Snil ilu, kont ktibt xi ħaġa fuq il-kliem Malti, kliem ta’ xi snajja’ li ma jifhmux ħlief min għandu x’jaqsam ma’ dik is-sengħa li tkun. Għax hawn xi wħud li jgħidu li l-Malti hu fqir wisq mill-kliem. Foqra huma, għax bil-Malti ma jafux.

U jiftaħru li ma jafux!

Ħallina minn dawn iżda; u sa nibda mil-lum, inġib xi ħaġa fuq is-snajja’. U nibda b’taħdita bejn omm u bintha.

 

Netta. Ma, issa dal-maktur kif sar? X’kien qabel?

Ommha. Dak, sena, sentejn ilu, kien ħaxixa fl-art.

 

  1. N. Mela jekk naqta’ ftit ħaxix, isir maktur, u libsa, u liżar? Nixtieq!
  2. O. Mhux kull ħaxix isir maktur jew xaqaq. Trid tkun xitla tal-qoton, li f’Malta u Għawdex isir tajjeb.

 

  1. N. Imma mbagħad din ix-xitla jew is-siġra xi jsir minnha? Jaqtgħu l-imkatar minnha bħalma naqta’ l-ġiżimin mill-qasrija?
  2. O. O Binti, li kont taf kemm xogħol jinħtieġ sa ma jittieħed maktur!

 

  1. N. Għidli, Ma, għax ma nafx.
  2. O. Ngħidlek li naf; il-quddiem titgħallem iżjed.

 

  1. N. Ix-xitla tal-qoton togħla xejn?
  2. O. f’Malta le, f’artijiet oħra iva. Il-qoton irid raba’ tajjeb, u l-art trid tinħadem tajjeb.

 

  1. N. Meta jiżirgħuh?
  2. O. Ibejtuh F’April u Mejju. Il-bejta hi ħofra fit-trab.

 

  1. N. Idum ma jinbet?
  2. O. Wara xi ġimgħa. Għall ħabta ta’ Santa Marija, jagħmel il-moxt, u l-moxt isir ġewż.

 

  1. N. Mela l-imxat u l-ġewż isiru minn din ix-xitla wkoll?
  2. O. Il-moxt huwa l-ward li tagħmel ix-xitla; u l-ġewż mhux dak li tħobb int. Flok qalba, ikun fih il-qoton imqabbda miegħu żerriegħa.

 

  1. N. Baqa’ wisq għall-maktur?
  2. O. Issa tara. Meta l-ġewż jinxef u jiftaħ igħidulu bjad. Joħortuh1, jeħduh id-dar u jdommuh.

 

  1. N. F’xi qafla?
  2. O. Idommuh, jiġifieri joħorġu l-qoton biż-żerriegħa u kollox mill-fosdqa2. Il-fosdqa għan-nar, il-qoton għax-xogħol.

 

  1. N. Iż-żerriegħa kif jeħelsuha mit-tajjar?
  2. O. Bir-raddiena tal-ħalġ, li jkun fiha bħal żewġ lembubiet iduru ma’ xulxin. Aktarx xi bniet jaħilġu.

 

  1. N. Dir-raddiena qatt titħassar?
  2. O. Meta l-lembubiet jimliesu, joborduhom.

 

  1. N. x’jiġifieri tobrod?
  2. O. Tgħaddi bil-barrada jew lima.

 

  1. N. Iż-żerriegħa tiswa għal xi ħaġa?
  2. O. Barra miż-żrigħ, jitimgħuha lill-bhejjem hawn Malta. Fl-artijiet oħra jagħsru minnha ż-żejt.

 

  1. N. U t-tajjar?
  2. O. Sa issa għadu mhux tajjar, igħidulu maħluġ, għax jaħilġuh.

 

  1. N. Kif isir tajjar?
  2. O. Jeħduh għand id-daqqaq, u dan idoqqu.

 

  1. N. Din oħra! X’idoqqlu? Vjolin jew trumbetta?
  2. O. U La vjolin u la żummara: idoqqlu bil-watar u biċ-ċikk. Għax din il-kelma iddoqq bil-Malti tfisser tpaħpaħ, trattab3.

 

  1. N. Il-watar u ċ-ċikk: dawn żewġ kelmiet qatt ma smajthom.
  2. O. Il-watar ikun rumnell irqiq ta’ l-imsaren, bħal dawk tal-kuntrabaxx: u jgħidulu hekk, għax dari din il-kelma watar kienet tfisser imsaren. Iż-żewġ truf ikun marbuta maż-żewġt irjus tal-għuda milwija u tirtakad, u jgħidulha qaws, u d-daqqaq iħabbat biċ-ċikk fuq il-watar.

 

  1. N. Issa fhimt. Igħidu ċikk għax iċekċek. Il-watar iparpar, jaħbat mal-maħluġ, il-maħluġ jitpaħpaħ u jsir tajjar. Hux hekk?
  2. O. Hekk hu. In-nisa tagħżlu bir-raddiena, u jsir imraden. L-imraden jinġabru fuq l-imħalla u jsir milwiet4.

 

  1. N. U dan mhux ħajt?
  2. O. Int għidlu ħajt, imma hu jingħad magħżul.

 

  1. N. U l-maktur?
  2. O. Dalwaqt neħilsek. In-nissieġa tmidd il-medd fin-newl u tibda tinseġ, jiġifieri tmexxi l-mekkuk mil-lemin għax-xellug u mix-xellug għal-lemin, u tħaddem saqajha fuq ir-rifs. Il-medd biċċa jitla’ u biċċa jinżel u hekk issir ix-xoqqa.

 

  1. N. U l-maktur?
  2. O. Arġa’! ix-xoqqa tista’ tkun bajda u mbagħad tiżebagħ x’lwen iridu, jew tistampaw fuqha ward u x’naf jien, bħall-maktur tiegħek; jew tista’ tkun ta’ aktar minn lewn wieħed, bħall-fanfri ta’ Malta. Rajt kemm xogħol binti?
  3. N. Iva, u niżżikħahr talli għallimtni

 

  1. PRECA – 1937

 

  1. Joħortuh: Biex nitkellmu bir-reqqa, ngħidu li l-ewwel jaqtgħu l-bjad il-mitfuħ; imbagħad, meta jasal fl-aħħar, joħortuh, jiġifieri jaqtgħu li baqa’ kollu, miftuħ, imbexxaq u magħluq.
  2. Fosdqa: igħidula wkoll ħliefa
  3. Iddoqq – to beat
  4. L-imraden jinħallu fuq l-imħalla u jsiru marella kbira li tiltewa fi tnejn (milwa)