Inti Lukarda Grima?

jien; biex inservik.

Hawn il-karta taċ-ċensiment.

Jien ma għandix bżonn ta’ karti.

Huwa m’hux kif trid. Inħallihielek biex timliha.

X’nimla, papasek? Biex ġej dalgħodu?

Jekk ma tafx tikteb nimlihielek jien. Agħtini fejn inpoġġi għax għandi xi mitejn karta oħra x’inqassam.

Iva għidli sewwa xi trid? min bagħtek sid il-kera?

U din ħaġa tal-Gvern – Iċ-ċensiment. Ara li kull ma nsaqsik tweġibni sewwa għax għal kull kelma b’oħra tista’ teħel nofs lira. Mela għidli – Kemm il-kamra għandek fid-dar?

Dan li tara l-wisa’ kollu li għandi. Xi ħsibtha dari, il-palazz ta’ Kannirju? U int, nagħmilha tal-belha, x’jippurtak x’wisa’ għandi?

Għax irrid inniżżlu f’dil-karta, u ttelliflix żmien. Int jismek Lukarda Grima hux?

Stenna la għandi ngħid kollox kif inhu, jien loprament m’hux Lukarda jisimni, jgħajtuli hekk, imma parrinti Luitgarda semmietni. Ħa nurik il-fidi tal-Magħmudija, m’ilux li rfajtha … stenna. ”

U ħallik mill-fidi, ma rridx nara xejn, eħlisni għax imgħaġġel.

Ara ħa, jekk ma temminx. Għax parrinti kienet sinjura kbira, taqra l-ġurnata kollha, lil ommi qaltilha “jekk lit-tarbija tagħtiha ismi nħallilek par imsielet tad-deheb u ċintilI”. Ħallithomli taf … Kemm int bla paċenzja, għedtlek is-sewwa għax ma rridx, kif għeddittni, neħel xi nofs lira.

Dan kollu telf ta’ żmien għalija-Lukarda sejjer nikteb.

Ikteb li trid, ħsieb ruħek, jien wissejtek u l-pinna f’idejk.

Kemm-il-sena għandek?

Dan ukoll trid taf? għandi kemm għandi, m’hux affari tiegħek jew tal-Gvern, kemm ingħodd.

Ser nikteb sittin, għad li żgur għandek iżjed – Ħalli nara l-fidi tal-magħmudija !

Int ma għedtx li ma jimpurtakx mill-fidi? mela tara xejn – Għalaqt l-erbgħin, sa hawn ingħidlek – Ara li ma tniżżilx sittin għax tavvilini mal-ġirien u ttellifli ħobżi. Min iqabbadni naqdih jekk tgħidilhom li jien imdaħħla fiż-żmien?

Fejn sejra b’rasek? Din ħaġa sigrieta, ħadd ma jkun jaf xi ktibt.

Mela ikteb li ngħid jien … ara xi bniedem dan!

Int ħalli f’idejja — Int il-kap tad-dar hux? Xebba?

Armla, jaħasra, u la raġel u la tfal; żewġi miet bil-korla erbgħin sena ilu, imma jien dejjem għext bI-unur.

Mela waħdek qegħda?

Waħdi kif tarani.

Fejn twelidt?

Dan ukoll trid? tridx taf x’kilt il-bieraħ ukoll ?

Eħlisni, tridx, u wieġeb għall-mistoqsijiet tiegħi.

Twelidt Balzunetta, wara San Kalċidonju.

Nazzjonalita Ngliża, hux?

Ingliża? Missieri u ommi kienu Maltin minn Bormla. Wiċċ ta’ ngliża għandi, mela għajnejk bis-suprissat dal-għodu? Stajt kont ingliża madankollu għax darba għarrsuni ma’ kapural tas-sappers ta’ ħada l-Kabuċċini, imma ż-żwieġ ma seħħx.

Skola, nistħajjel ma tmurx.

Ġie li mort l-iskola għax parrinti riditni nitgħallem imma d-Duttrina biss għallmuni u mbagħad ħriġt.

X’tagħmel?

Li jiġi għal idejja.

Din m’hix risposta – Hassiela, ħajjata, modista?

Hajjata tal-għenienel kont u qlajt flus kemm ridt, imma l-lum min jilbes kappell ta’ xelin ma jħejtx għonnella ta’ żewġ liri. U għajnejja ma jagħtunix aktar. Il-lum għal xi qadja bqajt.

Mela nikteb, “qaddejja”.

Aħjar. U għid li naqdi l-aħjar nies u jafdawni b’għajnejhom magħluqa, għax mara tar-ruħ. Tridx insemmilek in-nies li jdaħħluni f’darhom?

Le, Le… fejn taħdem?

La naqdi naħdem fejn jibagħtuni. Il-bieraħ mort il-Birgu u nżilt sal-Karkara, il-bieraħtlura wasalt sa Har-Qormi. Lili tgħidlix fejn naħdem. Niġri ma’ Malta kollha, avvolja għajjartni xiħa.

Tajjeb, ser nikteb li l-post fejn taħdem m’hux fiss.

Ikteb li x-xjafek trid. Il-pinna m’hix f’idejk?

Biex taf titħadded?

M’hux bil-Malti kellimtek? Jew trid tgħid li għandi lsieni twil?

Le irrid infisser ruħi; taf titħadded b’xi lsien ieħor barra mil-Malti. Bl-ingliż jew bit-taljan, ingħidu aħna?

Xi kelma, ħażin, ħażin nitkellem. Din it-taljana ta’ ma’ ġenbi sikwit tpaċpaċ miegħi: “Lukarda kumpramu favetta oggi ‘?” “Kumpramu”. “Lukarda kjama Iu skaparu”. “Kjusu sinjura” u sejrin dejjem. BI-ingliż? anqas irrid niftakar. Mal-kapural kont sejra ħarir. “Mi plenti lav ju,” “good najt Ġak,” u ftehemna dejjem.

Biżżejjed. Taf tikteb ?

Hawn qbattni. Nikteb ma nafx.

Ħa żomma l-karta, nhar it-Tnejn ingħaddi għaliha. Tħallix min jikteb ħadd fiha.

Meta ħareġ, Lukarda baqgħet tħares lejh bil-gozz karti taħt abtu sa ma dar il-kantuniera. “Dal-ġuvni nafu,” qalet bejna u bejn ruħha. “Kemm-il-darba rajtu nieżel lejn il-Barrakka l-qadima b’kelb tal-kaċċa marbut b’lazz aħmar tal-inkwatri, mur  aħseb x’kien xogħlu! Idur bil-kelb u mita jixba’ jistiħes man-nies u jitkixxef xi jsir f’darhom. Qal li bagħtu l-Gvern u għalhekk nistħajjel li jħallsu. Din ġdida, nies imħallsin biex jistħarrġu l-poplu, għalhekk il-Gvem ma għandux flus!. Il-lejla stess naqta’ l-kurżita x’inhi dil-biċċa. Nistaqsi lil Guże tal-groser li dejjem jaqra l-gazzetti; b’liema dritt jiġi bniedem fuqek u jrid jaf kemm-il-sena għandek u x’tagħmel. Forsi wara din il-Gvern joħroġli x-xahar. M’hux li kien! Xi ħaġa għandhom f’rashom dan-nies. Iġri nara lil Guże.