F’din is-sensiela ta’ artikli qed naqbdu, wieħed wieħed, mal-karattri tal-fantasija li għandna fl-ilsien Malti, u nagħtu t-tagħrif kollu li nafu fuqhom, ħalli dawn il-karattri ma jintremewx u jintnesew, imma jibqgħu magħna għax huma wirt missirijietna.  Barra minn hekk qed nagħtu biżżejjed dettalji biex il-karattri jkunu jistgħu jitpenġew b’mod li nagħrfu wieħed minn ieħor, bħalma nagħrfu bejn Father Christmas u La Befana, u dan billinagħtu lil kull karattru s-simbolu tiegħu, li jkun jingħaraf minn dak ta’ karattru ieħor.  Il-ħsieb tagħna fissirnieh aktar ċar fl-introduzzjoni għal dan il-proġett, li wieħed jista’ jsibha HAWN. Dan l-artiklu fuq l-Ors tal-Gandlora hu t-tielet wieħed fis-sensiela, imma hu importanti ħafna li jinqara flimkien mal-artiklu li deher qablu: l-artiklu fuq il-Gawgaw.  Inħossu li hemm rabta bejn il-Gawgaw u l-Ors tal-Gandlora kif nittamaw li nispjegaw fil-kitba tagħna.  L-artiklu fuq il-Gawgaw tistgħu ssibuh HAWN

Kitba ta’ Ġużi Gatt.

L-ORS TAL-GANDLORA

L-istorja tal-Ors tal-Gandlora l-aħjar li nibdewha minn dan il-fatt: Manwel Magri, fit-tagħrif li ġabar fuq il-ħrejjef Maltin, jgħidilna li:

Il-Gewgew (Kewkew jew Kawkaw) joħroġ f’Lejlet il-Milied, f’nofsillejl: jekk isib mustaċċih miblula, jgħid “Ix-xitwa għaddiet; jekk isibhom nexfin, jgħid “Ix-xitwa għada ġejja”.[1]

Il-problema hi li skont kittieba oħra, bħal Anton F. Attard u Ġuże Cassar Pullicino, dawn il-kelmiet, jew xi ħaġa bħalhom, jgħidhom l-Ors tal-Gandlora u mhux il-Gawgaw.[2] Isimgħu ftit il-biċċa kif inhi:

Il-festa tal-Gandlora taħbat fit-tnejn ta’ Frar.  Fil-lejl ta’ bejn l-ewwel u t-tnejn ta’ Frar, dejjem skont il-ħrejjef u l-folklor, ors kbir u tal-biża’ joħroġ minn ġewwa għar mudlam li hemm moħbi wara l-għolja ta’ Gelmus qrib ir-Rabat t’Għawdex.  Meta jqum fuq saqajh ta’ wara u jerfa’ rasu ‘l fuq, l-Ors tal-Gandlora jkun kbir tant li jserraħ sieq waħda fuq is-swar taċ-Ċittadella, u l-oħra fuq l-għolja ta’ Gelmus li tiġi biswitha.   Wara li jittewweb u jitmattar, l-Ors jerħilha bil-lajma, b’dak il-pass tqil tiegħu, lejn it-toroq dojoq tar-Rabat t’Għawdex.  Iħares ‘l hinn u ‘l hawn, u b’imnifsejh ixammem l-arja ta’ madwaru.  F’kull kantuniera u f’kull misraħ, imiss mustaċċih.  Jekk isibhom niexfa jgħid li x-xitwa għadha ġejja; u jekk isibhom miblula u niedja bl-ilma, jgħid li x-xitwa għaddiet.  In-nies tar-Rabat t’Għawdex jaraw li fil-lejl ta’ bejn l-ewwel u t-tnejn ta’ Frar, jagħlqu l-bibien u jitbqu t-twieqi sewwa, ħalli l-Ors tal-Gandlora jibqa’ għaddej minn quddiem djarhom u ma jagħtihomx fastidju.

Ħafna mill-ħlejjaq tal-fantasija li jinsabu moħbija f’ilsienna u fi ħrejjef il-poplu huma ta’ nisel Semitiku – ġejjin minn ġidd qadim ħafna fl-istorja ta’ Malta.  Imma l-Ors tal-Gandlora ġej minn kuntatt aktar reċenti mal-kultura Ewropea.  Ħrejjef li jixbħu l-ħrafa tal-Ors tal-Gandlora jeżistu f’ħafna pajjiżi, imma karattru eżatt bħalu u bl-istess isem hu magħruf ukoll fil-Piemonte: L’orso della Candelora.

In-nies li jgħixu fil-postijiet kesħin li hemm iktar ma titla’ ‘l fuq fl-Ewropa, iqattgħu tul ta’ żmien bla ma jaraw ix-xemx; bl-ajru dejjem sewdieni u mudlam.  Ikunu mixteqin minn daqsxejn dawl u minn ftit temp bnazzi, u xi wħud minnhom, bid-dwejjaq li jaqbduhom minħabba d-dlam u l-ksieħ, jagħtuha għax-xorb, is-sokor, u d-dipressjoni.  L-annimali ta’ madwarhom ukoll idabbru rashom f’xi għar biex jistkennu mis-silġ u l-inġazz tax-xitwa.  Il-Gandlora taħbat nofs triq bejn is-27 ta’ Diċembru, li fih ikollna l-itwal lejl tax-Xitwa, u l-21 ta’ Marzu, li jimmarka l-bidu tar-Rebbiegħa.  Kemm l-annimali kif ukoll in-nies li jgħixu fil-bard u l-inġazz ikunu kurjużi biex ikunu jafu l-ksieħ kemm se jdum ma jintemm, is-sema meta se jisħa, u x-xemx kemm baqgħalha biex terġa’ tibda tidher u ssaħħan.

Fir-Renju Unit, il-Gandlora tissejjaħ Candlemas, u fil-folklor Ingliż hemm ukoll din it-taqbila li turi li l-ħrafa tagħna għandha għeruqha fil-pajjiżi kesħin tal-Ewropa:

If Candlemas Day is clear and bright,

winter will have another bite.

If Candlemas Day brings cloud and rain,

winter is gone and will not come again.[3]

Ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerika, f’nhar il-Gandlora tiġi ċċelebrata dik l-okkażjoni magħrufa bħala Groundhog Day.  Il-groundhog (marmota monax) hu annimal li għandu ħafna mill-fenek.  Bil-Malti jista’ jissejjaħ “marmut”.  Billi jgħix fil-pajjiżi kesħin, il-marmut iħobb jgħawwar fil-ħamrija biex jidħol jgħix taħt l-art.  Jagħmel ix-xitwa kollha rieqed, u jerġa’ joħroġ minn postu meta l-ksieħ ikun għadda. L-ikbar ċelebrazzjonijiet ta’ Groundhog day isiru fil-belt ta’ Punxsutawney, fl-istat ta’ Pennsylvania.  Eluf ta’ Amerikani joħorġu minn djarhom biex jaraw is-sindku ta’ belthom joħroġ marmut minn ġewwa qafas magħmul apposta, u jerfgħu f’idu.  Jekk, meta jkun f’id is-sindku, il-marmut jara d-dell tiegħu mal-art – u dan jiġri għax ix-xemx tkun tiddi fis-sema – ikun ifisser li x-xitwa jkun baqgħalha sitt ġimgħat oħra.  Jekk il-marmut ma jarax dellu mal-art, għax it-temp ikun imsaħħab jew ċlampu, dak ikun ifisser li x-xitwa għaddiet, u r-rebbiegħa dik is-sena tkun se tibda kmieni.

Dawn huma kollha stejjer li jixbħu l-fatt li fil-ħrafa tagħna, l-Ors tal-Gandlora jmiss mustaċċih biex jara humiex niexfa jew miblula.  Ma nafux kemm din il-ħrafa hi qadima fostna.  Jidher li l-iktar li hi magħrufa hu fil-gżira t’Għawdex.  Jista’ jkun li t-twemmin imur lura sal-Medju Evu bikri, mill-kuntatt li Malta kellha mal-belt ta’ Ġinwa (Genoa) fl-Italja ta’ Fuq.  Ġinwa hi qrib ħafna tal-Piemonte, fejn għidna li jafu bl-Orso della Candelora. Jew forsi (u aħna naħsbu li x’aktarx hekk hu) l-istorja tal-Ors tal-Gandlora daħlet f’Malta aktar tard, x’aktarx fi żmien il-Kavallieri.[4]  Fl-jum tal-Gandlora, il-kappillani tal-parroċċi kollha ta’ Malta kienu marbutin li jmorru l-kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt, u jagħtu  xemgħa, msejħa x-Xemgħa tal-Gandlora, lill-Gran Mastru b’sinjal ta’ sottomissjoni lejh.  Din ix-xemgħa baqgħu jagħtuha anke lill-Gvernaturi Ingliżi li ġew wara l-Kavallieri.

Imma li jinteressana l-aktar hu l-għala ċerti affarijiet li jagħmilhom l-Ors tal-Gandlora ġieli ntqalu fuq il-Gawgaw.  Mhux għaġeb li l-istorja tal-Ors tal-Gandlora tħawdet ma’ dik tal-Gawgaw.  Qabel ma l-Maltin u l-Għawdxin semgħu, mingħand il-barranin, x’jagħmel l-Ors li jgħix fil-pajjiżi kesħin ‘il fuq minna, kien il-Gawgaw li smajna dwaru fuq ħoġor ommna li kien joħroġ jiġġerra fit-toroq fil-festa tal-Gandlora u jmiss mustaċċih – u dan tikkonfermahulna l-kitba ta’ Patri Manwel Magri li semmejna aktar ‘il fuq.  Imma fl-artiklu tagħna fuq il-Gawgaw (li deher qabel), semmejna r-rabta li dan il-karattru għandu ma’ dik il-kewkba li l-Maltin ta’ dari wkoll kienu jafuha bl-istess isem: “il-KAWKAW”.  L-isem uffiċċjali ta’ din il-kewkba hu Alpha Carinae.  Il-Kawkaw tidher fis-sema ta’ Malta billejl għax jirnexxielha tixref rasha ‘l fuq mix-xefaq fid-direzzjoni tan-Nofsinhar.  Lil dil-kewkba jarawha wkoll pajjiżi li qegħdin iktar ‘l isfel minna – jiġifieri fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani; imma ma tidhirx minn pajjiżi iktar ‘il fuq minna – lanqas mill-Greċja, aħseb u ara minn pajjiżi aktar kesħin u aktar ‘l fuq.   Imma f’dawk il-pajjiżi fejn tidher, l-aħjar żmien biex jirnexxilek tilmaħ din il-kewkba fis-sema hu bejn bejn Diċembru u Frar.  F’Diċembru għandna l-Milied, u fi Frar għandna l-Gandlora.  Bl-istess mod li l-Gawgaw kien jissemma fil-Milied, kien jissemma wkoll fil-Gandlora, jiġifieri fil-bidu u fit-tmiem tal-aħjar żmien biex tara l-kewkba tiegħu fis-sema.  Biż-żmien, l-istorja tal-Gawgaw tgerfxet u tħawdet.  Baqgħet it-tifkira mċajpra tiegħu marbuta mal-Milied, imma fit-tarf l-ieħor tal-istorja, indaħal fin-nofs l-Ors tal-Gandlora, li ġie minn barra.

Ir-reliġjonijiet Pagani tal-qedem kienu jsegwu ċ-ċiklu tal-istaġuni u l-mixja tat-temp.  Tajjeb jew ħażin, kellhom il-fehmiet tagħhom ta’ meta jibda s-Sajf, u ta’ meta tibda x-Xitwa, ir-Rebbiegħa u l-Ħarifa.  Il-bidu ta’ kull staġun kien immarkat b’festi kbar.  Il-Knisja Nisranija rat kif għamlet biex ħadet dawn il-festi taħt ġwenħajha, u flokhom qiegħdet il-festi ta’ San Ġwann tal-Ħġejjeġ, tal-Milied, tal-Għid il-Kbir, u ta’ Santu Kruċ, jew il-festa tas-Salib Imqaddes.  Li ma tantx hu magħruf hu l-fatt li l-festi Pagani kienu jsiru anke nofs triq bejn staġun u ieħor.   Il-festa tal-Gandlora tiġi eżatt nofs triq bejn il-bidu tax-Xitwa u l-bidu tar-Rebbiegħa.  Nofs triq bejn ir-Rebbiegħa u s-Sajf niċċelebraw l-Ewwel ta’ Mejju u nduru mal-arblu.  Nofs triq bejn is-Sajf u l-Ħarifa aħna għandna l-festa ta’ Santa Marija, li taħbat preċiż mal-Ferragosto tat-Taljani.  Il-Ferragosto ġej mill-Feriae Augusti, festa qadima li tiċċelebra l-mistrieħ mill-ħsad u l-ġbir tal-għelejjel tar-raba’.[5] Festa oħra importanti kienet dik li tiġi nofs triq bejn il-Ħarifa u x-Xitwa.  F’dak iż-żmien niċċelebraw l-Għid tal-Erwieħ, jew l-Għid tal-Imwiet, jew issa Halloween, li wkoll hu lejl li fih jiġġerrew ħafna spirti fit-toroq.

Lil Gawgaw tagħna, u lill-Ors tal-Gandlora nistgħu ingawduhom it-Tnejn.  Il-Gawgaw jagħmel man-naħa Semitika, għażiża u qadima fi lsienna, u nistgħu ingawduh fil-Milied, u l-Ors tal-Gandlora ġie minn barra, x’aktarx mill-Italja, u nistgħu niftakru fih fit-2 ta’ Frar.

Ix-xewqa tagħna hi li nkunu nistgħu inpenġu l-karattri kollha li għandna b’mod li karattru jkun jintgħaraf minn ieħor.  Fl-artiklu ta’ qabel issuġġerejna kif għandu jitpenġa l-Gawgaw.  La pinġejna lill-Gawgaw nistgħu inpenġu l-Ors tal-Gandlora wkoll.  Imma kif se npenġuh?

Ors jibqa’ dejjem ors; u meta jqum fuq saqajh ta’ wara ma jridx wisq biex ibeżża’ n-nies.  Għall-ewwel ħsibna li nlibbsuh ukoll kurazza u xi armar ieħor tal-ġlied, biex ifakkarna fir-rabta tal-Gandlora mal-Kavallieri, u bis-saħħa t’hekk, ħarġu xi verżjonijiet sbieħ tiegħu.  Imma għaddielna wkoll minn rasna li l-Ors tal-Gandlora jista’ jibqa’ hekk kif inhu – Ors fl-istat naturali tiegħu.  Nistennew u naraw jekk is-soċjeta’ Maltija tinteressax ruħha li tippreferi xi wieħed minnhom.  L-importanti hu li bħala s-simbolu tiegħu jkollu l-linja tax-xefaq (skyline) taċ-Ċittadella t’Għawdex, u jkun jidher tant kbir li qisu għandu sieq waħda fuq l-Għolja ta’ Gelmus, u l-oħra fuq is-swar taċ-Ċittadella.

F’idejkom jekk taħsbu li għandkom il-ħila li tpenġu xi ħaġa aħjar minn tagħna:

Nerġgħu nfakkrukom li biex tifhmu aħjar x’qed nippruvaw nagħmlu f’dan il-proġett, importanti li taqraw kemm l-introduzzjoni li tistgħu issibuha HAWN, u l-artiklu fuq il-Gawgaw, li qiegħed HAWN.

L-Ors tal-Gandlora: Verżjoni tal-artist bravu Eric Leone

L-istatwetta ta’ Richard Bartolo.  Dawn l-istatwetti għenu immens biex stajna nikkomunikaw mal-artisti l-oħra x’kellna f’rasna u xi xtaqna npenġu.  L-istatwetti huma ħelwin ħafna, huma xogħol tassew fin, u se jibqgħu bħala rikordju dejjiemi ta’ dan il-proġett.  Ir-ritratti ttieħdu minn John Spiteri Gingell.

L-Ors tal-Gandlora: Verżjoni ta’ John Spiteri Gingell

L-Ors tal-Gandlora: Verżjoni ta’ Daniel Mercieca

L-Ors tal-Gandlora: Pittura tal-artist Joseph Bugeja

REFERENZI

[1] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, 581

[2 ]Attard, Anton F., Mid-Dinja tals-Seħer u l-Folklor, Għawdex, 2002, 35.  Ara wkoll x’qal Ġuże Cassar Pullicino fil-ktieb Studies in Maltese Folklor, paġna 180.  Anton F. Attard ukoll jattribwixxi l-istorja tal-mustaċċi nixfin jew miblula kemm lill-Qawqaw (paġna 119), u kemm lill-Ors tal-Gandlora (paġna 35).

[3] https://www.mamalisa.com/blog/candlemas-and-groundhog-day-on-february-2nd/

[4 ]Fl-24 ta’ April, 1944, A. Cremona ta taħdita fil-Laqgħa tal-Għaqda tal-Malti li saret f’dik li dak iż-żmien kienet L-Universita Rjali ta’ Malta.  Is-suġġett kien “Folklore u Lsien Malti”.   Ħin minnhom Cremona qal  hekk:  “Fi Sqallija, kif ukoll f’Malta, għad hemm il-qawl li jgħid li jekk fil-Kandlora ma jberraqx u ma jriegħedx, ix-xitwa hija barra, iżda jekk iberraq jew iriegħed ix-xitwa għandha 40 ġurnata oħra.  Dan it-twemmin li jagħmel mat-temp tal-istaġun tax-xitwa u mad-dewmien tiegħu fil-pajjiżi tal-Ewropa tan-Nofs insibuh ukoll f’xi pajjiżi tal-Italja, Franza u Spanja, u għalhekk, iktar u iktar f’Malta fejn il-qawl Sqalli magħmula minn strofa ta’ ħames versi, f’Malta tħassar u qsar b’mod li fil-ħalq tal-poplu ma nisimgħux ħlief il-bidu tal-istrofa bl-aħħar  kelmiet tat-tielet u r-raba’ vers, jiġifieri l-kelmiet:

Primalora, Kannilora, xitwa fora.

Primalora, Brasilora, “quaranta giorni ancora”

Din it-taħdita xxandret f’Leħen il-Malti, Nri. 158-160 u Nri. 161-162 tal-1944.

[5]https://en.wikipedia.org/wiki/Ferragosto

(C) Ġużi Gatt