Iż-żiemel, li fix-xjenza jissejjah bl-isem ta’ Equus caballus, ġej minn familja ta’ annimali li tiġbor fiha iż-ŻEBRA (zebra), il-ĦMAR (donkey), il-ĦMAR TAL-BARR (ass), u annimal ieħor li ma tantx hu magħruf u li jissejjaħ iż-ŻIEMEL TA’ PRZEWALSKI (Przewalski’s horse). L-eqdem antenat taż-żiemel li taf bih ix-xjenza s’issa jissejjah Eohippus u kien kbir daqs kelb tal-lum. Bejn dan l-eqdem antenat u ż-żiemel ta’ żmienna għaddew sittin miljun sena ta’ evoluzzjoni. Maż-żmien evolvew żewġ razez ta’ PONIJIET (sing. Poni; Ing. pony), u żewġ razez ta’ żwiemel. Il-bniedem ħallat dawn l-erba’ razez biex minnhom nissel it-tipi differenti ta’ żwiemel li għandna llum.

Dan il-kapitlu deher oriġinarjament bħala parti mill-ktieb “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni” ta’ Ġużi Gatt.

LAĦAM IL-KELB jew QABIL ID-DEBB  (Equine Species)

Il-bniedem ħallat ukoll il-kuluri tal-ġilda biex nissel żwiemel b’lewn wieħed mhux bħall-ieħor. Għandna iż-żiemel ĦARRUBI (black-brown); AĦMAR QROLLI (brown); BELLUMI (bay); QASTNI (chestnut); ISFAR (palamino); ISFAR ĠLUDI (cream); LENKIENI jew minn lewn it-te bil-ħalib (dun); ĠINĠRI (skewbald); IXHEB (grey); WIŻGĦI (dappled grey, il-kelma tinqara “wiżaj”); STURNELL (roan); BAQRI (piebald); STROMBLI jew b’tikek suwed u vjola fuq l-abjad (spotted) Dan hawn min jgħidlu “dubbieni”. Meta żiemel ikun ta’ lewn skur imma bl-erba’ saqajn, minn irkobbtu ‘l isfel, bojod, dan jissejjah KALZETTIER.

Hawn żwiemel li għalkemm ikunu ta’ lewn skur, ngħidu aħna ħarrubi jew qastni, jkollhom tebgħa bajda tul wiċċhom. Żiemel hekk bil-Malti jissejjah FAĊĊOL (white faced). It-tebgħa bajda tvarja fil-kobor u ż-żiemel jista’ jkun faċċol wiesa’ jew faċċol irqiq. Xi kultant kulma jkun hemm tkun bħal tikka bajda fuq ġbin iż-żiemel bejn l-għajnejn. Bħal dak jgħidulu BIL-KEWKBA. Fil-biċċa l-kbira, il-ħabba ta’ għajn iż-żiemel tkun sewda jew kannella skura. Imma ġieli tkun qisha trasparenti jew inkella kaħlanija. Iż-żiemel ikollu GĦAJNU ŻERQA (wall-eye) u ġieli din tkun waħda biss mit-tnejn.

Iż-ŻIEMEL (pl. żwiemel) hu r-raġel tad-DEBBA (pl. dwieb). Il-frieħ tagħhom huma l-MOHOR u l-MOHRA (pl. mohrien).

Iż-żiemel JIŻHER (to neigh), u JONFOR (to be skittish). Iż-żiemel ISUL fuq saqajh ta’ wara, jew JIPPINNA (to rise on it’s hind legs). Iż-żiemel JAGĦTI BIŻ-ŻEWĠ meta JISFERRA (jisfratta). “Iż-żewġ” huma ż-żewġ saqajn ta’ wara. Imma iż-żiemel ġieli jagħti b’saqajh ta’ quddiem. Dak ikun qed JAGĦTI BIL-ĦARTA.

Il-ħoss tat-taħbit ta’ saqajn iż-żiemel ma’ l-art jgħidulu “tqawqib” – Iż-żiemel IQAWQEB. Iż-żiemel jista’ jiġri b’xeħtiet differenti; ngħidu aħna jista jiġri BIT-TROTT. B’dix-xeħta ż-żiemel jitfa’ saqajh bl-istess mod li bih jiġri l-bniedem. Waħda minn saqajh ta’ quddiem tkun tmiss ma’ l-art u l-oħra merfugħa mill-art. U l-istess b’saqajh ta’ wara; waħda ma’ l-art u l-oħra merfugħa, imma dejjem bil-kontra ta’ kif jimxu s-saqajn ta’ quddiem. Allura tiġi ġirja b’żewġ taħbitiet. F’IN-NOFS GALOPP (cantering), sieq waħda ta’ quddiem u s-sieq ta’ kontra tagħha fuq wara, jaħbtu ma’ l-art flimkien, u t-tnejn li jifdal jaħbtu waħda wara l-oħra biex tiġi ġirja bi tliet taħbitiet. Il-GALOPP, jixbaħ lin-nofs galopp imma l-erba’ saqajn jaħbtu ’ ma’ l-art waħda wara l-oħra biex tiġi ġirja ta’ erba’ taħbitiet.

Meta żiemel ikun qed jiġri f’tiġrija tal-galopp (ngħidu aħna) u f’daqqa waħda iż-żiemel jibdel il-pass u jibda jiġri mod ieħor u mhux skond it-tiġrija, ngħidu li ż-żiemel QALEB . Żiemel li jaqleb ikun skwalifikat mit-tiġrija. Jista’ jagħti l-każ li ż-żiemel jaqleb il-ġirja għal ftit sekondi biss, jiġifieri jkun qed jiġri bit-trott, ngħidu aħna, imma xi kultant jisraq waħda bil-galopp. F’dak il-każ ngħidu: żiemel JINĦARAB. Meta ż-żiemel jitħalla jiġri kif irid, imbasta jiġri kemm jiflaħ, ngħidu li ż-żiemel qed ILEBBET. Hawn tiġrijiet TA’ LBIT fejn iż-żiemel jiġri bis-SERKIN, jiġifieri jinsaq minn fuq karettun żgħir u ħafif li jissejjah “serkin”; u hawn tiġrijiet ta’ lbit fejn iż-żiemel jinsaq minn ġerrej riekeb FUQ ID-DAHAR u ż-żiemel jitħalla jiġri kemm jiflaħ u kif irid. Meta jkunu bis-serkin tiġrijiet bħal dawn jissejjhu bl-Ingliż go as you please, u meta jkunu tiġrijiet fuq id-dahar jissejħu flat races. L-Awstralja jagħmlu tiġrijiet fejn iż-żwiemel jiġru BIT-TĦERWILA. Bl-Ingliż jgħidulhom pacers. Iż-żwiemel ikollhom iċ-ċineg marbutin ma’ saqajhom b’mod li meta jiġru ż-żwiemel iġibu saqajhom ta’ wara iktar ’il quddiem minn saqajhom ta’ quddiem.

Iż-żiemel IBEGĦLEN – joħroġ il-LGĦAB minn ħalqu (to froth at the mouth).

Iż-żiemel jilbes in-NAGĦAL (horseshoe). Dak il-ħaddiem li jniegħel iż-żiemel, jiġifieri jlibbsu n-nagħal, jissejjah ukoll in-NAGĦAL (farrier) għalkemm il-kelma trid tippronunzjaha (u suppost anke tiktibha) qisek għandek żewġ għajnijiet u mhux waħda.

Meta jkun fis-selvaġġ iż-żiemel iqatta’ l-parti l-kbira ta’ ħinu jirgħa, jimxi biss biex ifittex mergħat ġodda. Imma l-bniedem iġiegħel iż-żiemel jagħmel ħafna xogħol u jimxi u jiġri fit-tul, ħafna drabi fuq art iebsa. Saqajn iż-żiemel ma kinux jifilħu għal dan kieku l-bniedem ma vvintax in-nagħal biex ixiddu f’sieq iż-żiemel, jew aħjar, fuq id-DIFER (hoof) li kull żiemel għandu f’tarf siequ. Id-difer hu importanti immens għaż-żiemel u jrid jinqata’, jitnaddaf u jitniegħel sewwa. Min hu tas-sengħa jista’ jara fid-difer il-qagħda ta’ saħħet il-bhima; u nagħal imqiegħed ħażin iġiegħel il-bhima tbati u jispiċċa biex jgħarraqha.

FAĦAL hu żiemel ta’ l-għalla (stud) li jintuża għar-refgħa, jiġifieri jitlaqqa’ mad-debba biex jgħammarha u jżid ir-razza. L-istess kelma tintuża wkoll għall-ħanżir ta’ l-għalla. Bil-kuntrarju, iż-żiemel jista’ jiġi kkastrat (castrated). Dan jissejjaħ żiemel IMSEWWI jew MOĦSI (gelding). Ħafna miż-żwiemel tat-tiġrija huma ta’ dat-tip.

Il-ĦMAR hu r-raġel tal-ĦMARA (pl. ħmir). Il-frieħ tagħhom huma l-FELU u l-FELWA (pl. fliewi). Il-ħmar JINĦAQ (to bray), JAGĦTI BIŻ-ŻEWĠ, u JQAWQEB.
Il-bniedem ġieh f’rasu li jlaqqa’ żiemel ma’ ħmara, jew ħmar ma’ debba. Żiemel u ħmara, jew ħmar u debba jagħmlu BAGĦAL (pl. bgħula). BAGĦAL BIN IL-ĦMARA (gennet, hinney) ikun FAQMI, jiġifieri jkollu x-xedaq ta’ taħt joħroġ aktar ‘l barra mix-xedaq ta’ fuq. BAGĦAL BIN ID-DEBBA (mule) ma jkunx faqmi, u jkun isbaħ. Tiftakruh il-qawl “Jurik id-debba u jqabbiżlek il-ħmara”? Dan jingħad għal meta xi ħadd jurik li l-ħaġa ġejja mod, imbagħad meta tixtriha, jew tikriha, jew tikkommetti ruħek, ssib li l-biċċa kienet mod ieħor. In-nisel ta’ dan l-għidut ġej mill-fatt li meta jlaqqgħu żiemel ma’ ħmara, iż-żiemel x’aktarx li ma jimpressjonax ruħu bil-ħmara. Iridu juruh debba biex jiċċaqlaq! Meta jkun ra d-debba u jkun beda jinteressa ruħu, iqabbżulu l-ħmara biex iservi lilha!

Il-moħriet taż-żewġ (kien) jintuża meta l-ħrit isir b’żewġ bhejjem. Miegħu kont trid il-madmad. Il-biċċa kienet issir hekk: Tqiegħed il-madmad fuq għonq il-bhejjem; keffa fuq għonq bhima waħda, u l-keffa l-oħra fuq għonq il-bhima l-oħra. Iddawwar il-maħanqa b’mod li għonq il-bhima jintrabat bejn il-keffa u l-maħanqa. Iddaħħal il-moħriet taż-żewġ bejn il-bhejjem u tgħaddi dik il-parti li tissejjah “id-debba” minn ġox-xbejju. Ix-xbejju jkun qisu nagħla ta’ żiemel imma ta’ l-injam, u jkun marbut mal-madmad b’biċċa siegla rqiqa mdawwra xi ħames jew sitt dawriet u li tissejjah “ix-xriek”. Iż-żewġt itruf tax-xbejju ma jmissux ma’ xulxin imma jkollhom siegla oħra rqiqa mdawra magħhom b’mod li tagħlaq id-dawra. Id-debba jkollha tliet toqbiet li jissejjhu “t-toqob tal-ħaliel” u li jkunu waħda wara l-oħra biex bihom tkun tista’ tiġi fil-qies li trid. Iddaħħal bħal musmar kbir ta’ l-injam li jissejjaħ “il-ħaliel” minn waħda mit-toqob dritt għal ġos-siegla li tkun marbuta max-xbejju. Hekk, il-moħriet jintrabat mal-madmad permezz tad-debba marbuta gox-xbejju, u l-bhejjem jiġbdu kollox magħhom.

Fil-madmad hemm żewġ toqob imsejjħa “ta’ l-għekejjes” jew “ta’ l-għekies” li jkunu waħda kull naħa. Ħabel irqiq, li jissejjaħ il-BIQA, jintrabat ma’ ras kull bhima u jgħaddi minn toqba minnhom. Il-ħabel jinżamm f’id il-ħarrat, biex jekk il-bhima toqgħod iddawwar rasha jew ma tiġbidx dritt, il-bidwi jkun pront irażżanha.

IL-QŻIEQEŻ (Swine)

Jekk tħalli barra t-tiġieġ u l-fniek, għandek issib li l-iktar li jħobb irabbi r-raħħal Malti huma l-qżieqeż. F’Malta hawn biżżejjed minnhom biex, għall-biċċa l-kbira tas-sena, u jekk ma jinqala’ xejn, ma jkollniex għalfejn nimpurtaw MAJJAL (pork). Il-ħanżir jew qażquż jagħtina x-xaħam, il-bejken, il-perżut, u z-zalzett. Mix-xagħar jew LANŻIT (bristles) tiegħu jagħmlu l-pniezel għall-pittura; għadmu jitħnuh u jużawh bħala fertilizzant; u mill-ġlud tal-qżieqeż jagħmlu mitt ħaġa.

X’aktarx li l-ħanżir kien wieħed mill-ewwel bhejjem li beda jrabbi l-bniedem, għalkemm li dan x’aktarx li ma seħħx l-ewwel fl-Ewropa imma fl-Asja. Fit-tempji Neolitiċi ta’ Malta teżisti mill-inqas xbieha waħda ta’ ħanżira tredda’ l-frieħ. Il-ħanżir ta’ żmienna hu mnissel mill-ħanżir selvaġġ li kien jeżisti n-naħa taċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja, u l-Ewropa. Bil-Malti, il-ħanżir selvaġġ jissejjaħ ĦALLUĠ (wild boar).

Il-kelma ĦNIEŻER (swine) għandha tintuża kemm għall-annimali li jrabbi l-bniedem, u anke għal dawk slavaġ. Hekk, il-ĦALLUĠ hu ħanżir. Il-kelma QŻIEQEŻ (hogs) tingħad għall-ħnieżer domestikati u mrobbija għall-qatla.

Il-ĦANŻIR (boar pig) hu r-raġel tal-ĦANŻIRA (sow). Il-frieħ tagħhom jgħidulhom DRIEFEĠ (piglets, suckling pigs) u kollha flimkien jissejħu GĦALLA driefeġ (litter). Meta d-driefeġ jinfatmu, jiġifieri ma jibqgħux jerdgħu minn ommhom, jissejhu DRIEFEĠ TAL-FTAMA (weanling pigs). Il-kelma FAĦAL tintuża wkoll għall-ħanżir ta’ l-għalla li jintuża għar-refgħa (boar).

Il-ħanżir IĦAMĦAM (to grunt).

Il-laħam tal-ħanżir jew qażquż jissejjah MAJJAL (pork). Il-majjal għandu l-vantaġġ li tista’ tmellħu u taħżnu fit-tul biex issibu meta jkollok bżonnu.

MIKLEM

Equine Species Laħam il-Kelb/Iż-Żwiemel
   
Horse Żiemel
Mare Debba
Colt Mohor
Filly Mohra
To neigh Jiżher
To rear up Isul/Jippinna
To froth Ibegħlen
Horseshoe Nagħal
Farrier In-Nagħal
Stud Faħal
Gelding Żiemel Moħsi/Imsewwi
Pony Poni’
   
Forelock Toppu/frenża
Mane Xuxa/Frenża
Withers Gerriesa
Croup Ingroppa
Dock Il-Polz tad-denb
Tail Denb
Gaskin Xikel
Hoof Difer
Chestnut Għajn
Muzzle Xoffa
Fetlock L-Għarqub
Height L-Għoli
Girth Il-Qadd
   
Trotting Bit-trott
Cantering Nofs galopp
Gallop Galopp
Flat races/  
On horseback Fuq id-dahar
Go as you please Tal-lbit
   
Bay Bellumi
Brown Aħmar qrolli
Black-brown Ħarrubi
Chestnut Qastni
Cream Isfar ġludi
Dun Lenkieni
Dappled grey Wiżgħi
Grey Ixheb
Palamino Isfar
Piebald Baqri
Roan Sturnell
Skewbald Ġinġri
Spotted Strombli        
White faced Faċċjol
Wall-eyed Għajnu żerqa
   
Donkey Ħmar/a
Foal Felu/Felwa
To bray Jinħaq
Mule Bagħal (bin id-debba)
Gennet/hinney Bagħal (bin il-ħmara)
Free-martin Erħa tewmija ma’ għoġol
Ass Ħmar tal-barr
   
Trush Ħmewwa

 

 

Swine Ħnieżer
   
Male pig Ħanżir
Female pig Ħanżira
(Boar) Pig Faħal
Rearing pig Ħanżir tat-Trobbija
Fattening pig Ħanżir/ħanżira tas-simna
Gilt Ħanżira ta’ qabel ir-Refgħa
Sow Majjala tal-Ksiba
Mating sow Majjala tar-refgħa
Gestating sow Majjala tqila
Forrowing sow Majjala tas-sejba
Dry pregnant sow Majjala tqila ta’ wara l-ħalib
Piglet / Suckling pig Derfuġ
Weaner Qażquż tal-Ftama
Piglet (after weaning) Qażquż
Hog (Ħanżir imsewwi) Ħasi (Ħanżir)
(Wild) Boar Ħalluġ
Litter Għalla
To grunt Iħamħam
Pork Majjal

 

At the Butcher’s Għand tal-Laħam
   
Leg/Shin Xikel/ġarretta
Round L-Għolja tal-koxxa
Top Rump It-Taħrika ta’ ġewwa
Aitchbone Il-Baxxa tal-koxxa
Rump Ramp
Sirloin Il-Mixwi
Flank/Plate Il-Falda
Thin flank Il-Falda l-baxxa
Thick flank Taħrika
Forerib/Six rib Il-Kustilja l-maġġura
Brisket Sidra
Middle Rib/three rib Il-Kustilja tan-nofs
Chuck Il-Kustilja tal-kozz
Foreshin Il-ġarretta ta’ l-ispalla
Neck and clods/Clods and L-Għonq
sticking piece  
   
Incisor Sinna
Canine Nejba
Molar Darsa
Jaw Xedaq

 

Harness of a horse Ix-Xedd
   
Bridle Kappestru/ir-Ras.  Jekk ikun bin-nuċċali jgħidulu t-Tastiera.
Blinkers Nuċċali
Reins Riedni
Collar Maħanqa
Pad Buq
Sidecheck Mullatura
Breast-piece Sidra
Girth Ħżiem
Balancing strap/  
belly-band Sittapanza
Tugs Katanjoli
Traces Taranti
Hames Clip Ċappatura
Crupper Kudiera
Breeching Dafan/Braga
Loin/Quarter strap Bafaf
Cross strap Salib
Buckle on breeching strap  Refgħa
Rein terret/pad ring Muftieħ
Bit Brilja
   
Saddle Sarġ
Sulky Serkin
Stirrup Staffa
Cart Wheel Ir-Rota tal-Karrettun
   
Cotter pin Il-Pern
Collet Il-Boxxla
Axle Arm Il-Fus
Nave Il-Buttun
Spoke Il-Magħżel
Felloe Il-Gulvu

(C) Ġużi Gatt