Ilmiklem.com bi pjaċir kbir iħabbar li Ġużi Gatt, b’mod mill-aktar ġeneruż offra li jaqsam ma’ dan is-sit u għalhekk magħkom ilkoll, ħafna mix-xogħol miġbur fl-ewwel ktieb tiegħu Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni (L-ewwel Ktieb). Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, naqra naqra, dan is-sit sejjer itella’ l-kapitli li kienu oriġinarjament miġburin f’dan il-ktieb tant importanti  f’kategorija li ser tinħoloq għal tal-apposta u li ser tkunu tistgħu ssibuha fuq ix-xellug tal-paġna tad-dħul. L-ewwel silta intellgħuha għada.

Ġużi Gatt hu l-awtur ta’ żewġ kotba bl-isem ta’ “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni – L-ewwel u t-Tieni ktieb”.  Hu ukoll is-segretarju ġenerali tal-Għaqda Maltija tal-Folklor, u l-Editur tal-perjodiku tal-istess Għaqda: L-Imnara.  Ittraduċa wkoll xi drammi għall-Malti, u s-suġġetti favoriti tiegħu huma l-istorja medjevali ta’ Malta u r-riċerka lingwistika.

***

Il-ktieb Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni (L-ewwel ktieb)  illum huwa totalment mibjugħ u għalhekk mhux ser issibuh aktar fil-ħwienet però għad fadal kopji tal-ktieb Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni (It-Tieni Ktieb)  u għalhekk inħeġġu lil kulmin hu interessat fl-ilsien Malti sabiex jakkwista l-kopja tiegħu qabel ma jgħib mill-ħwienet dan il-ktieb wkoll.

Dan il-ktieb jista’ jinxtara onlajn billi ssegwu l-ħolqa hawn taħt (agħfsu fuq l-ixbieha tal-ktieb).