. …. U ħareġ il-Ġennien

Idur mal-ġnien :

U idu medd

U mill-ward

Għazel l-isbaħ nett.

U f’nofs il-ġnien hu qiegħdha

Fejn qanqlet tal-għira l-mibgħeda…

Ix-xemx besitha

Il-Mewġa ħaslitha

U x-xita berkitha…

U l-għasafar inġabru magħha,

In-naħal feraħ bil-għasel tagħha,

Tad-dinja l-fjur hija saret

U mill-ġnus ħadet

L-isem ta’ MALET

Is-serp għer għaliha

Qalbu bis-semm mimlija

Ħafna drabi ried ijassarha

U fit-tajn ikasbarha.

Imm’hi rasha merfugħa żammet,

Il-ħeġġa ta’ wliedha qanqlet

U faret fihom il-qlubija :

Saqqew arthom bid-dmija

Sakemm l-għira u l-għadab tal-għadu filġu

U mid-dwiefer ħorox ta’ riġlu

Rawha darba, tnejn, tlieta mifdija.

U issa bil-għadab il-għadu reġa’ mtela’

Qalbu xegħlet u bl-għira nfena

Meta bil-qilla kollha tiegħu

Lil sieħbu wkoll ġieb miegħu

U sawbu fuqha nar u azzar…

Newġa fuq mewġa qellet ħajjiena

Tagħhom il-kefrija,

Sakemm mirbuħa u għajjiena

Waqfu ħosbiena!…..

Iżda maħsuda

Ruħhom imgħaġġba

Saħħithom mifluġa

Jaħsbu biex itennu

B’qawwa eħrex il-ġlieda

U lil Malta jifirdu minn uliedha.

Xegħlet fuq rasna l-qilla,

U ħraxet dejjem iżjed it-taqbida;

Meta l-għadu għal Malta ħebb imgħaddab

Ħarġet minn qalbna tnehida,

Ruħna nħasdet u tbikkmet,

‘Il-għana fuq ilsienna siket,

Il-qirda minn niesna firdet:

Dalma tqila satret dak il-ġmiel li bih il-Ġennien

Il-WARDA żejjen.

Iżda mhux għal wisq !

Kisbet malajr fi qlubna t-tama,

Biex tilqa’ tad-dinja l-foħrija !

Il-qlubija ta’ missirijietna wrejna

U nibqgħu nuru

Sakemm ta’ l-għadu nċarrtu l-għama

Sakemm tiegħu tixxejjen il-kburija

Sakemm tiegħu tinqered il-ħruxija

U fuq artna b’demmu msoqqija

Ngħallmu lilu

Dak li PAWLU lilna għallem

Li l-akbar rebħa rtebħet

Dejjem bl-IMĦABBA !

Ir-rebħa ma ssirx le bin-nar

Bil-għodod qerrieda u kiefra ta’ l-azzar!

Issir iżda bir-rieda,

Ir-rieda tar-rebħa !

Inħossu ruħna mnebbħa

Bit-tama li tagħna fil-ġlieda

Toħroġ rebbieħa !

U mill-ħerba li wiled ir-riefnu

Il-Warda maħqura

  • Għax bla heda maħbuta ! –

Rasha tgħolli kburija

B’tar-rebħa t-turija

 

Fuq il-jasar u l-qirda rebbieħa

U mfissda mill-ġnus, bi qlubitha ferrieħa.

B’ilwien iġded u isbaħ imżejna

Fuq ir-radam ta’ l-egħdewwa tagħha mxejjna

Twarrad ix-xempju; ix-xempju tal-Qalbien !

Għax PAWLU fi ħdanu kenninha għall-ħarsien

Għax f’qalbu bejjitha w xittilha l-ĠENNIEN

 

Ġuż. M. Spiteri

14 ta’ Diċembru 1942