sigrieti int tista’ tinqeda għal tliet ħwejjeġ:-

L-ewwel tista’ tgħaġġeb lil ħbiebek, jew nies li ma jafukx, u b’hekk iħarsu lejk bħala bniedem ta’ ħila kbira, u kemm kemm ukoll ma jħarsux lejk bħala saħħar! L-injuranti-fanatiċi l-aktarnett, oqgħod żgur li b’hekk jgħadduk!  Quddiem ix-Xjenza, iżda, ma tkun xejn minn dan.

It-tieni, tista’ minn dawn is-sigrieti kollha tagħżel ngħidu aħna daqs żewġ tużżani, tistudjahom sewwa, tispeċjalizza fihom, u tibda tagħmilhom lil miġemgħa ta’ nies f’dar jew fi stedina: inkella fuq palk bi ħsieb li jgħodd, sewwa għall-mogħdija taż-żmien, sewwa kapriċċ tiegħek, u kemm b’xogħol għal qliegħ il-flus.

It-tielet tista’, minn tużżana minnhom li għamilniehom apposta, tagħżel l-aktar waħda li togħġbok, tgħodd għalik, tistudjaha tajjeb u żżommha bħala mistier, ta’ arti, ta’ negozju jew mezz ta’ xogħol li bih taqla’ l-flus.  Eżempju: tal-ward qabel żmienu, ta’ li tagħmel il-Madriperla, ta’ li tfondi oġġetti b’imitazzjoni tad-deheb u fidda, u tgħid u tbiegħhom b’imitazzjoni, eċċ.  U bħal dawn għandek baħar kbir fiex tgħum.

Fl-aħħarnett, jekk sena minn ħajtek tista’ taħliha tistudja, tħejji, u tkun armat b’li hawn f’dan il-ktieb, tkun tiswa daqs għaxra minn-nies li ma jafu xejn.

X’JINĦTIEĠLEK

Biex tagħmel dak kollu li hawn f’dan il-ktieb qis li int tkun imżejjen b’dawn li ġejjin:- Ikollok Rieda (volonta) jiġifieri tgħid irrid nagħmel u tagħmel tassew; ikollok Reqqa (fittaġni), jiġifieri tagħmel kollox sewwa u bir-reqqa kif għandek hawn; ikollok Sabar (paċenzja), jiġifieri ibqa’ bil-kwiet kollu għamel bla nervi xejn; u ikollok Wetqa (perseveranza), jiġifieri tibqa’ tibqa’ sakemm dik il-ħaġa ġġibha sewwa, tirnexxi fiha.

JINĦTIEĠLEK UKOLL, li tagħraf l-użin iż-żgħir bħal tal-ispiżjar, li jkollok il-miżien, l-użin, il-kejl iż-żgħir, li tagħraf tqassam bil-parti, li tieħu ftit tal-pratka fil-kimika (taħlit) u fl-ismijiet tal-artikli tagħha, u ħwejjeġ oħra li tagħrif fuqhom issib fl-aħħar ta’ dan il-ktieb.

TWISSIJIET U KLIEM BĦALL-AĦWA

Jekk dan il-ktieb issib xi riċetta li tista’ tużaha, tapplikha fuq il-ġisem, qis li l-ewwelnett u fuq kollox tistaqsi u tieħu parir ta’ tabib.

Jekk tkun sejjer tħallat xi aċidi qis li tagħmel dan ix-xogħol bil-galbu kollu, ħsiebek ikun hemm, tuża l-prekawzjonijiet kollha, ixxidd ingwanti tal-ġild, u ma tħalli xejn jintmess minn min hu bla għaqal.

Jekk xi isem ta’ xi oġġett, artiklu, li ssib hawn, u l-aktarnett jekk ikun bil-Latin, Griek, jew b’terminu kimiku, u ma tifhmux, ma tafux, biex tkun tafu sewwa staqsih lil xi spiżjar, lil xi tabib, lil xi kimiku, fittxu f’xi enċiklopedija, xi ktieb tal-Materia Medica, eċċ.  Inkella ibgħat 6 bolli ġodda tas-sold lilna u infissruhulek fit-tul.

Kun af li l-kliem ta’ saħħar, imsaħħar, sħarijiet, eċċ., li nużaw f’dan il-ktieb m’humiex ħlief biex infissru il-kelma magia, li llum drajna ma nberqux għajnejna biha; mill-bqija m’hu seħer, imsaħħar, eċċ., xejn kif jifhmuha l-injoranti.

Jekk uħud li jaqraw dan il-ktieb iżommu ħafna minnu f’moħħhom, forsi xi wieħed minnhom iservih b’ġid billi għad jinzerta f’xi pajjiż – pajjiż il-għomi! – u b’xi waħda minn dawn jagħmel bħall-esploraturi l-kbar, ngħidu aħna bħal Kristofru Kolombu fl-artijiet tal-lum Amerka meta ħeles minn bosta għawġ billi għaġġibhom bl-ekklissi tax-xemx u l-qamar u għaddewh b’alla!


Dawk kienu l-“Kelmtejn Qabel” li Juan Mamo kiteb għall-ktieb tiegħu Ġabra ta’ Sigrieti.  Issa forsi nistgħu naraw xi ftit “sigrieti” jew pariri li Juan Mamo jagħti lil-qarrejja tal-kitba tiegħu.   Għażilna tlieta qosra, imma prattiċi għal żmienhom.  Il-ħsieb ta’ Mamo dejjem jidher ċar li kien li n-nies jitgħallmu jsolvu l-problemi li jiltaqgħu magħhom:

169 – Is-Sigriet li bih teqred lin-Nemus, Briegħed, eċċ.

Qiegħed ftit Żejt taċ-Ċedru fi plattin fil-kmamar.  Ir-riħa ta’ dan iż-żejt teqred nemus, briegħed, u nsetti oħra.  Qatra żgħira fil-ħwejjeġ hija wkoll tajba.  Qiegħed flixkun żgħir b’dan iż-żejt x’imkien id-dar l-aktar imwarrab u meħħI t-tapp: Tibżax, kull inset jinqered. (Paġna 73)

171 – Sigriet ta’ kif tagħmel biċċa xemgħa tixgħel il-lejl kollu

Meta jkollok lil xi ħadd marid tkun tixtieq dawl inemnem il-lejl kollu.  Ara kif tagħmel biex ikollok xemgħa li tixgħellek il-lejl kollu kemm hu twil.  Isħaq bħala trab wisq fin ftit melħ milli nieklu u qiegħdu fuq il-biċċa xemgħa madwar il-ftila tagħha b’mod sakemm dal-melħ jasal sal-iswed tal-ftila diġa maħruqa.  Issa ixgħel.  B’dan il-mod int ikollok dawl li għadilli mejjet imam li jżomm il-lejl kollu b’daqsxejn ta’ xemgħa. (Paġna 74).

172 – Sigriet ta’ kif issalva l-Ħarir

Meta l-ħarir terfgħu u tħallih għal żmien bla ma tmissu, jirrama, jiġifieri bħal jitherra u jiġi f’idejk.  B’dan in-nitfa ta’ sigriet il-ħarir jibqa’ f’saħħtu u ma jiġrilu xejn.  L-Amerikani ‘il das-sigriet iħabbruh fuq il-ġurnali, filwaqt li trid tħallas biex jgħiduhulek.  Tagħmel hekk: Għaddas il-ħarir fl-ilma li fih tkun tfajt ftit Xebb il-Ġmiel (alumi).  Għasar kemmxejn, u nixxef. (Paġna 74).

Biex aktar ikompli jgħin lill-qarrejja, Juan Mamo ta wkoll it-tifsir ta’ xi kliem tqil li nqeda bih fil-kitba tiegħu.  Hekk fisser lill-qarrej x’jiġifieri –

BANJU-MARIJA – jiġifieri tqiegħed l-oġġett, it-taħlita, f’borma jew f’bott, u dan il-bott terġa’ tqiegħdu f’bott ieħor akbar minnu li fih l-ilma, u ‘il dan tal-aħħar tqiegħdu fuq in-nar biex jagħli.  B’hekk, il-bott li jkun fih l-oġġett, ma jkunx fuq in-nar direttament, imma fil-misħun jagħli, u b’dan il-mod l-oġġett jissajjar gradatament, naqra naqra.  L-Ingliżi ‘il dan jgħidulu water bath, jew double boiling tank. (Paġna 76).

KONĊENTRAT – Konċentrazzjoni, jiġifieri il-ħaġa maħlula tagħmilha aktar qawwija billi tgħalliha iżjed fuq in-nar, eċċ., biex tevaporaha, tneħħilha l-ilma li jkollha billi jtir fwar – il-likwidu bla ilma fih, iżjed pur, jissejjaħ konċentrat. (Paġna 77)

PARTI – Tħallat ir-riċetta bil-parti.  Bil-parti jiġifieri jkollok użin imqassam f’mitt part, bħallikieku 100 uqija, allura tieħu mill-100 u tagħmel uqitejn minn dan, 10 ewieq (bħallikieku) minn dak, 50 uqija (dejjem mill-100) mill-ieħor, u hekk il-bqija: dejjem bl-ewieq.  Imbagħad part minnhom tqassmu f’100 part ieħor (li jiġI qisu ċomb tal-iskubetta) u hekk jiġI tant minn part (ma tant parti), u jinkitbu per eżempju 7-10 (jiġifieri 7 parti u 10 parti minn part). (Paġna 77).

Fl-aħħarnett; fl-aħħar paġna tal-ktieb, Juan Mamo kiteb hekk:

TAĦBIR

Aħna l-Maltin qatt ma kellna kotba tal-għamla ta’ dan il-ktieb (u li joħorġu lesti) u għalhekk għad fadal kotra mill-poplu li għada tistagħġeb minn bosta xorti.

Dawn il-kotba jiftħu l-moħħ, jgħallmuk tagħmel bosta ħwejjeġ, affarijiet, iġibuk raġel wieħed tiswa tnejn, tlieta, għaxra, eċċ. – Tara int li meta l-Malti jiġI biex jagħmel xi ħaġa, mqar industrija l-aktar żgħira, jiġu l-barranin juruh.  Għaliex?  Għax dawk ikunu jafu perfettament din jew dik ir-riċetta u l-Malti ma jafx.  Sal-lum ma jinpurtax għax konna nafu inqas minn ħaddieħor.

Għaldaqstant mela, aħna, bħala Dar-Ħruġ-il-Kotba (Ditta Editriċi), mill-lum ‘il quddiem u minn żmien għal żmien, sejrin nibqgħu noħorġu kotba lesti ta’ din ix-xorta, kotba li minnhom titgħallem, li bihom ħadd ma jidħak bik, kotba b’sigrieti ta’ siwi kbir, sigrieti ta’ riċetti, formuli u proċessi li barra minn Malta jinbiegħu żewġ xelini għal kull riċetta, u wħud nofs lira wkoll; sigrieti ta’ kif tagħmel din jew dik il-ħaġa ta’ Arti, arikli ta’ Industrija, ta’ Snajja’, ta’ Għoġbijiet, ta’ Invenzjonijiet, ħaġiet kurjużi, u bosta ħwejjeġ oħra.

Issa hawnhekk fadal ingħidlek biss biex toqgħod b’għajnejk miftuħin għal meta joħroġ il-ktieb l-ieħor (jew ibgħatilna li tkun tridu) imbagħad l-ieħor, b’isem wieħed mhux bħall-ieħor, u hekk nibqgħu sejrin mid-

DAR ĦRUĠ IL-KOTBA MEĦTIĠIN

Juan Mamo, 51, Azzopardi Str. Marsa,

jew minn għand id-Ditta:

The Mail Order Dealin Co., Ħamrun – Malta.

Billi fit-tieni edizzjoni ta’ dal-ktieb biħsiebna nżiduh u nagħnuh kemm nistgħu, nitolbu lill-ħbiebna tal-ħila li jikkritikawh fejn hu meħtieġ u xieraq, u jnebbħuna xi nżidulu, jew jogħġobhom jagħtuna sigrieti, riċetti, tal-akbar ħtieġa (approvati), pariri, eċċ., biex iżjed inkabbruh fil-għana tiegħu.  Jekk ikun hekk, jiktbulna u niżżuhom ħajr.


Meta taqra dan kollu ma tistax ma tħossx ix-xewqa kbira, ix-xenqa, li Mamo kellu biex jiftaħ l-imħuħ, ineħħi l-għanqbut, u jagħti d-dawl lill-dawk li hu kien iqis li tħallew fil-għama.  Ta’ dan biss, ismu għandu jibqa’ mfakkar ma’ ta’ dawk li bħalu ħabbew lill-poplu Malti.

NOTI

[1] Minn hawn nixtiequ nagħtu ħajr lil Joe Camilleri mill-Imqabba, li għaddielna kopja ta’ dan il-ktieb.