L-imħara hija frotta tal-baħar li minn dejjem kienet imfittxija mill-Maltin.  L-imħar jikber waħdu, bħalma jikber waħdu r-rizzi, u dari kien jitqies li hu barka t’Alla.  B’ponn imħar, biċċa ġobon, basla nejja, u tadama, kont tiekol ħobża sħiħa tal-Malti.

Kitba ta’ Karmenu Pace. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara, Vol 9 Nru 4 (2011)

Biex l-imħara tkun tajba għall-ikel trid tkun minn daqs ta’ munita ta’ għaxar centeżmi sa daqs ta’ waħda taż-żewġ ewro.  L-imħara tgħix f’dik il-faxxa ta’ blat minn ma’ wiċċ l-ilma sa sitt piedi ‘l fuq, basta li xi darba jew oħra jilħaqha l-mewġ biex jaħsilha; u minn wiċċ l-ilma sa ftit ‘l isfel.  L-imħar, fil-fatt, jgħix billi jiekol minn dak li jkun fih l-ilma baħar meta dan jitla’ u jinżel mal-blat.  L-imħara ma tgħix il-ħin kollu ċatta mal-blat, għax meta jitla’ l-ilma jaħsilha, din tintrefa’ b’mod li tħalli l-ilma jgħaddi minn taħt qoxritha, u hi ssoff l-ingredjenti tajba li jkun fih.  Meta jkun maltemp, l-imħar ta’ qrib l-ilma jibda’ jimxi, jimragħ u jirgħa, u jintrefa’ ‘l fuq kważi bħal ma jagħmel il-bebbuxu.  Dan jista’ jagħmlu biss meta l-blat ikun imxarrab, għax l-imħara ma timxix fuq il-blat niexef.  (Biex il-bebbuxu jimxi fuq in-niexef, joħroġ minn ħalqu dak li jissejjaħ “lagħb” biex ikun jista’ jiżżerżaq fuqu).

L-imħara għandha wkoll qrun żgħar (feelers) u tużahom meta tkun tirgħa.  Taqbad mal-blat b’saħħa kbira u ma taqlagħhiex jekk mhux b’xi strument bil-ponta.  Dari kien ikollhom biċċa għodda jgħidulha l-QALLIEGĦA – biċċa ħadida qisha turnavit imma b’tarf li jkun merfugħ ‘il fuq biex ikun għax-xeħta.  Għax biex inti taqla’ imħara trid tqabbad it-tarf tal-qalliegħa taħt ix-xifer ta’ qoxritha, u ddawwar ‘l hinn u ‘l hawn, qisek qed tgħawwar, biex tillieva l-imħara.  Din, min-naħa tagħha, meta tħossok, tissikka mal-blat u ma taqlagħhiex malajr.  Imma jekk taħsadha u ssibha ftit merfugħa minn mal-blat ikollok ċans iddaħħal ix-xafra taħt il-qoxra u ma tbatix biex taqlagħha.

Mhux kulħadd jaf jaqla’ l-imħar sewwa, għax għal dan trid ċertu sengħa.  L-iktar importanti hu kif taqla’ l-imħar bla ma tkissru.  Jekk ikollok qalliegħa li ma jkollhiex xifer ċatt u rqiq biżżejjed, aktar iva milli le int se xxellef jew tkisser il-qoxra.  Xorta taqlagħha minn mal-blat imma meta tiġi biex tikolha, se tittantak biex taqlagħha minn mal-qoxra.  Barra minn hekk, jekk tħalli l-imħara sa filghaxija jew l-għada, din tmutlek, mhux bħal l-ieħor li tkun qlajt sħiħ.  L-imħara taqlagħha minn mal-qoxra billi ddaħħal il-ponta tal-mus taħt laħamha u ddur magħha dawra mejt.  Tista’ tuża l-qoxra tal-ewwel imħara li taqla’ bħala għodda biex taqla’ l-oħra.  It-togħma tal-imħar għalija hija l-itjeb fost il-molluski kollha.  Gidma ġobon tal-ħakk, gidma tadama, gidma basla nejja, mħara waħda jew  tnejn jew tlieta…u għidli x’qed tiekol.  U jekk trid tagħmel xi sjett bi ftit żejt, melħ, bżar, u qtar tal-lumi biex tbill biċċa ħobż bih u tiekol l-imħar biha, tajjeb ukoll.  Hawn min iħobb isajru – biz-zalza ma’ platt għaġin.

Iż-żmien tajjeb biex “iddur għall-imħar” (dik hi l-espressjoni użata) jibda lejn l-aħħar ta’ Jannar.  Fi tfuliti kont tisma’ lil wieħed jgħid lill-ieħor: “daqt immorru nniggżuh xi naqra” – għax il-moviment mgħaġġel użat meta tkun taf taqilgħu jixbaħ lil dak ta’ meta tniggeż lil xi ħadd b’xi ponta.  Lejn l-aħħar ta’ Jannar, il-baħar ikun għadu kiesaħ, u mhux se tmur taqla’ l-imħar bil-għawm.  Trid toqgħod iddur max-xatt, mal-blat, taħt l-ingravar, u forsi tinżel sa rkubbtejk fuq xi ħafa.  Dan mhux xogħol ħafif.  Biex taqla borża mħar, tkisser dahrek, u trid spiss tistrieħ u tiddritta ftit.  Min jaqilgħu iġorr miegħu borża taċ-ċarruta magħmula b’mod li tingħalaq billi tinġibed qafla mdaħħla fil-keffa ta’ fuq.  Ġieli jkollok iżżomm id waħda ggranfata mal-blat u bl-oħra taqla’ l-imħar.  F’dak il-każ il-borża titfagħha ftit fuq il-blat sa ma terġa’ tiċċaqlaq biċċa oħra.  Imma l-biċċa l-kbira, min jaqla’ l-imħar iżomm id waħda miftuħa biex jilqa’ l-imħar fiha, u jaqla’ bl-id l-oħra.  Meta l-keffa t’idu timtela, jitfa’ kollox ġol-borża.  Meta jkun qala’ biżżejjed, jaqta’ ftit ħabaq u jqiegħdu fil-wiċċ, għax ir-riħa tiegħu tiftaħlek l-aptit.

Mhux kullimkien hu tajjeb għall-imħar.  Ċerti postijiet ikunu magħrufa man-nies tar-raħal, u meta jasal żmienu kulħadd ikollu ġenn biex jilħaq post hu l-ewwel, għax jekk ikunu daruh, tmur u ma ssib xejn.  U meta tkun taqla’ mhux l-ewwel darba li jkun hemm xi ħadd warajk u jgħidlek: “Ħalli waħda għar-razza!”  Ħafna min-nies tar-raħal kienu bdiewa, u dak li jkun mhux se jħallilek ix-xogħol tar-raba’ biex imur jaqla’ erba’ mħariet.  Għalhekk meta jagħmel dak il-bnazzi ta’ Jannar u l-baħar ikun żejt ikun hemm ħafna dilettanti li moħħhom ikun biex imorru sax-xifer għall-imħar.  U min ikun fortunat li jilħqu l-ewwel jaf jaqlagħlek mal-wiżna f’nofs ta’ nhar.  Il-bdiewa kienu jistennew il-Ħadd biex jersqu lejn ix-xifer għax is-Sibt ma kienx frank għalihom.  Kienu jbakkru għall-quddiesa tal-ewwel, għax dak iż-żmien ma kienx hemm tas-Sibt jew tal-Ħadd filgħaxija.

Qalliegħa tal-imħar

Jekk l-imħar ikunx tajjeb jew le, jiddependi mit-tip ta’ blat li jkun qed jirgħa fuqu.  L-aħjar hu dak l-imħar li jkun jirgħa fuq il-blat tal-qawwi – dak il-blat iswed, żonqri, u jniggeż.  Ikun hemm ħoss partikolari meta int iżżerżaq il-qalliegħa għal taħt imħara li tkun fuq il-qawwi.  Dan il-ħoss ma tisimgħux meta l-blat ikun tal-bajjad – franka ratba.  U meta l-imħar ikun fuq il-qawwi, laħmu jkun jagħti fl-isfar u jqarmeċ.  L-aħjar hu meta l-blat ikun iħares għal għajn ix-xemx għax l-imħar ikun iktar b’saħħtu.  Dak li jitrabba fid-dell, laħmu jkun xehbi, sewdieni, imma jekk ikun fuq il-blat tal-qawwi, ikun tajjeb xorta.  Filfla hija magħrufa ħafna għal-kwalita u d-daqs tal-imħar.  U daqshekk ieħor hu magħruf il-blat tal-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli.  F’dawn il-postijiet, peress li ma jintlaħqux minn kulħadd – għax trid tmur għalihom bid-dgħajsa – l-imħar ikollu ċans jeħxien u għalhekk ikun imħar sabiħ.   L-imħar tal-qawwi jkun imbuzzat, u jkollu ħafna laħam, mhux bħal dak l-imħar li jgħidulu “tas-sellieħ”.

Fis-6 ta’ Diċembru, 2010 tkellimt ma’ Kola magħruf bħala “ż-Żmond” u staqsejtu kemm jaf b’kwalitajiet ta’ mħar differenti. Huwa semmieli l-imħar tal-qawwi, u l-imħar li jgħidulu sellieħ. Qalli li s-sellieħ jikber ma’ xifer l-ilma u anke taħt l-ilma, fil-qiegħ u qalli li dan ma jinġabarx għax mhux tajjeb għall-ikel.  Is-sellieħa hija mħara ċatta u għalhekk ftit li xejn fiha laħam ġewwa. Fil-fatt laħamha huwa bħal qoxra jew ġilda xierfa, t-togħma tagħha mhix tajba, u meta taqlagħha minn mal-qoxra jinfaqgħu l-imsaren u tqallek.  Imma xorta hawn min jikolha.  Jien stess nista’ nikkonferma li s-sellieħ jitrabba anke taħt l-ilma.  L-ewwel darba li smajtha din kien minn għand Żaren “il-Merlin” jew “Priepes”, sajjied prim, li kien qalli li kienu jgħoddsu għalih ħdejn Filfla.  Ma għandniex xi ngħidu naħseb li kienu jiekluh.  L-ewwel darba li kelli okkażjoni li mmur Filfla biex nogħdos kont qgħadt attent u veru kont sibt imħar kbir ċatt mal-blat li hemm fuq wara ta’ Filfla.  Dan sibtu wkoll mal-blat fil-qiegħ bil-bajja magħrufa bħala Ta’ Buleben, qrib il-lukanda Dolmen, Buġibba.  Jien ippruvajtu u ma niżilli xejn.  Imma l-qoxra tiegħu hija nteressanti, għax fil-kobor jidhru l-pizzi dawramejt max-xifer. U meta taqlagħlha laħamha l-qoxra minn ġewwa tkun qisha madreperla, li iżda malajr titfi jekk ma tidlikhiex b’xi lagħqa żejt.  Biex taqalgħu dan is-sellieħ tal-qiegħ trid tagħmel is-saħħa għax peress li hu kbir mal-pulzier u nofs jqabbad iktar ma’ wiċċ il-blat li jkun taħt l-ilma u jekk ma taqlaqgħhiex ma’ l-ewwel tentattiv l-imħara tiċċattja iktar mal-blata u tqabbad iktar biex tiddefendi ruħha.  Dan il-qxur kont tajtu lil student tal-Profs.Schembru u bgħatli tweġiba  li dan kien tar-razza “patella cerula” jiġifieri Tas-Sellieħ.  Peress li jgħix ma’ xifer l-ilma u jitgħatta bil-mewġ mhux l-ewwel darba li ssib mħar tas-sellieħ li fuq qoxortu jkun kiber il-għażiż u jekk ma tkunx tagħrfu ma tintebaħx bih.  Il-ħaxix jkun jitliejeb mal-mewġ u jkun ta’ lewn kannella.

“Is-sellieħ” qalli Kola, “ssibu kemm mal-blat artab kif ukoll mas-samm.” Mill-banda l-oħra, l-Imħar tal-Qawwi, jew Tas-Samm, “patella rustica”, Kola jaħseb li ssibu biss mal-blat tal-qawwi u l-aħjar li wiċċ il-blat ikun lixx.  Kola għamel għomru u żmienu jdur għall-imħar ‘l hawn u ‘l hinn ma’ ħbieb oħra tiegħu mill-Qrendi, daqqa minn max-xatt u xi drabi oħra minn fuq xi dgħajsa.  Jiftakar li darba mar ma’ Karmnu taċ-Ċuna taħt Ħad-Dingli u Kola kien tala’ bilwieqfa fuq spallejh biex ikun jista’ jaqla’ erba’ mħariet sbieħ li kien ‘l fuq ħafna.  Għax l-imħar tal-qawwi kapaċiI jgħix sew ‘l fuq minn wiċċ l-ilma, anzi dak li jkun ‘l fuq ikollu togħma aħjar.  Anke l-imħar tal-qawwi kapaċi jikber ġmielu anke ‘l fuq minn pulzier.  Iktar ma jkun xiħ u kbir iktar jitħatteb.  Meta jkun żgħir laħmu jkun ta’ lewn griż imma iktar ma jikber speċjalment dak li jkun mal-pied u iktar ‘l fuq minn wiċċ l-ilma laħmu jibda jiħmar, ikun ta’ lewn qamħi u jkollu x’tiekol għax laħmu jkun oħxon u ftit iqarrmeċ taħt snienek.  It-togħma tiegħu hija ħelwa mhux morra bħal dik tal-imħar tas-Sellieħ.  Anke l-ġewwieni tiegħu jkun sod u ma jinfaqax u ma jqallakx, anżi jiftaħlek l-aptit.  Dan l-imħar tal-qawwi kapaċi jgħix ‘l fuq minn wiċċ l-ilma għax jikber f’postijiet mwarrba mal-blat tas-sies fejn soltu jagħmel il-mewġ għoli li jaħslu kull darba li jitla’ ħdejh.  Meta fil-jiem sajfija jagħmel xi tliet ġimgħat bnażżi żejt jgħidu li anke l-imħar qed jinxef għax ikun qed jerda’ minnu nnifsu u jkun ixref mis-soltu.  L-aqwa mħar, qalli Kola huwa dak ta’ Marzu u l-aħjar huwa dak li jkun għal għajn ix-xemx.  Kola semmieli lil Ninu Aquilina, iz-Zepezun, li kien jdur kull rokna tax-xatt taħt Ħaġar Qim u l-Imnajdra fejn hemm postijiet magħrufa għall-imħar – bħal ngħidu aħna Ras il-Miġnuna, Is-Solf, Il-Ponta ta’ Rsejjen, ta’ Bexxiexa, Denb il-Bagħla, u n-Niffied u tibqa’ sejjer lejn il-Ġebel l-Aħmar, Għar Manwel, sal-Magħlaq u Lapsi.  Dan Ninu z-Zepezun, skont Kola kien jemmen li iktar ma tagħmel xita, iktar l-imħar kien jikber. Għax ix-xita tnizzillu l-ikel minn mal-blat u l-imħar, skont hu, jħobb l-ilma ħelu.  “Ilma tax-xita u xemx irid l-imħar.  Fejn ikun delli ma jikbirx”, qalli Kola.  Jiġifieri l-aktar li jikber  u jiħmar huwa fejn il-faċċata tal-blat tkun tħares lejn in-nofsinhar bħalma huma l-inħawi li semmejt taħt Ħaġar Qim u l-blat ta’ taħt Ħad-Dingli.  Kola qalli li meta kien tela’ fuq spallet Spreneċ taħt Ħad-Dingli kien hemm qattara li kienet terħi l-qtar għal fuq dak l-imħar sabiħ li kien sab.  Filfla wkoll hija magħrufa ħafna għall-imħar u fil-bidu tal-istaġun jkun hemm tellieqa mis-sajjieda li għandhom xi qoxra biex jilħqu minn ta’ l-ewwel.  Ta’ Filfla huwa magħruf għall-kobor  u t-tjubija tiegħu, u wieħed jiftaħar ħafna li jkun qala’ l-imħar minn Filfla.

Meta wieħed kien ikollu xi qalgħa mħar tajba, kien idur mar-raħal bil-kavetta, u ma kellux għax idum wisq biex ibiegħ kollox; kienu jaħtfuhulu għax “tal-imħar” kien jiġi darba fill; ma kinitx xi ħaġa ta’ kuljum bħalma kien, ngħidu aħna, bejjiegħ il-ħut.

Peppi Spiteri, “Qazzitu”, kien qalli storja ħelwa li kien qalhielu Indri “Tal-Menek”, li kien sajjied u bejjiegħ il-ħut u li jiġi ħu missier missieri (n-nannu Nardu):

“Darba kint qed indowr għall-imħor bil-frejgatina u nura xi ħuġa mdendla mal-blot.  U x’ħin nersaq insib li ġurdien maqbowt minn mustaċċih taħt quxra ta’ mħura.  Qabditow l-imħura teħthe, u baqa’ mdendel hemm!”

Peppi, li qalli din l-istorja, staqsieni minn taħt l-ilsien: “Tgħajd kien qed jgħajd virew, jew ken qed jivvinte?!”