In-nannu Pepp, Alla jaħfirlu, kien jeħodna Wied Bufula. Kellu nitfa ta’ razzett ħelu f’fomm dan il-wied, li jinsab qrib Għajn Rasul, f’San Pawl il-Baħar. Kien jaħseb minn lejlet it-tluq, jitma’ ‘l-ħmar ftit aħjar mis-soltu; ħadan ħarrub, siegħ xgħir, u barmil ilma ta’ l-għajn, ħelu u frisk. Jiġbor kollox f’soror, jagħti daqqa t’għajn lill-karrettun u l-arnies, jiġifieri x-xedd, il-ganċ, il-mitraħ ta’ taħt ix-xedd, il-barda u t-taranti, u ma jinsiex il-ħannieqa msensla b’għamra ġnieġel, il-kappestru li kien ixidd f’ras il-ħmar, u r-riedni. Ma kienx jinsa l-frosta, għax meta l-ħmar kien iwebbes rasu, ħmar hu, kien jibża’ jofroq xi għadira ilma, li dak iż-żmien kienet komuni, meta t-toroq ma kinux joħolmu bl-asfalt jew tarmak, imma kienu jixbħu aktar lil xi trejqa mwarrba li ssib forsi illum madwar l-Aħrax tal-Mellieħa.

Kitba ta’ Joe Ellul li dehret oriġinarjament fl-Imnara Vol 6 (2000) Nru. 3

Wara li jara li kollox sewwa, kien joftor fuq platt, minestra tagħqad fuq id-difrejn, li kienet tlesti n-nanna. Dik ma kinetx taf b’tisjir ta’ llum, ima brodu, minestra, soppa ta’ l-armla, soppa tal-majjal, u hekk; nhar ta’ Ħadd patata l-forn jew fenek moqli. Kien jindafar sewwa n-nannu u mal-platt u l-kisra ħobż tad-dar, kien ilegleg dak it-terz inbid, li aktarx kont nixtrih jien mingħand “Ta’ Bajtra”, irrid ngħid inbid ta’ l-għeneb, iswed u jfuħ, mhux għasir tal-ħarrub mgħolli u mdewwi bil-qxur tar-rummien, jiġifieri msewwi f’għasra zokkor. B’sold inbid kienet timlilek flixkun tan-nofs.

Wara l-fatra, li minnha aktarx kien imissni sehem jien ukoll, konna ngħidu r-Rużarju Mqaddes, jirrakkonta xi praspura, għax in-nannu kien magħruf għall-praspar, u erħilna għall-friex, bi twissija biex l-għada nbakkru nisimgħu l-quddies ta’ l-ewwel, fl-erbgħa u nofs ta’ filgħodu. Ngħid is-sewwa, lili kienu jqajmuni wara li jiġu mill-quddies; kien għad kelli ħdax-il sena.

Mas-sebħ, kemm kemm għadu bexbex, joħroġ il-karrettun fid-dawl tal-lampa tal-pitrolju, joħroġ il-ħmar mill-maqjel, inaddfu mit-tiben li jkun weħel miegħu minn friexu, u jarmah bill-karrettun. Qabel ikun xeddlu l-għotja ta’ taħt il-barda, u mbagħad ix-xedd, ilibbislu l-kappestru, idaħħlu b’lura minn bejn il-lasti tal-karrettun, jehmeż it-taranti, jorbotlu s-sottopanza, u jdawwar ir-riedni mas-salib tal-karrettun, u erħilu jibda jgħabbi; xkora bl-għalf, oħra b’xi kutra jew ġakketta tas-suldati li jkun xtara, aktarx minn Bormla, biex jagħtihom lil xi bidwi. Jifrex xkora fuq is-salib u jħalli l-benniena marbuta taħt il-karrettun għalija meta naħbat ngħejja riekeb ħdejh. Ommi kienet tqum magħna, u tlestielna skutella kafè u kisra ħobż tad-dar li kienet tlewwet u taħmi n-nanna jumejn qabel; kisra oħra ħobż biż-żejt, tadam, żebbuġ, kappar u biċċa tonn iswed għal mat-triq, għax minnu li konna niltilqu kmieni, imma bejn it-triq ħażina, il-ħżim tal-ħmar, u dik il-waqfa jew tnejn, l-ewwel għand Wenzu tal-pastizzi, il-Mosta, u wara għand xi bidwi ħabib, bejn Burmarrad u s-Salini. X’aktarx li jien kont issibni fil-benniena, mhux rieqed, minħabba l-istroffi u l-ħofor tat-triq u dik iż-żegliga tal-karrettun, trid tkun bumerin biex tmur għajnejk bik.

Sadattant ikun sebaħ. Fir-rebbiegħa tinsa l-istroffi li jkissrulek għadmek u titgħaxxaq bil-ħdura ta’ madwarek. It-triq dejqa kemm jgħaddu bil-ħniena żewġ karrettuni, imberfla bl-ingliża safra u tleqq, biż-żigland, ħannewija, bużbież, xewk u għollieq, siġar taż-żnuber u prinjoli, u xi waħda taż-żebbuġ ukoll. Meta konna naslu għan-niżla ta’ San Ġużepp, in-nannu kien jorbot il-krikk u jinżel minn fuq il-karrettun u miegħu kont ninżel jien ukoll. Kont nibbies fuq is-salib jew fil-benniena, u erħili niġbor xi ftit pleju, papoċċi u ħabb-il qamħ u n-nannu kien iwissini biex ma naqtax tengħud u biex inwarrab mill-ħurrieq. Meta naslu Għajn Riħana kont nitgħaxxaq nittawwal minn fuq l-arkati, lejn il-miġra ilma li, għalkemm Mejju, kienet għada tirgħa f’qiegħ il-wied. Aktarx fuq iz-zuntier tal-knisja ħelwa ta’ Santa Margerita kont issib xi bidwi xwejjaħ ipejjep pipa tabakk; ġie li n-nannu kien jafhom u erħilhom, wara li jsellmu ‘l-xulxin, in-nannu kien joħroġ borża minn ħobbu u jistieden lix-xiħ jimla l-pipa. Jgħidu kelmtejn, isaqsu għat-tali u għall-ieħor, u nirkbu u nitilqulha għal San Pawl. Naslu ħdejn l-għajn tal-bhejjem li kienet tinsab f’ras Burmarrad (fejn illum hemm il-knisja tal-Madonna) u jressaq il-ħmar biex jixrob. Aħna aktarx konna nġorru bomblu tal-fuħħar u nissieħbu mal-ħmar, nixorbu boqqa friska aħna wkoll. Xorob il-ħmar u tlaqna, jien niskanta lejn ħmar ieħor b’għajnejh mgħammdin b’biċċa nċirata maħmuġa, idawwar is-sienja ta’ l-ilma li kien hemm qalb is-siġar tal-luq u tal-ħarrub, fuq il-lemin, int u nieżel San Pawl il-Baħar.

Rari tiltaqa’ ma’ karrettun ieħor, jekk mhux xi bidwi ġej lura mingħand il-pitkali ta’ Birkirkara, mgħobbi b’xi xirja ħafifa ta’ ħtiġijiet tad-dar li ma kontx issibhom ir-raħal, u jista’ jkun ukoll ma’ xi karozzin iwassal xi sinjur il-Belt. Mela wasalna ħdejn l-Ispralli. Dawn kienu tabilħaqq żewġ spralli kbar f’ras Triq San Franġisk, ftit ‘il bogħod minn Villa Castelletti u qrib l-ewwel lukanda. Meta nidħlu aktar ‘il ġewwa, it-tislim bejn il-ħbieb jispissja. Wasalna fejn kienet il-Bay View Hotel (illum ħerba), għaddejna minn quddiem il-parroċċa, il-bibien mitbuqa, u xi raħeb ta’ San Franġisk jitlajja, jara lil min jiġbed lejn il-knisja u jissassja għal xi ftit bejgħa… Il-patrijiet iridu jieklu ukoll!!

Issa wasalna ħdejn San Ġużepp tan-niżla. Hemm nieqfu ftit biex nidħlu għand il-ħabib tagħna Ċikku ċ-Ċenċul, fejn niltaqgħu ma’ xi ħbieb oħra, Tal-Marden, sajjied u oħrajn li nafuhom. Billi l-ħobż biż-żejt inkunu kilnieh mat-triq, u ikel fir-razzett m’hemmx, in-nannu kien jirranġa maċ-Ċenċul biex isajjar dik il-koxxa tal-majjal li ġibna magħna, u jistieden xi ħbieb għall-ikla ta’ nofsinhar, għax issa ħarbu l-għaxra ta’ filgħodu! Ieqaf kellem lil dak, iġbor xi ħaġa tal-flus mingħand ħaddieħor, il-ħin itir!

Ħriġna, u għall-grazzja t’Alla għan-niżla tal-Veċċa. Niltaqgħu ma’ Gerit tan-nagħaġ, u nirranġaw magħha għal bieqja ħalib. Sakemm il-ħmar jersaq jixrob mill-benna ta’ l-ilma li ħallielna San Pawl, aħna wkoll imbillu griżmejna u nimlew il-bomblu, ilma frisk, safi u ġieri, mhux b’dik il-kitba li hemm illum “mhux tajjeb għax-xorb”. Il-ħmar kien jixrob mill-ġibjetta tal-ġenb, u aħna nimlew mill-miżieb tan-niċċa. Dak iż-żmien l-għajn kienet aktar qrib lejn il-ġenb tal-baħar; niftakar li kienu ċaqalquha darbtejn u għalquha għax-xorb meta nfetħet it-triq ta’ fuqha, Triq Rasul, u l-ilma ġie mniġġes mill-ħmieġ tal-fossos tad-drenaġġ li fetħu għad-djar ġodda.

Tħares ‘l isfel minn fuq iċ-ċint, kont tara “d-dar”, fqira fil-ġid imma għanja fl-imħabba, ta’ Ċikku s-Sajjied, li miegħu konna, tista’ tgħid, ta’ ġewwa; ommu, Alla jaħfrilha, u jaħfer lil missieru u ħutu wkoll, għax ilkoll ħallew ix-xolfa u n-nases, biex issa igawdu l-hena tal-Ġenna. B’ġirja waħda ninżel it-taraġ u mmur nara “in-nannu u n-nanna l-Gerfux”, u billi jien, meta konna nkunu “d-dar” kont niswa għal xi qadja, erħilha n-nanna tgerfex fil-kexxun u tnewwilli xi kagħka ħelwa. U hekk, qajl qajl, qrib il-ħdax ta’ filgħodu wasalna “id-dar”.

Mela malli naslu, in-nannu jħott dak li jkun iddobba sa wasalna, u jqiegħed kollox fl-art. Iżarma l-ħmar, iqiegħed ix-xedd u l-barda taħt il-loġġa tax-xellug fejn kellhom imkienhom, u l-ħmar fil-maqjel fejn jidher il-bieb iż-żgħir (ara d-disinn li għamilt kif niftakar ir-razzett ta’ Wied Bufula). Ikun ġa sqieh mill-għajn ta’ San Pawl, jimlielu l-maxtura bl-għalf, xgħir, silla u l-kumplament, u jqegħedlu l-istanga biex ma joħroġx; wara mixja bħal dik, il-ħmar ma jkollux moħħ il-ħruġ! Idaħħal il-karrettun fl-għarix (kif jidher ukoll fid-disinn), li kien imsaqqaf bil-qasab, biċ-ċnagen fuqhom biex ma jeħdux ir-riħ, jerfa’ dak li jkun ħalla fl-art, frott, ħaxix u x’naf jien, u nitilgħu t-taraġ minn barra sa ma naslu fil-kamra tan-nannu, fejn kellu branda (sodda tal-kanvas) mgħottija b’perkan, iqiegħed kollox f’loku, u nitilgħu l-erba’ tarġiet ta’ quddiem il-kċina, bla bieb għas-setaħ u l-kamra ta’ fuq (l-għorfa), fejn konna ngħaddu s-sajf aħna, u jara li ħadd ma jonqsu xejn. Kienet tissakkar b’muftieħ daqs ta’ San Pietru!

Ir-rixtellu kien il-bieb li jagħti għall-wied, ta’ l-injam, u jissakkar b’firroll, għax kien jista’ jidħol min irid. Isakkar il-kamra tan-nannu, ir-remissa, u l-għorfa, kollox minn barra. Mill-bitħa kont tidħol mir-rixtellu għall-wied, fejn kien hemm ħarġa qasab ħdejn maqgħad ilma biż-żrinġijiet, jinxef xi ftit fis-sajf, u f’wiċċ l-ilma kien jikbru l-krexxuni jew insalata ta’ l-ilma (water cress – Nasturtium officinale). Ix-xatba hija l-bieba li tiftaħ għall-bitħa, u jkollha vent ta’ l-azzar biex ma tiddendilx.

Mir-rixtellu kont issib ruħek fil-wied, tgħaddi minn taħt is-siġar tal-lewż ħelu, u taqsam dik in-nixxiegħa rqiqa ta’ ilma safi, ibaqbaq u jdur mal-ġebel aħdar bil-ħażiż. Iserrep minn bejn irqajja’ buda (Typha domingensis) u s-simar (Juncus sp.); dan kien jikber kotran fejn illum hemm is-siġar taż-żebbuġ fi dħul il-Pwales. L-ilma jibqa’ jgelgel sakemm jaqa’ f’ħoffra mibnija apposta, minn fejn jibqa’ nieżel il-baħar. Fuq il-lemin kien hemm tliet siġriet kbar tat-tut. Żewġ passi oħra titla’ taraġ mal-ħajt tas-sejjieħ, u ssib ruħek f’ħabel raba’ mimli siġar tal-ħawħ u frott irqiq. Missieri kellu mansab qribhom u meta kien ikun riħ punent, kien jitla’ jonsob hemm. In-nannu kien iwiddibna biex ma mmissux frott mis-siġar; konna niġbru l-imwaqqa’, kien ikun aktar misjur u bnin, u xi ftit mikul miż-żunżan.

Jekk tibqa’ tiela’ tiġi taħt il-knisja tal-Madonna ta’ l-Abbandunati, minsuba fuq ix-xifer tal-Wardija. Taħtha kienet tikber il-Warda Maltija (Rosa gallica); mhux darba, fil-Ħdud smajna l-quddies fil-knisja tal-baruni. Il-post kien miżmum minn familja ta’ bdiewa, nies taz-zokkor. Waħda mix-xebbiet kienet mietet ħesrem bi splużjoni ta’ primus; ma nafx kinetx nefħitha żżejjed. Niftakar li morna nagħtuhom l-għomor; kellha xi ħamsa u għoxrin sena.

Aħna u ġejjin lura konna nimlew bomblu jew tnejn ilma mill-għajn ta’ San Pawl; l-ilma kien bħal dak li ħareġ Mosè mill-blat. Jgħidu li l-ilma kien ħarġu San Pawl, u hekk nemmen jien ukoll.