“….Il-valur ewlieni ta’ l-istejjer, li maż-żmien kellhom ihallu influwenzi kbar fuq il-biċċa l-kbira tan-narraturi li gew wara, jinsab fil-fatt lii Zammit irnexxilu jaqbad b’ħila fotografika (ghax tirripproduċi b’fedelta) u b’intwizzjoni poetika (ghax deffes fir-ritratti n-nifs tas-simpatija u ħadem b’id ġentili) dinja Maltija żghira fl-għabex tagħha.”

ilmiklem.com: M’hemmx l-iċken dubju li Temi Zammit huwa Ġgant tal-proża Maltija. Immur oltre: Għalija, Temi Żammit huwa r-raġuni ewlenija għalfejn jien twebbilt biex nistudja u napprezza l-Malti bis-serjeta’ mill-ġdid. Mhux biss, kif jgħid Oliver Friġġieri , kellu l-ħila tremenda  li jirriproduċi dinja Maltija li kienet għadha Maltija fit-totalita’ tagħha – izda dan għamlu bi proża tant espressiva, tant sabiħa u naturali li l-kliem u l-vokabularju li juża jiftehmu ma’ ruhek minkejja li trid tfittex nofshom f’dizzjunarju biex tieħu t-tifsir sħiħ tagħhom. Dik għalija hija kapaċita’ unika u jien dan il-ktejjeb xtrajtu xorta minkejja li għandi ħafna mix-xogħol oriġinali tiegħu. Temi Zammit ma kienx bniedem ta’ kwantita’ – l-istejjer tiegħu huma ftit u qosra – iżda, fejn tidħol il-kwalita’ – dinja oħra. Għamlu favur lilkom infuskom u aqraw x-xogħolijiet tiegħu.