LIL OĦTI

Ħallini nħaddnek, għażiża oħti, miegħi

W-inq’għed fuq ġbinek fommi,

Biex hemm inħalli l-bewsa tal-qalb tiegħi

Minn flok fuq il-ġbin t’ommi.

Għax lilha rajt quddiemi, w x’ħin dirgħajja

Infetħu biex minn tagħha nilqa’ l-benna,

Jien l-ajru għalaqt ma’ sidri flok il-ħajja,

U minnufih ftakart li qegħdha l-Ġenna !

 

Nistħajjel, oħt, se’r tistaqsini l-għala

Daqshekk jien l-ommi nqimha.

Jien nagħdrek għax int omm ma tafx xi tfisser,

Għax ċkejkna bqajt iltima.

Iżda ma nafx infehmek, maħbuba oħti,

Bil-kliem xi tkun din l-omm, sejħa qawwija;

Għalhekk ngħidlek kelmtejn fuq fuq kif nista’

Biex int tagħraf il-bqija.

 

Omm dik li ttik il-ħajja w-għal imħabbtek

Iġġarrab kull tbatija;

Omm dik li tibqa’ tqimek ma’ tul ħajtek

Daqs meta kont tarbija.

Hi dik li dejjem taħseb

Biex tgħallmek biss is-sewwa;

Hi l-għajta li ssejjaħlek

Mit-triq bil-qerq mixgħula tal-għedewwa,

Hi l-kenn ta’ l-iben twajjeb,

Hi s-serħ ta’ l-iben niedem,

Hi l-ġabra ta’ kull tieba

Li timxi mit-twelid sal-mewt tal-bniedem.

 

Dik hija l-omm li fl-ewwel xhur ta’ ħajtek

Ħallietek, maħbuba oħti, minnha fqira;

Iżda tibżax għax fuq ħaddejk tinġabar

Xbihietha l-egħżeż wirt, l-egħżeż tifkira.

Għalhekk ħallini nħaddnek, oħti, miegħi

W-inq’għed fuq ġbinek fommi,

Biex hemm inħalli l-bewsa tal-qalb tiegħi

Minn flok fuq il-ġbin t’ommi.

 

“PRO PATRIA” (ARTHIUR V. VASSALLO).

Dehret fl-edizzjoni ta’ Leħen il-Malti ta’ Novembru 1931.