“ Tar-rizzi waqa’ l-baħar, tal-imħar qabeż għalih, tar-rizzi tala’ jiġri, u ta’ l-imħar baqa’ fil-qiegħ”.

Kitba u xbihat ta’ Karmenu Pace. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 8(2006) Nru. 3

Sfortunatament ir-rizzi reġa’ ġie moda, din id-darba fir-ristoranti.  Bil-mezzi li hawn illum wieħed jaqlagħlek xkora rizzi f’temp ta’ siegħa.  Dan qed jinbiegħ lir-ristoranti li qed iservuh bħala zalza mal-għagin.  U qed jimlewh ukoll go vażetti żgħar u jinbiegħ bi prezz għali.  Minħabba f’hekk qed issir qerda minnu. Dari r-rizzi wkoll kien popolari mal-Maltin, l-iktar fix-xhur tas-sajf.  Sa ħamsin sena ilu lanqas maskri tal-baħar ma kien hawn u dak li jkun kien jinżel għar-rizzi b’għajnejh miftuħa u jaqilgħu b’xi mgħarfa.

IL-ĦĠIEĠA U L-GAFFA

Imbaghad ivvintaw il-ħġieġa.  Din kienet tkun kaxxa tal-injam wiesgħa xi pied u għolja xi pied ieħor.  Il-qiegħ tagħha kien usa’ minn fuq u għalhekk il-ġnub kienu immejla bħal ta’ xi sur.  Mal-qiegħ fil-kument kienet titwaħħal ħġieġa bl-istokk biex ma jidħolx ilma, bħal meta konna nistokkjaw xi ħġieġa ta’ tieqa tal-injam.  L-injam ried ikun ta’ l-aħmar.  Fuq żewġt iġnub minn ta’ fuq iħarsu kontra xulxin kienu jitwaħħlu żewġ anelli u magħhom kien ikun marbut l-għalaq tal-ħadid ġej għat-tond biex tkun tista’ taqbadha u terfagħha minnu.  Il-ħġieġa fl-aħħar kienu jagħtuha passata jew tnejn minju, u oħra ħadra għall-gost.

Il-Ħġieġa u l-Gaffa

Bil-ħġieġa is-sajjied ikun jista’ jara ċar x’hemm fil-qiegħ.  Meta jilmaħ ir-rizzi dan kien iniżżel il-gaffa.  Din kienet magħmulha minn ħadida ħoxna biex ma titgħawwiġx malajr, u tkun mgħawġa fi tnejn bħal furketta bil-ponot ta’ quddiem merfugħin ftit ‘l fuq biex tiġi qisha pala ta’ id fejn tkun tista’ toqgħod ir-rizza.  Din kienet tintrabat bi spaga ma’ manku tal-injam  li gieli kien ikun magħmul f’żewġ biċċiet u jeħel ma’ xulxin permezz ta’ kamin f’tarf kull biċċa ta’ xi tliet piedi.  Mela meta tkun armata kollha l-gaffa tkun twila mas-sitt piedi.

Mela s-sajjied kien ikun fuq xi ħafa jew blata sa’ qaddu fl-ilma jifli l-qiegħ u meta jara r-rizzi dan kien iniżżel il-gaffa taħt ir-rizza u bi skoss pront jaqlagħha għal ġol-pala tal-gaffa u bil-mod il-mod itellagħha sa’ wiċċ l-ilma imbagħad iwaqqagħha għal ġol-ħġieġa.  Hekk ir-rizzi kien irid jaqbadhom waħda waħda.  U dejjem jibnihom mal-ġenb tal-ħġieġa biex ikollu minn fejn jibqa’ jara l-qiegħ.

Meta ma jkunx jista’ jara iktar is-sajjied kien imur ibattal il-ħġieġa ġo xi ħofra fuq il-blat, li jkun fiha ftit ilma baxx, ngħidulha għadira, u jerġa’ jmur biex jimla’ oħra.  Mhux l-ewwel darba li meta jiġi lura kien isib li r-rizzi mexa, ħareġ mill-għadira u ħarab ‘l hinn u ‘l hawn.  Kien hemm ukoll min irranġa l-gaffa b’tali mod li seta’ jwaħħal bħal xibka magħha u dan kien jaqbad ir-rizzi billi jkaxkara mal-qiegħ u jħabbel ir-rizzi fiha.  Jew tkun għamla ta’ borża u r-rizzi jaqa’ fiha, u b’hekk ma jkollux għax joqgħod jerfa’ il-gaffa sal-wiċċ ma’ kull waħda li jaqbad.  Dak iż-żmien kienu jgħidu li tant kien hawn rizzi li kont taqla’ x’tiekol malajr anke minn mal-blat bla ma tinżel fil-fond.  Ta’ min jgħid li r-rizzi jitrabba fejn ikun hemm il-blat u l-ħaxix u qatt ma ssibu fejn hemm ir-ramel.

IL-QRENDI: ROKKU TA’ BEJŻU

Il-Qrendi xi sebgħin sena ilu kien hemm wieħed, Rokku Ta’ Bejzu, li kien imur għar-rizzi bil-qoffa jew bil-qartalla. Kien immur lejn post  taħt it-tempji tal-Imnajdra jgħidulu In-Niffied, jitfa’ l-qartalla fil-wiċċ u jogħdos bla maskra u jaqla’ r-rizzi ħodon ħodon u jbattlu għal ġol-qartalla sakemm jimliha. Il-qartalla kienet tkun magħmula mis-simar u għalhekk izżomm fil-wiċċ.  Imbagħad kien jitla’ biha wara dahru ġox-xagħra sa ħdejn it-torri magħruf bħala T’ Irsejjen fejn kien jistrieħ ftit u jkompli bi triqtu bil-mixi lejn il-Qrendi. Mill-baħar sar-raħal għandek mat-tliet kwarti jew siegħa, u mgħobbi.

Imbagħad kien idur mat-toroq tar-raħal jghajjat:

“Wasal tar-rizzi!”

U kien jieqaf l-aktar fil-pjazza ta’ Bieb ix-Xaghra li uffiċjalment isejħulha l-pjazza ta’ San Mattew, fejn hemm l-istatwa. Jieqaf ħdejn il-Knisja (dari ma kienx hemm pjazza quddiemha imma ġnien kbir u sabiħ ta’ żmien il-Kavallieri). U waqfa oħra lejn is-Salvatur.  Min kien iridu maqsum kien joħrog bil-platt f’idu u Rokku kien iserraħ biċċa sufra fuq xifer il-qartalla u fuqha jaqsmilhom ir-rizzi.  Ix-xewk tar-rizzi kien jidħol fis-sufra hekk kif jagħfasha biex jaqsamha u għalhekk ma kinitx tista’ taħrablu minn taħt xifer is-sikkina u  tweġġa’ lilu jew tiġi fuq il-pala ta’ sieq xi ħadd li ħafna drabi, dak iż-żmien, kien ikun ħafi.

Meta tfaċċaw il-maskri tal-baħar (għall-ewwel kienu tondi u kbar daqs il-wiċċ, b’pajp fin-nofs, fuq moħħok jew fil-ġenb li kien ikollu bokka biex ma jidħolx ilma meta togħdos.  Imbagħad ġew il-moderni bil-pajp f’ħalqek u l-maskra saret qisha nuċċali li tgħattilek sa taħt imnieħrek. B’hekk naqas il-volum ta’ l-arja fil-maskla u l-għaddas beda jagħmel inqas sforz biex jinżel taħt l-ilma.

Insomma, permezz tal-maskri sar eħfef li taqla’ r-rizzi u jekk iżżomm nifs tajjeb stajt taqla’ anke sa nofs tużżana jew tmienja jew iktar skond kemm tagħtik il-ħatfa ta’ jdejk.  Għalkemm dak li jkun seta’ wkoll iniżżel xibka tan-najlon miegħu, biċċiet minnhom kienu forma ta’ basket u kienu jinħadmu Marsaxlokk, u timla’ kemm ikollok nifs.

Bl-għajnuna wkoll tal-flippers l-għaddas seta’ jinżel iktar fil-fond iktar malajr u jimxi mal-qiegħ jiġbor ir-rizzi.  Kien hemm ukoll min kien iżomm kaxxa ta’ l-injam fil-wiċċ u joqgħod tiela’ u nieżel sakemm jimliha. Din il-kaxxa ġieli nbidlet ma’ xi banju tal-plastik.  U kien hemm ukoll min kien ivvinta tajer kbir ta’ ġewwa tal-karozza jew trakk, miegħu jorbot bħal xkora biex tifforma qaleb u r-rizzi li jaqla’ jitfgħu ġo fih u fl-aħħar ikaxkar kollox lejn ix-xatt.  Illum dan ix-xogħol qed isir anke biċ-ċilindri ta’ l-arja fejn għaddas jista’ jdumlek ‘l fuq minn siegħa taħt wiċċ il-baħar u jkaxkar ir-rizzi kollu li jkun hemm.

Dari tar-rizzi kien jitla’ ferħan ir-raħal, dejjem jipprova jasal għal xi l-ħdax jew il-ħdax u nofs ħalli n-nies jikluh ma’ l-ikla ta’ nofs in-nhar.  Fil-fatt ir-rizzi kien jittiekel l-iktar f’dan il-ħin u mhux filgħaxijiet.  U tar-rizzi kien jiġi l-iktar nhar ta’ Sibt  meta jkun frank.  Idur mat-toroq tar-raħal b’xi kaxxa jew karozza tat-trabi, bir-rizzi frisk mgħotti b’xi xkora tal-faxx imxarrba biex jibqa’ ħaj u b’xi qabda ħabaq tal-baħar biex ifewwah u jiftaħlek l-aptit.

“Tar-rizzi hawn, Ara kemm hu mimli!”.

Ir-rizza hi animal preistoriku.  Ilha teżisti miljuni ta’ snin u ftit inbidlet.  L-ikbar għadu tiegħha huwa l-bniedem u t-tniġġis.  Ir-rizzi huwa magħruf għax-xewk spiss u li jniġġes tiegħu.  Bejn kull xewka ir-rizzi għandu s-swaba’ (tentakoli) li bihom jaqbad mal-blat.  Meta tħoss il-periklu r-rizza tintrass iktar mal-blat billi toħroġ iktar swaba’ u tinġibed ‘l ġewwa hekk li jekk ma taqlagħhiex ma’ l-ewwel prova taf tħabbtek u tkun trid tagħmel is-saħħa biex taqlagħha.  Jekk taħsadha, anke b’subajk tkun tista taqlagħha, imma jekk tinduna bik trid tistenna sakemm terġa’ tintreha minn mal-blat.

Fejn tkun ir-rizza tifforma bħal ħofra fil-blata għax ir-rizza b’munqara dejjem taħfi u tiekol.  Ir-rizzi jirgħa wkoll, jiġifieri kappaċi jimxi u jibdel postu, biex isib l-ikel tiegħu.  Kultant meta jkun il-waqt taf taqla’ rizza u taħtha issib il-ferħa tagħha żgħira daqs buttuna.  Ir-rizza tiekol mill-blat u l-ħaxix li jkun hemm.  Fil-fatt meta taqsam rizza gieli ssibilha ħafna ramel ġewwa u bħal ħaxix.  U skond Peppi Spiteri Ta’ Qazzitu, li għandu erbgħa u tmenin sena, it-togħma tar-rizzi tinbidel mal-post minn fejn taqilgħhu.

Ir-rizza għandha ż-żokra li fil-fatt hija ħalqha u dan hu magħmul minn munqar b’xi ħames sinniet li jinfetaħ u jingħalaq biex jobrox mill-blat u jaqta’ l-ħaxix. Ir-rizza dejjem tkun imqabbda mal-blat min-naħa taż-żokra, jiġifieri tkun wiċċa ma’ l-art u darha lejk. Sewwa sew fin-nofs ta’ daharha nsibu toqba żgħira mnejn joħroġ il-materjal li ma tkunx trid.

Il-ġisem tar-rizza taħt ix-xewk huwa magħmul minn qoxra iebsa tal-kalċju.  Meta ssib xi rizza li tkun ilha mejta f’qiegħ il-baħar tara li x-xewk kollu jkun waqa’ u l-qoxra tiġi bajda u nadifa, u tista’ tinnota li l-qoxra hija magħmula minn ħames biċċiet separati magħqudin flimkien. Ikun hemm bħal ferq bejn biċċa u oħra bħal, ngħidu aħna, kif tagħqad il-qorriegħa ta’ ras il-bniedem.

Hemm ir-rizzi li hu tajjeb għall-ikel u hemm dawk li ma jittieklux; ngħidulhom patrijiet.  Dan minn ġewwa ma jkunx fih dawk is-swaba sofor iżda swaba kannella rqaq ħafna u għalhekk ma jittikilx.  Il-patri jingħaraf mir-rizza għax hu ta’ lewn iswed, bix-xewk itwal u inqas spiss minn tar-rizza.  Iż-żokra ta’ rizza tajba tkun dejjem ħamranija,   tal-patri   dejjem  sewda.  U barra minn hekk il-patri hu magħmul iktar ċatt.

Fil-fatt anki r-rizzi t-tajjeb għandu lwien differenti.  Hemm vjola ċar, vjola skur qisu iswed, kannella ċar u kannella ħamrani u skur, hemm ħadrani u hemm ukoll rizzi kollu abjad.  L-ilwien tar-rizza qatt ma jlaħħqu l-iswed tal-patri.

Hemm ukoll razez differenti.  Kultant issib xi rizzun, li hawn min jafu wkoll bħala qanfud.  Dan ikun ta’ daqs xi darbtejn jew tlieta tar-rizza komuni.  Ix-xewk tiegħu ikun baxx u ma jniggisx daqs tar-rizza.  Ilwienu jistgħu jkunu vjola kollu, vjola mnaqqax bl-abjad, jew abjad kollu.  Dan ma jittikilx għax ma fihx laħam jew flieli kbar ġewwa.

Kull rizza jkollha dejjem ħames flieli  forma ta’ salib fuq gewwa.  Fil-fatt jikber felli fuq kull parti  tal-qoxra tagħha kif spjegajt qabel. Il-flieli mhux dejjem ikunu mlaħħmin l-istess u mhux dejjem ikunu ta’ l-istess lewn.  Ġieli taqla’ rizza kbira u tkun vojta u ġieli taqla’ waħda żghira u tkun mimlija flieli ħoxnin.  Skond Peppi Ta’ Qazzitu u mill-esperjenza tiegħi l-post għandu x’jaqsam ħafna.  Hemm ċertu postijiet li tmur meta tmur dejjem se issibu mimli.

“IL-QAMAR JIMLA R-RIZZI”

Imma dari kienu jemmnu li jekk ir-rizzi jkunx mimli jew vojt jiddependi mill-qamar . Jekk ikun kwinta jew qed jimla allura r-rizzi se jkun mimli, jekk il-qamar ikun moħbi, jew qed jonqos, jew ikun felli, allura r-rizzi jkun vojt. Ta’ min jinnota li hemm kliem li nużawh kemm għar-rizzi kif ukoll għall-qamar, bħal felli, jimla’ u mimli.

Jgħidu li l-flieli huma l-bajd tar-rizza u hawn min iqabblu mal-kavjar li hu l-bajd tal-istergun.  It-togħma tar-rizzi hija ħelwa, imma mhux kollu hu ta’ l-istess ħlewwa.  Ir-rizzi jagħmel il-ħalib fix-xhur ta’ bejn Novembru u April u meta jkun bil-ħalib it-togħma tkun morra. Dan il-ħalib joħrog mill-flieli stess hekk kif taqsam ir-rizza.  L-aħjar tar-rizzi huwa bejn Mejju u Settembru.  Il-lewn tal-flieli wkoll ivarja, minn isfar ċar, isfar skur, ixqar jew kannella.

Razza oħra ta’ rizzi tinsab f’fond ta’ madwar tletin metru.  Din ir-rizza għandha ġisimha iżgħar iżda x-xewk tagħha hu inqas spiss, rqiq u twil xi erbgħa jew ħames pulzieri. Jgħidulha rizza tal-fond u ssibha f’xi għar imdellel.  Din ir-rizza ma tissemmiex fil-ktieb Wildlife of the Maltese Islands, imma tissemma fil-ktieb Sea Fishes of the Maltese Islands and the Mediterranean ta’ Lawson Wood (Progress Press, 2002).  Jien naf sew li teżisti Malta għax, billi nħobb nogħdos biċ-ċilindri ta’ l-arja, rajtha kemm-il darba b’għajnejja stess.  Ix-xewk tagħha qishom splenguni mislutin u ma tistax taqbadha b’idek.  Hawn min jgħid li x-xewk tagħha hu velenuż.  Fil-fatt anki x-xewk tar-rizza l-komuni jagħtik ftit velenu meta jniggzek u jdum juġgħek ftit fejn titniggez.  L-uġigh kbir ta’ min rifes xi rizza huwa magħruf u uġigħ ikbar tħoss biex taqla’ x-xewk waħda waħda b’xi labra.  Jgħidu li jekk tqattarlu l-meraq tal-lumi aħjar. L-agħar huwa meta wieħed jirfes xi rizza mejta mormija fuq il-blat minn xi ħadd bla qalb.

Hemm rizza ta’ għamla differenti ħafna mill-oħrajn. Jien insejħilha r-rizza tal-parit, imma hawn ħafna min jafha bħala raddiena.  Tgħix fil-fond u titla’ l-aktar max-xbieki tas-sajjieda li jfarrkuha b’martell sabiex inaddfu x-xibka. Din hija magħmula żgħira fin-nofs bi xi tużżana xewk, tawwali u oħxon li ma jniggżikx. Din hija xi ftit rari.

Biex tkun tista’ tieklu r-rizzi trid taqsmu.  U biex taqsam ir-rizzi bla ma tnigges irid ikollok ix- xeħta.  Ir-rizza trid tkun tħares biż-żokra lejn il-lemin. Twaqqaf ir-rizza fuq ġenbha u bis-saba’ l-oħxon tmid ix-xewk ċatt filwaqt li tagħfas biex iżżomm ir-rizza soda. Biex taqsamha trid tuża mus jew sikkina b’xafra iebsa.  Mela bix-xellug iżżomm ir-rizza u bis-sikkina f’idek il-leminija tibda tagħfas filwaqt li tagħmel movement ‘l quddiem u lura sakemm tinkiser il-qoxra u tibqa’ tniżżel is-sikkina bil-mod ‘l isfel biex ir-rizza ma tifrakkasahiex.

Importanti li l-biċċa ta’ fejn ikun hemm mill-flieli tibqa’ sħiħa. Is-sikkina trid iżżommha ftit ‘l hinn min-nofs iktar lejn in-naħa taż-żokra.  Jiġifieri r-rizza ma taqsamhix f’żewġ partijiet indaqs, għax inkella taħli mill-flieli li jmorru mal-parti taż-żokra li tintrema għax ma jkunx hemm isfar magħha.  Mill-banda l-oħra hawn min b’xeħta kbira jgħaddi x-xafra tas-sikkina eżatt maż-żokra ħalli din ma jkissirhiex. Għax iż-żokra hawn min iħobbha ħafna.  Din tista’ tiġbida b’subgħajk, tqaxqixha,u tixrobilha l-ilma li jkun hemm fiha.

Biex ma tweġġax l-aħjar li r-rizza twaqqafha fuq wiċċ li ma jiżloqx meta tiġi biex taqsamha, bħal ngħidu aħna xi blata jew xi biċca njama. Meta taqsam ir-rizzi trid toqgħod ukoll attent għal għajnejk, għax bla ma trid minn taħt xafret is-sikkina jibdew itiru ħafna bċejjeċ tax-xewk. Meta taqsam ir-rizzi joħroġ ħafna ilma minnu u jekk tkun taqsmu ġo xi turtiera allura tkun tista’ tixrob minn dan l-ilma li hu tajjeb ħafna biex imexxilek. It-togħma tiegħu hija bejn ħelu u mielaħ iżda li jinxtorob.

Il-ġewwien tar-rizzi minbarra l-flieli jkun fih ukoll ir-ramel u ħjut kannella. Dawn ħafna jnaddfuhom bil-ponta tal-mus imma hawn min jieklu b’kollox biex ma jitlef xejn minnu.  Min inaddaf ir-rizza qabel jieħu l-flieli ngħidu li jfarfarha mir-ramel billi jżommha f’idu wiccha l-isfel u jagħti xi tliet skossi ħalli jaqa’ dak li ma jkunx mal-qoxra u b’hekk jibqa’ l-isfar biss.

Ir-rizzi jittiekel b’modi differenti.  Hawn min jgħawwar b’subajh jew b’xi kuċċarina u jiekol l-isfar waħdu.  Imma l-antiki kienu jagħmlu ikla kbira mir-rizzi.  Mela l-ewwel taqsam xi żewġ tużżani u tnaddfu.  Imbagħad tlesti kisra ħobż, jew nofs ħobża, basla nejja, biċċa ġobon, u tadama u jekk trid tista’ tagħmel xi ftit żejt ġo sjett bil-meraq tal-lumija. Il-meraq tal-lumi tista’ tqattru fir-rizza dirett ukoll.  Mela fix-xellugija żżomm ir-rizza u bl-oħra taqta’ biċċa ħobz bl-ilbieba, żgħira li tista’ tidħol fir-rizza u ttella felli jew tnejn biha imbagħad tieħu gidma ġobon, gidma tadama u gidma basla.

Il-biċċa tal-ħobż tista’ tbilla fiż-żejt qabel iddaħħalha fir-rizza.  Hawn min b’biċċa ħobż inaddaflek rizza sħiħa.  Jiġifieri se jkollu ħafna isfar ma’ gidma waħda u allura jkollu togħma kbira ħelwa tar-rizzi.  U hawn min ma’ biċċa jiekol biss nofs felli u jxappap il-gidma ħobż fl-ilma tar-rizza stess u hekk jispiċċa jikollok ħobża.  Hawn min jgħidlek li jekk ma jagħmilx hekk it-togħma ħelwa ddardru.  Min juża ħafna ħobż biex jiekol ngħidu li jkun qed iġewweż (mill-kelma “ġwież”).

Jekk wieħed ikun qed jiekol ir-rizzi ma’ xatt il-baħar il-qxur tar-rizzi jista’ jarmih fil-fond u jkun qed jagħmel pjaċir lill-ħut tal-qiegħ bhal-lhudi u l-għarusa li jiġġennu għalih.  Fil-fatt hawn min ikisser ir-rizzi u jitfgħu l-baħar qabel jibda jistad biex iressaq il-ħut.

Sa fejn naf jien din il-moda ġdida li ssir zalza tar-rizzi nibtet f’dawn l-aħħar għaxar snin u biex tagħmilha trid kwantita’ mhux ħażin ta’ rizzi.  Dan qed iqalla’ xi flus lil ftit nies iżda qed ikun ta’ qerda għar-rizzi.

Meta konna żgħar u missieri jasal id-dar bix-xkora tal-faxx wara dahru u go fiha l-ħġieġa mimlija rizzi ħaj, konna nieħdu gost nieħdu r-rizzi u nagħmluh wiċċu ‘l isfel biex narawh jimxi. Fil-fatt jekk ix-xewk tar-rizzi ma jkunx jiċċaqlaq u iktar u iktar jekk ikun mimdud ikun sinjal li dan mhux frisk u wieħed joqgħod attent milli jieklu.

“Rizzi mimli, ara kemm hu frisk, mimli r-rizzi!”