Qwiel, u użi tradizzjonali tal-frotta tar-rummien fil-gżejjer Maltin.

Kitba ta’ Jeffrey Sciberras. Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fl-Imnara Vol 9, Nru 3 (2010) Ħarġa Nru 34.

Ir-rummiena hi fost l-ewwel frottiet li kabbar l-bniedem fl-għelieqi tiegħu minn mindu il-bniedem tgħallem is-sengħa tal-biedja.  Ir-rummiena oriġinat fl-Asja Ċentrali u l-isem Latin tagħha hu Punica granatum.  Kemm l-isem Latin kif ukoll dak Franċiż: Pomme Granate, it-tnejn ifissru “tuffieħa b’ħafna żerriegħa”. 

Għadu mhux ċar meta s-siġra tar-rummien  waslet Malta, imma fostna hi meqjusa bħala siġra “arkeofita” – jiġifieri siġra li nġiebet Malta fil-qedem, tant li llum hi ħaġa waħda ma’ dak li nsejħulu “l-ambjent Malti”.  Isimha ġej mill-Għarbi, w’allura żgur li tmur lura sa żmien l-Għarab, imma jista’ jkun li kienet hawn qabel, minn żmien il-Feniċi u l-Kartaġiniżi.  Imma fuq dan għad hemm bżonn aktar tiftix arkeoloġiku.

In-nomenklatura tar-rummiena għadha ħajja sal-lum;  Għandna postijiet li ssemmew għal din l-ispeċi – fosthom Triq ir-Rummien f’Wied il-Għajn, Tar-Rummien, limiti tax-Xagħra, u Ħondoq ir-Rummien, it-tnejn f’Għawdex.  Fis-snin tmenin, Mary Rose Mallia kantat kanzunetta fuq “Wied Rummiena” meħuda minn poeżija ta’ Joe Friggieri. (www.sechuk.com)

Hemm xi qwiel li jsemmu ir-rummien, fosthom:

Is-siġra tar-rummien timlielek il-ġewlaq u żżejjen il-ġnien.

Il-beraq ta’ San Mikiel isajjar u jfellel ir-rummien. (Pisani, 2000)

Dan tal-aħħar hu marbut mal-aktar qlajja’ magħrufa fostna – dik li s-sajjetti jġiegħlu l-frotta tar-rummien tinqasam.  Din hija ħrafa.  Il-frotta tinqasam meta  tagħmel ħafna xita  wara sajf niexef, u dan iġiegħel is-snien ħomor tar-rummiena jintefħu f’daqqa u jikbru b’rata ikbar milli tikber il-qoxra ta’ barra w’allura din tinqasam.  Qlajja’ ferm inqas komuni imma xorta magħrufa ħafna fost in-nisa hi li mara tqila m’għandhiex tiekol rummien waqt it-tqala.  M’hemmx xi raġuni xjentifika u ppruvata dwar dan, imma jista’ jkun li l-antiossidanti li hemm fil-meraq tar-rummien ma jħallux l-aċidu foliku jasal għand it-tarbija fil-ġuf, u forsi hu minn hawn li nsibu n-nisel ta’ dil-qlajja’.

Ħwejjeġ moħġaġa dwar ir-rummien għandna wkoll:

Bil-għadam, mhix animal,

Bis-snien u ma tigdimx,

Ħalqa mbexxaq u ma tidħakx.

(Pisani, 2008)

 

Kaxxetta bir-rubini,

Tabilħaqq li m’humiex fini,

Imma huma tal-kulur,

Min jinduna kbir duttur.

 

Ħamra Nar,

Nar m’hijiex,

Bil-kura f’rasha,

Re m’hijiex.

(Ġużi Gatt, komunikazzjoni personali)

Fir-reliġjon ir-rummiena tissimbolizza l-providenza t’Alla, minħabba l-kwalitajiet nutrittivi u mediċinali tagħha, u dil-ħaġa għadha magħrufa l-aktar f’Għawdex. F’żewġ lokalitajiet f’Għawdex, waħda fix-Xagħra u l-oħra r-Rabat, hemm statwi tal-Madonna bil-Bambin iżomm rummiena f’id waħda.  Xi nisa xjuħ kienu jitolbu:

Madonna tar-Rummien,

sawwab fuq id-dar tagħna

l-frott tiegħek tal-Ħniena.

(Pisani, 2000)

In-niċeċ tal-Madonna tar-Rummien huma magħrufa f’Malta wkoll – per eżempju waħda f’Ħal Balzan (Weber, 2008).

Dari, l-inbid tar-rummien, magħmul id-dar kien jista’ jingħata minn min ikollu xi obbligazzjoni lejn xi ħadd.  It-tfal subien, l-aktar f’Ħal Qormi sas-snin sittin u sebgħin, kienu jilgħabu billi jdaħħlu xi rummiena li tkun għadha żgħira f’tarf ta’ qasba rqiqa biex taparsi għandhom pipa (Mario Sciberras, mastrudaxxa, komunikazzjoni personali).  F’xi skejjel Maltin reġgħet daħlet id-drawwa tal-borża ta’ San Martin li tingħata lit-tfal għall-festa ta’ dan il-qaddis, u ġol-borża spiss issib xi rummiena wkoll (komunikazzjoni personal ma’ xi ġenituri).

Is-siġra tar-rummien spiss titħawwel għall-użu ornamentali tagħha, speċjalment quddiem vilel u djar privati li nbnew fis-snin tmenin u disgħin.  Fid-djar, il-fjuri miftuħa tas-siġra tar-rummien kienu spiss jitqiegħdu quddiem xi statwa tal-Madonna. Il-qxur u l-friegħi tar-rummien kienu jintużaw biex jikkunzaw il-ġlud; biex jiżbgħu id-drapp b’kulur safrani; u biex jiżbgħu ix-xbiek għall-insib tal-għasafar biex dan jiġi minn lewn il-ħamrija u jinħeba fl-ambjent ta’ madwaru (komunikazzjoni personali minn produttur tar-rummien f’Għawdex).

Rigward l-użu mediċinali, r-rummien kien jintuża bħala astrinġent kontra l-mard tal-ħalq, tal-ħanek, u infezzjonijiet fil-gerżuma.  F’xi djar kien isir tip ta’ inbid ħelu tar-rummien, u kien jingħata l-aktar bħala duwa lix-xjuħ (Lanfranco, 1992).

Rigward l-użu kulinari, riċetta qadima u minsija minn Għawdex issemmi l-meraq tar-rummien miżjud ma’ dixx patata mqaxxra u ftit bużbież u kollox jiġi nkaljat ġol-forn.

punica granatum

Ħajr

Nixtieq nrodd ħajr lil Dr. Anthony Sacco, Arnold Sciberras, u Romario Sciberras, tal-għajnuna tagħhom fuq din il-kitba.

Referenzi:

Pisani, G., (2000), Ir-Rummien, Id-Duwa tal-Madalena, pġni 6-63, Mireva Publications.

Weber Hans, C., (2008), Ornamental Plants of Malta, Pġna.190, Margraf Publishers.

Briffa, C., (2007), Ir-Rummien, Biedja u Sajd, Ħarġa 200, Pġna. 1 u 7.

http://www.billcasselman.com/wording_room/pomegranate.htm:

Bill Casselman’s Canadian word Website, Mejju 2010.

Sciberras, J. (2010) The Potential And Sustainable Utilization Of Pomegranate In The Maltese Islands, (Teżi mhux ippubblikata għall-baċellerat, tal-Istitut tal-Agrikultura tal-Universita’ ta’ Malta.)