Biex inkompli mat-tagħrif fuq il-Birgu ta’ l-imgħoddi li qed jidher f’naħa oħra ta’ l-Imnara, xtaqt inżid xi kummenti fuq San Lawrenz fil-Folklor.

Kitba ta’ Lorenzo Zahra. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 9(2008)1 Nru 32.

Il-festa ta’ San Lawrenz hi fost l-iktar antiki f’dik li hi liturġija tal-Knisja. It-tifkira ta’ dan il-qaddis kienet dejjem iċċelebrata bl-akbar popolarita’ fil-pajjiżi Kattoliċi ta’ l-Ewropa.  Allura din il-festa kbira qanqlet tradizzjonijiet ferrieħa f’bosta bliet u rħula.  Tant kien popolari San Lawrenz li fl-Enċiklopedija Kattolika (Vol. VII p 1539) insibu li rari kien hawn xi djoċesi li ma kinitx tiffesteġġja jum San Lawrenz.

Hija drawwa li nsibu x-xbihat ta’ San Lawrenz iġorr il-palma tal-martri u l-gradilja billi hija l-insenja tal-martirju tiegħu.  U billi l-qaddis sofra l-martirju bin-nar, il-Knisja għamlitu protettur tal-furnara, il-koki, l-firemen, l-istokers, u dawk li jaħdmu fil-minjieri tal-faħam jew tal-gass.  F’xi pajjiżi oħra nsibuh protettur ta’ snajja’ oħra, bħad-dulċiera fi Spanja, waqt li fl-Italja huwa miżmum bħala l-protettur tal-librara billi jingħad li kien jieħu ħsieb il-Kotba Mqaddsa.

IS-SĦANA

Billi jum San Lawrenz jiġI fl-eqqel tas-sħana tas-sajf, is-sħana ta’ jiem San Lawrenz saret proverbjali.  Hekk infatt fl-Italja għandhom l-idjoma San Antonio della gran freddura e San Lorenzo della gran caldura – l-una e l-altra poco dura.  It-Taljani pero’ jemmnu li s-sħana ta’ San Lawrenz hija meħtieġa biex tnixxef il-lewż, il-ġellewż, u l-ġewż.  Anke  fostna  hija  msemmija  minn missirijietna s-sħana ta’ San Lawrenz.

Mal-festa ta’ San Lawrenz huma marbuta l-movimenti tal-kwiekeb u tal-firmament.  Il-ħafna kwiekeb ġerrejja li jidhru fl-iljieli ta’ qrib il-festa ta’ San Lawrenz jissejjħu “d-Dmugħ ta’ San Lawrenz” biex ifissru d-dmugħ li ġelben ma wiċċ il-qaddis waqt it-turment tal-gradilja.

Il-Pronostiċi dari kienu jinqdew b’jum San Lawrenz biex iħabbru l-Ħarifa u l-annata tagħha.  Ħafna bdiewa ma kinux jidħlu fl-għalqa f’jum San Lawrenz għax kienu jibżgħu li jekk jidħlu fl-għalqa, fix-xitwa jidħlulhom il-ġrieden u jħarbtulhom kollox.

Billi jum San Lawrenz jiġI fi żmien fejn ftit kien ikun hemm x’tagħmel fir-raba’, il-bdiewa fil-pajjiżi kattoliċi kienu jiddedikaw dawk il-jiem għall-fieri u l-festi.  Infatti għadhom sal-lum f’diversi bliet u rħula Taljani jiffesteġġjaw bil-mod kif aħna nagħmlu fl-Imnarja.  Dan isir b’mod partikolari f’Udine, f’Cervia, Vegla, Champagne, Romania, Friuli, Toscana, Liguria, Lombardia, u f’Istria.

Qrib Trento bosta Taljani joħorġu barra l-belt u hemm jixorbu min-nixxiegħat ta’ l-ilma ta’ San lawrenz (aqua di San Lorenzo) kif isir ukoll minn bosta Rumani li jmorru fil-knisja ta’ San Lorenzo in Fonte, ġo Via Urbana biex jieħdu mill-ilma li jinsab ħiereġ mill-blat ta’ fejn darba l-qaddis kien arrestat.

Fil-muntanji tal-Pirinej hemm ukoll diversi nixxiegħat tal-ilma li jfiġġu fis-Sajf u bosta jmorru jieħdu minn dawn l-ilmijiet, msejħa wkoll “ta’ San Lawrenz” bl-idea li ħafna jieħdu l-virilita’ tagħhom b’dan l-ilma.

Aħna l-Maltin kellna wkoll drawwiet għeżież marbuta ma’ din il-festa.  Jekk fi Sqallija bosta kien jfittxu u jħaffru l-art biex isibu l-frak tal-faħam fil-ħamrija, dan kien jiġri wkoll f’Malta meta bosta kienu jfittxu u jsibu ġebel żgħir iswed u kienu jsejħulu “faħam ta’ San Lawrenz”.  Missirijietna kienu jsumu lejlet San Lawrenz waqt li jieklu biss frottijiet li f’dawk il-ġranet ikunu fl-aqwa tagħhom.

Hekk kif il-festa ta’ l-Imnarja kienet ferm popolari għall-intern tal-gżira fejn kienet issaltan il-biedja, xejn inqas minnha kienet il-festa ta’ San Lawrenz fl-inħawi tal-Port il-Kbir fejn kienet miġbura l-industrija marittima.  U għal din ir-raġuni kienet tispikka wisq it-tellieqa tad-dgħajjes, li dari dejjem kienet issir f’jum il-festa tal-Birgu.

Il-festa ta’ San Lawrenz fil-Birgu hi marbuta ma’ ġrajjiet li jmorru lura snin kbar.  Il-mod solenni kif il-kanonċI ta’ dari kienu jiffesteġġjaw bl-akbar pompa l-festa, bil-quddiesa b’sebgħa, bil-kuda tad-dekan, hija issa ġrajja mgħoddija.  L-isparar tal-maskli fl-inħawi tal-knisja u l-logħob tan-nar li kien tant sempliċi u popolari, imma kien mill-aqwa.  U missirijietna kienu jivvintaw il-modi ta’ kif jiffesteġġjaw.  Kienu jagħmlu l-kaskati tan-nar mill-aktar postijiet għolja tal-belt.  Kienu jagħmlu għors sħiħ biex jarmaw l-ark trijonfali.  Erħilhom jixxabtu mal-ħbula u ma’ l-antarjoli biex juru l-ħila tagħhom ta’ nies baħħara.  Il-ħruq ta’ gassijiet kien bil-wisq iktar popolari minn xi sfafar tan-nar li daħlu fl-użu żmien wara.  Il-ġigġifogu tal-festa ta’ San Lawrenz kien imsemmi u bosta kienu jmorru jarawh f’nofs il-pjazza.  U dari, l-għarus kien iwiegħed lill-għarusa li joħodha għall-ewwel festa ta’ San Lawrenz li jkun imiss.  It-tqassim tal-ħobż lill-foqra kif ukoll l-illuminazzjoni bit-tazzi taż-żejt. Din ta’ l-aħħar tissemma fil-kitba ta’ Patri Como Lilibetano –  ġa fis-seklu 18.

L-UŻANŻI

Nistgħu ngħidu li bosta mill-festi ta’ bliet u rħula oħra li jsiru fi żminijietna ħadu ħafna minn dak li kien isir dari fil-Birgu.  It-tħejjija ta’ l-Erbgħat sa minn qabel il-festa, id-devozzjoni tal-kurunella bil-Malti fost id-devoti, it-tqassim tan-novena, bil-priedka tal-Assedju u dik tal-Glorja ta’ San Lawrenz, huma xi ħaġa milli writna minn dak li ħadmu għalih missirijietna.

L-istess għamla tal-vara ta’ San Lawrenz twassal lilna t-tadizzjoni li l-vara tiġi mlibbsa għall-festa fl-antiviġilja, f’riġlejn l-artal tal-Kurċifiss, quddiem għadd kbir ta’ Vittorjożjani.  Il-marċ ferrieħI tal-Antiviġilja u t-Te Deum bil-marcia ta’ Frendo u bl-innu ta’ Galea huwa xi ħaġa li rabbiet sisien sewwa fost l-ulied tal-Belt Rebbieħa, tant li bil-mod biex teqridha minkejja l-bidla taż-żminijiet.  Id-daqq tal-qanpiena ta’ Sant’Anġlu, kif ukoll l-isparar tal-erbgħa w’għoxrin tir bħala salut saltni wkoll għandhom rabta tradizzjonali mal-festa ta’ San Lawrenz.

Il-ballun li jinfetaħ f’nofs il-pjazza hekk kif tintemm il-musketterija u minnu joħorġu għasafar jittajru kienet bosta drabi tqanqal polemici mill-barranin, li kien jidhrilhom li kienet krudelta’.  Fil-pjazza tal-Birgu fil-festi ta’ dari kienu jarmaw bil-mazzit u bl-imqaret, u oħrajn bl-ilma u bir-ruġġati li kienu jbiegħu wisq aktar minn tal-qubbajt.

FOLKLOR

Użanza sabiħa kienet dik li l-qassisin u patrijiet ulied il-Birgu, jew devoti ta’ San Lawrenz, kienu jimlew l-artali bil-quddies fil-għodwa ta’ jum il-festa.  Ċerti drawwiet tiskanta kif jintrabtu ma’ l-imgħoddi u għadhom isaltnu sal-lum.  Hekk, biex inġib eżempju, minn bosta snin ilu dejjem kienet użanza li l-paniġierku ta’ San Lawrenz isir minn dak il-kanonku li jkun għadu kif sar u għalhekk kien jieħu preferenza.

Minkejja l-ħafna tibdil, in-nies tal-Birgu xorta waħda għadhom jgħożżu l-festa u nfatti tarahom jħejju djarhom mill-aħjar li jistgħu u xi libsa għall-festa ma tonqosx.  Il-ħaddiem dejjem iwarrab xi ħaġa biex għall-festa jiċċelebra mal-familja u mal-ħbieb.  Ma kienx jonqos li l-ewwel tarbija tifel tissemma “Lorenzo”.

Fiċ-ċelebrazzjonijiet ġewwa l-knisja għadna nsibu użati l-vrus sentimentali tal-Kanonku Dun Alwiġ Fenech u l-mużika mill-isbaħ tas-Surmast Paolino Vassallo fl-antifona u l-innu li wasslilna qawwijin u sħaħ il-qatt minsi Mro. Lorenzo Galea.  Tkun ħasra jekk qatt xi ħadd għad inaqqas mis-sbuħija ta’ mużika ta’ dawn l-awturi li hi tassew imfaħħra għall-ġmiel tagħha.

Għad li għaddew is-snin minn meta l-festa ta’ San Lawrenz kienet waħdanija fil-popolarita, għad hemm ħafna fiha li jorbot ma’ l-imgħoddi, u l-Vittorjożjani għandhom ikunu ġelużi li t-tradizzjonijiet tal-festa jwassluhom lil ta’ warajna sani xejn inqas milli sibnihom aħna.