Għandna l-fehma li fil-folklor Malti, fost l-iktar ikkulurit u li jirkaċċa fuq l-oħrajn hemm dak kollu li hu marbut mal-għerusija u ż-żwieġ.  Biss, għall-fini ta’ din il-kitba, se nkunu speċifiċi fuq żewġ aspetti partikolari: l-ISPONSALI u d-DISPENSA PONTIFICIA.  Fi kliem sempliċi, l-isponsali hu meta l-għerusija tieħu forma uffiċjali.  L-isponsali pprattikat minn żmien fil-gżejjer tagħna kien dak fuq stil vulgarment imsejjaħ Grieg jew Ruman kif appuntu nsibu f’Kitba taż-Żwieġ partikulari ddatata 24 ta’ Jannar, 1834[1].

Kitba ta’ Toni Calleja.

Mir-riċerka li għamilna, l-aktar f’dawk li huma ċitazzjonijiet ittrattati quddiem il-Qrati tagħna fis-seklu dsatax (1801-1900) u għoxrin (1901- 2000) jidher li kien hemm aktar minn mudell wieħed ta’ sponsali.  Kien hemm dak l-isponsali li jsir bil-kitba quddiem l-isqof tad-djoċesi, il-kappillan tal-parroċċa, jew quddiem żewġ xhieda.  Jekk xi ħadd mill-għarajjes ma jkunx jaf jikteb, jitniżżel dan bil-miktub u jiżdied xhud ieħor.  Skont liġi antika tal-Knisja, min bla ebda raġuni valida kien jikser l-isponsali, kien jagħmel dnub u moralment ikun obbligat jikkumpensa lill-parti l-oħra għad-danni sofferti[2].

Maż-żmien flok għand l-isqof jew għand il-kappillan, in-nies bdiet tmur  għand nutar biex jagħmlu l-hekk imsejħa Kitba taż-Żwieġ.  Min ma tantx kellu boqxiex għall-ħala, jew li minħabba l-faqar ftit li xejn kellu x’jikteb, l-isponsali – l-għoti tad-dota, kienet issir biss bil-fomm bejn missier l-għarusa, l-għarus, u l-ħuttab.  Imma jidher li aktar ma beda dieħel iż-żmien, ċirka dħul is-seklu XX, id-drawwa tal-Kitba taż-Żwieġ bdiet tmajna bil-mod il-mod.  Pereżempju, fi proċess ta’ kawża partikolari quddiem il-Qorti ta’ Għawdex fl-1904, naqraw li Toni u Pawla miżżewġin Borg: “were married without any instrument in writing according to the old custom of this country”.[3]

Intant, malli jsir il-ftehim, l-għarus, lill-għarusa kien jagħtiha ċurkett apposta li kien magħruf bħala iċ-ċurkett tar-rabta.  Fl-antik nett, fi żmien il-Kavallieri, dan iċ-ċurkett kien jikkonsisti f’żewġ idejn jidħlu f’xulxin, simboli tar-rabta li kellha sseħħ bejniethom, u kien jingħata f’ħalq ta’ ħuta prima.  Min-naħa tagħha, l-għarusa kienet tagħtih maktur tal-ħarir iddekorat.

F’xhieda li Toni Grima min-Nadur ta fil-Qorti ta’ Għawdex nhar l-Erbgħa, 21 ta’ Marzu 1900, f’kawża ta’ għerusija li sfumat fix-xejn, qal li meta ċerta tfajla bagħtet miegħu il-maktur lill-ġuvni ta’ qalbha, talbitu jgħidlu li hi kienet qed tibgħatlu dak il-maktur bħala l-għarus u bħala għelm ta’ “rabta” sħiħa b’mod li la hi u lanqas hu ma jkunu jistgħu iħassru.[4] F’każ ieħor, nhar il-ġimgħa 7 ta’ Ottubru 1870, Rożarja mart Frenċ Attard, mill-Għasri, xehdet li meta ċertu ġuvni mar f’dar ix-xebba, u aċċetta d-dota li wegħdu missierha, il-missier bagħat lil bintu ġġiblu l-fazzoletto e l’anello biex tagħtihomlu; it-tfajla offrithomlu, u l-ġuvni, allura issa l-għarus, aċċettahom u ħadhom b’idejh stess minn idejha.[5]

Mal-mogħdija taż-żmien, din il-formalita ma baqgħetx daqstant riġida.  Pereżempju ċ-ċurkett tar-rabta ħa forma aktar sempliċi; forma ta’ ħolqa, u l-ħuta sparixxiet.  L-istess il-maktur.  L-użanza ma baqgħetx li trid tkun bilfors l-għarusa li tagħti l-maktur tal-ħarir lill-għarus, iżda li minn xi daqqiet kien ikun l-għarus li jagħtih lill-għarusa.  L-importanti ma baqax min jagħti lil min, dment li l-parti l-oħra taċċetta.  U nifhem li seħħew ukoll żwiġijiet fejn ma sarx skambju ta’ mkatar…u ż-żwieġ irnexxa xorta.  L-għoti tal-maktur kien biss konswetudni; formalità folkloristika, li tillegalizza r-rabta u mhux l-għelm tal-vera mħabba.

Biss imbagħad kien hemm ukoll min jesaġera!  F’xhieda li Roża mart Mikiel Xerri min-Nadur tat fil-Qorti ta’ Għawdex nhar is-Sibt 21 ta’ April 1883, qalet li l-għarus lill-għarusa ġabilha żewġ imkatar bħala għelm tanġibbli tal-għerusija tagħhom.[6]  Miskin, fl-ewforija tiegħu, ried jiddimostra l-kobor ta’ mħabbtu bl-għoti tal-imkatar!  Ċertu Mikiel Cassar (1800-1856) mir-Rabat ta’ Għawdex, tant qala’ u ta mkatar tul ħajtu li baqgħatlu ta’ Seba’ Mkatar! (NAG, GM, 01/32, f.111)

Lejn tmiem is-seklu dsatax, ċurkett tar-rabta mill-komuni kien jiswa Ewro 1.75, waqt li l-maktur kien jiswa 23 ċenteżmu.[7]  Dawn l-għotjiet kienu juffiċjalizzaw l-għerusija, u jillegalizzawha.  Infatti, f’kawża għad-danni li Antonio Saliba għamel fil-Qorti Ċivili tal-Maġistrati ta’ Għawdex kontra Antonia Mangion, bint Toni miż-Żebbuġ – Għawdex, nhar it-2 ta’ April 1881, insibu hekk: “e specialmente quella di aver la citata contratto il-convenuto sponsali col domandante colla tradizione di un anello ed un fazzoletto simboli consuetudinari e caparra di siffatta contrattazione, e promesso di celebrar matrimonio con lo stessa”[8]

F’kawża oħra quddiem l-istess Qorti, nhar it-13 ta’ Ġunju 1894, ċertu Toni Grech, fix-xhieda tiegħu, fost l-aħrajn qal li: “Poco dopo la festa della skorsa Assunta (Santa Marija), Maria Camilleri (l-għarusa) venne in casa mia ove vi era Salvatore Grech (l-għarus) e mia sorella Carmela.  Maria disse a Salvatore: “Ma io non preferiro altri a voi, e voi non preferirete altri a me” e cosi dicendo gli consegna un anello ed un fazzoletto.  Salvatore Grech rispose: “io sono vostro a voi siete mio[9]

META L-GĦERUSIJA TFALLI

Meta għerusija tfalli kapriċċ ta’ xi waħda mill-partijiet, kiem hemm uħud li jeħduha li “hekk Alla għoġbu” u jirrassenjaw irwieħhom.  Biss kien ikun hemm oħrajn li tant jeħduha bi kbira li ma jkunux iridu jafu aktar bi żwieġ…almenu sakemm jinsew naqra d-disfatta għax imbagħad, naturalment, jerġgħu koppi!  Fl-1892, Wiġi Brincat bin il-mejjet Nikola xehed li waqt li ċertu ġuvni fil-preżenza tiegħu talab lix-xebba ta’ qalbu biex tagħtih il-“fazzoletto da sponsali”, irrispondietu li: “Fazzoletto non do ne a voi ni ad altri perche’ non voglio essere corbellata come gia la fui un altra volta”.[10]  Dit-tfajla mid-dehra kienu daħku biha u ma riditx terġa’ tingidem għax kif jgħidu l-Ingliżi: once bitten twice shy.

Imma mhux kulħadd hekk, lanqas…allaħares!  Ċerta Marija Micallef, imwielda r-Rabat t’Għawdex fl-1738, għaddiet erba’ darbiet minn taħt il-lampier.[11]  Possibli qatt ma tlewmet mal-ewwel, it-tieni, jew it-tielet raġel tagħha u fis-saħna tgħidlu li qatt iżjed ma terġa’ tintriga b’irġiel?  Safrattant iżżewġet erba’ darbiet: fl-1757 meta kien għad għandha biss 19-il sena; fl-1780; fl-1785, u l-aħħar darba fl-1804 meta ġa kienet għalqet is-sitta u sittin.[12]  Alla jbierek kemm kellha kummerċ!  Nażżarda ngħid li dil-mara għandha r-record tal-akbar numru żwigijiet f’Għawdex.  Ma’ każi ta’ nies li żżewġu tliet darbiet iltqajna ma’ numru konsiderevoli, imma li għamluha erba’ darbiet, iltqajna biss mal-każ ta’ Marija Micallef.

Intant, oħrajn, meta tfelqilhom l-għerusija kienu jagħmlu l-pass il-kbir…kienu jfittxu bil-Qorti għall-inġurja li tkun saritilhom.  Proprju eżatt mitt sena ilu, f’Ottubru 1913, fil-Qorti ta’ Malta, l-Imħallef Parnis, ikkundanna għarusa tagħti tliet ħabbiet (1/10 ta’ €0.02) lill-għarus talli ħassret iż-żwieġ.[13]  Kundanna ċuċata…imma din ma kinitx in-norma.  F’kawża quddiem il-Qorti ta’ Għawdex, Evanġelista Agius, mill-Għasri, kontra Lorenzo Attard, deċiża nhar is-17 ta’ Ġunju 1893, il-Maġistrat Cremona, ikkundanna lil-ġuvni biex jagħti £10 (€23.29) kumpens lit-tfajla u l-ispejjeż tal-kawża.[14]  U dak iż-żmien £10 kienu somma pjuttost kbira! Biex wieħed ikun jista’ jipparaguna, ngħidu biss li nhar l-1 ta’ Jannar 1874, mohor – wild iż-żiemel ta’ ċirka sena – bil-patt u l-kundizzjoni li b’saħħtu u li qatt ma sofra minn xi waħda mill-erba’ mardiet li jbatu minnhom il-bhejjem ta’ laħam il-kelb, inbiegħ €22.72.[15] Fl-14 ta’ Jannar 1893, is-sinjuri Giuseppe Bondi mill-Belt Victoria xehed quddiem il-Qorti ta’ Għawdex li f’Awwissu 1888 missieru xtara siegħ raba’ bil-binja li tmiss miegħu għall-prezz ta’ £34.6s.8d. (€79.35).[9]  Hekku ma kenux flus ukoll, £10, mija u għaxrin sena ilu!

ID-DISPENSA MATRIMONJALI

Biex koppja li jinħabbu jaslu biex jiżżewġu fil-knisja bir-rit tradizzjonali, riedu qabel xejn jgħaddu mill-eżerċizzju tat-tnedijiet.  Il-kappillan jew kappillani li minnhom ikunu ġejjin iż-żewġ għarajjes, f’isem il-knisja, għal tlett iĦdud fuq xulxin[16] kienu jniedu li għandu jsir it-tali żwieġ u javżaw li dawk kollha konxji minn xi impediment, taħt piena gravi, kellhom jersqu bih quddiem l-Awtorita’ Tagħha.

L-impedimenti taż-żwieġ huma diversi pero’ mhux il-lok li nidħlu fihom hawnhekk.  Biss hemm impediment partikulari li għalih tista’ titlob id-dispensa tas-Santa Sede: l-impediment tal-konsangwinita’.  Bil-liġi tal-knisja qraba tat-tielet sar-raba’ grad, allura kuġini u sekondi kuġini, ma jistgħux jiżżewġu, biss setgħu jitolbu Ruma u ġeneralment kienu jaqilgħu id-dispensa.

Jekk ikun il-każ, u d-Dispensa, jew Bolla Papali, minn Ruma ma tintalabx, iż-żwieġ kien jirrendi ruħu null, u meta jinstab li hu hekk, iż-żwieġ kien ikollu jerġa jiġi ċċelebrat mill-ġdid.  Fit-8 ta’ Ottubru 1777, Grazzja Zerafa ngħaqdet fis-Sagrament taż-Żwieġ ma’ Salvu Tabone, mix-Xagħra.  U tafu fejn iżżewġu? Malta, fil-Ħabs tal-Isqof.  Iż-żwieġ kien irreġistrat fil-Belt ta’ Vittoriosa; fil-Parroċċa tal-Birgu, fejn kien il-ħabs.  F’inqas minn sena wara nstab li dawn it-tnejn kienu konsangwini tar’raba’ grad bil-konsegwenza li kellhom jerġgħu jiżżewġu fir-raħal tagħhom tax-Xagħra nhar is-26 ta’ Ġunju 1778.  Mill-Ġuljana Masini kkonservata fl-Arkivju Nazzjonali ta’ Għawdex, it-tieni żwieġ li sar ix-Xagħra ma jidhirx irreġistrat fir-reġistri tal-parroċċa.[18]  Interessanti ngħidu li ftit qabel Salvu Tabone, fl-istess ħabs, nhar it-8 ta’ Novembru 1776, iżżewweġ ukoll Ġużeppi Said, kumbinazzjoni wkoll mix-Xagħra, ma’ Marija Sultana.

Mara min-Nadur, f’xhieda li tat quddiem il-Qorti ta’ Għawdex nhar is-Sibt, 15 ta’ Ġunju 1867, fost l-oħrajn qalet li “Al occasione del mio matrimonio si porto’ la bolla, ma chi ne pago’ la spese non lo so”.  Biss żewġha li xehed warajha qal li kien hu li ħallas għall-ispejjeż tagħha: “ Le spese delle bolle in scudi ventuno, la pagai’ dal mio proprio denaro”.[19]  F’dokument tal-Qorti ta’ Għawdex data 20 ta’ Diċembru 1867, jingħad li l-ispiża biex setgħet inġabet id-dispensa Papali minn Ruma kienet ta’ ħarira aktar minn dsatax-il skud.[20]  Fl-1883, ċerta xebba li inċidentalment inzertat ukoll min-Nadur, xehdet fil-Qorti li meta l-għarus iddeċieda li jtemm ir-relazzjoni minn magħha, sad-dispensa minn Ruma permezz tal-Kappillan kienet laħqet ġabet.[21]  Lit-tali xbejba, id-dispensa switilha 17-il skud, 7 tari u 4 grani (€3.40).

Interessanti li wieħed ikun jaf li għal matul it-tieni Gwerra Dinjija (1939-1945) minħabba li pajjiżna kien fi stat ta’ gwerra mal-istat Taljan, b’ċirkulari ta’ Mons. Arċisqof tal-15 ta’ Ġunju 1940 (Ċir. Nru 416), il-Kurja ta’ Malta assumiet proviżorjament ir-responsabbilta’ tal-ħruġ tad-Dispensi ta’ xi impediment matrimonjali.  Meta l-gwerra battiet, dan l-arranġament kien irtirat b’ċirkulari oħra tal-Kurja, datata 22 ta’ Novembru 1944, maħruġa taħt il-firma tal-Isqof Awżiljarju Emmanuel Galea u tal-Kanċillier, il-Kan. Enrico Bonnici; ordni li kellha tidħol fis-seħħ sa mill-1 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena.[22]

 ŻEWĠ KAŻIJIET TA’  GĦERUSIJA FL-GĦASRI TA’ 120 SENA ILU LI SPIĊĊAW IL-QORTI 

 Nhar il-31 ta’ Jannar 1893, Ġorġ DeBattista, l-attur (min jagħmel il-kawża), residenti l-Belt Vittoria, ippreżenta ċitazzjoni fil-Qorti Ġudizzjarja ta’ Għawdex kontra Kalanġ Mercieca, mill-Għasri, il-kenvenut (il-persuna li kontriha saret kawża ċivili), a nom tal-minorenni bintu Loreta, talli din, wara li kienet tatu l-kelma li tiżżewġu, fellqet (naqset) milli tagħmel hekk. Dak iż-żmien il-minorita’ kienet ikkalkolata minn dak li jkun ikunx għalaq il-21 sena jew le. Intant, l-attur, Ġorġ DeBattista, kien qed jitlob lill-Qorti biex tiffissa terminu ta’ żmien li fih kellu jsir l-imsemmi żwieġ, u fin-nuqqas ta’ hekk, tiddetermina dik is-somma ta’ flus biex tikkumpensah għall-inġurja sofferta.

Il-Qorti bdiet bit-trattazzjoni tal-każ nhar is-Sibt, 4 ta’ Marzu 1893 quddiem il-Maġistrat Dr. Paolo Cremona.  L-ewwel xhud kien Wiġi Camilleri mir-Rabat, prodott mill-attur, li mid-dehra kien ukoll il-ħuttab. Qal: “Ċirka ta’ xahar ilu, intlaħaq qbil għaż-żwieġ bejn iż-żewġ kontendenti.  Għaldaqstant morna d-dar tal-konvenut, Mercieca, li min-naħa tiegħu wiegħed li jagħti b’dota għaxar siegħan raba’; għabura, (ħarufa tal-ewwel tagħmira); labra; żewġ pendenti, u żewġt iċrieket, kollox tad-deheb; sodda bil-fornimenti kollha; u żewġ legati taż-żwiġijiet”.

Fil-konro eżami, fost affarijiet oħra, ix-xhud qal li: “Il-fatti li għadni kemm iddepożitajt seħħew bil-lejl; f’tal-Imwiet.  L-ewwel laqgħa bejn il-partijiet kienet dik li għadni kemm indikajt fuq. L-għada, Loreta iltaqgħet miegħi u qaltli li kienet biddlet il-ħsieb dwar iż-żwieġ u li ma riditx taf aktar b’Ġorġ, u li kien iddispjeċiha”.

Mill-kontro eżami joħroġ li Ġorġ kien lavrant ma’ ħaddied u li kien jaqla’ sitt xelini (€0.70) fil-ġimgħa li għal dak iż-żmien kienet paga tajba ħafna.  Biss minn estratt mir-reġistru tal-proċedura datat 11 ta’ Marzu 1893, l-awtur, Ġorġ DeBattista stess jiddikjara li kien jaqla’ biss in-nofs: tliet xelini.  Naturalment l-istorja tas-sitt xelini kienet xi ħlieqa tal-ħuttab użata bħala lixka biex aktar iwaqqa’ fin-nassa lix-xebba u l-familja tagħha.  Għax l-iskop ewlieni ta’ xi ħuttaba kien li jwasslu għall-isponsali fl-iqsar żmien biex jitħallsu, u mhux is-suċċess taż-żwieġ fih innifsu.

Nhar is-17 ta’ Novembru 1892, ħuttab mill-Għasri ħarrek lil Bernardu Saliba (Brejnet ta’ Għasafar: 1869-1939) ta’ Triq il-Fanal, biex ifittex idoqqlu tlettax-il xelin u tmien soldi (c. €1.60) talli kien wasslu għall-għerusija max-xbejba li xtaq.[23]  Il-kawża kienet irranġata barra l-Qorti fi ftit jiem u għaldaqstant kienet irtirata nhar id-29 tal-istess xahar.  Imma l-gustuża tafu x’inhi? – li waqt li l-kawża tranġat, it-taparsi sponsali li rranġalhom safa xolt wara biss ftit taż-żmien bħalma jdub kwart xaħam tas-sonża f’karta strazza fix-xemx t’Awwissu.  F’Ottubru 1913, fil-Qorti ta’ Malta, l-Imħallef Parnis, ta sentenza storika fejn qal li s-sensarija fiż-żwiġijiet hi ħaġa illeċita’ u li għalhekk il-ħuttab ma għandux jedd għaliha.[24]  Min jaf Brejnet ta’ Għasafar kienx sema’ biha dis-sentenza!

Intant, xhud ieħor fil-kawża: Ġorġ DeBattista vs. Loreta Mercieca, prodott mill-attur DeBattista kienet Ġolina, mart Ġużepp DeBattista: “Ċirka xahrejn u nofs ilu, l-attur, li hu t-tifel tiegħi, laħaq ftehim ta’ żwieġ ma’ Loreta Mercieca bint il-konvenut, u dan fid-dar tiegħu u bl-approvazzjoni ta’ ommha.  In segwitu ta’ dan ġabha għandi u qagħdet ġurnata f’dari.”

Is-smiegħ kompla bix-xhieda ta’ Grazzja Vella prodotta mill-konvenut M’Anġ Mercieca.  Grazzja, li kienet iz-zija tal-konvenuta Loreta Mercieca, qalet li tiftakar meta Wiġi Camilleri mar għand Kalanġ Mercieca biex jiftehmu dwar it-tlaqqigħ bi skop ta’ żwieġ ta’ Ġorġ DeBattista ma’ Loreta Mercieca.  Hi qalet li Camilleri insista ma’ Loreta biex tieħdu b’għarus lil Ġorġ u x-xebba rrispondiet li: “mhux għalissa”.  Fl-aħħar, Camilleri ġibed f’rokna tal-kamra lill-konvenut, M’Anġ Merceca, u sejjaħ ukoll lill-attur, DeBattista, u qallu li Mercieca, bħala dota, kien qed iwiegħed għaxar siegħan ta’ Sagħtrija; il-pendenti, allura l-imsielet, li Loreta kellha f’widnejha; labra u żewġt iċrieket, kollox tad-deheb; u s-sodda bil-fornimenti kollha.  Omm Loreta lissnet nagħġa, u l-missier qal li hu jagħti wkoll għabura.  Ix-xhud qalet li ma semgħetx lil Loreta tgħid li trid tiżżewweġ lil Ġorġ.  Grazzja Vella xehdet ukoll li Camilleri qal li Ġorġ kien jaqla’ xelin kuljum u li d-dar kellu seba’ liri (€16.31), imfaddla.

Fit-18 ta’ Marzu 1893, l-Avukat Ambroġju Mercieca f’isem il-konvenut M’Anġ Mercieca li kien qed jidher għan-nom tal-minorenni bintu Loreta, ippreżenta lill-Qorti nota ta’ eċċezzjonijiet li fiha, fost affarijiet oħra, eċċepta:

 

* li f-ftehim dwar dan iż-żwieġ inkwistjoni ma jistax jittieħed li sar b’mod serju, l-aktar meta wieħed jikkonsidra l-ħin stramb (f’tal-Imwiet) li fih seħħ l-uniku tlaqqigħ bejn l-għarajjes;

* ir-reżistenza esaġerata li saret fuq l-għarusa biex taċċetta minkejja r-rieda kuntrarja tagħha li tagħmel hekk;

* u fuq kollox, il-fatt li l-għarusa li kienet għadha minorenni; taħt l-eta’ – prinċipju indispensabbli mitlub għall-validita’ ta’ kuntratt ta’ daqstant importanza.

Il-Maġistrat Dr. P. Cremona ta s-sentenza nhar it-18 ta’ Marzu 1893:jgħid li wara li qies iċ-ċitazzjoni mressqa minn DeBattista, ix-xhieda kollha, u l-eċċezzjonijiet tal-konvenut M’Anġ Mercieca, iddeċieda li jiċħad it-talba mressqa mill-attur Ġorġ DeBattista, mingħajr imma ma jħallas tal-ispejjeż.[25]

Nhar it-30 ta’ Mejju 1893, Evanġelista Agius residenti l-Għasri ppeżentat ċitazzjoni fil-Qorti Ġudizzjarja ta’ Għawdex kontra Wenzu Attard, talli dan telaqha mingħajr ġustifikazzjoni wara li kien wegħidha ż-żwieġ, u talli għamel l-istess wegħda wkoll lil ħaddieħor. Fil-preżentazzjoni tal-kawża, Vanġela rrelat li bejniethom, hi u Wenzu, kienu bidlu formalment il-wegħda li fil-futur jiżżewġu lil xulxin. Agius talbet lill-Qorti biex kemm-il darba ssib lil Attard ħati tal-inġurja, għandha tiddetermina kumpens fil-forma ta’ flus kontanti.  Fil-maġġoranza ta’ każi simili, l-ewwel talba tal-persuna nġurjata kienet tkun li l-Qorti tiffissa data sa meta għandu jsir iż-żwieġ, imbagħad fin-nuqqas ta’ hekk, kienet issir it-talba għall-kumpens.  Dan juri kemm verament kienet irrabjata u ffastidjata t-tfajla… u minn kif jidher fit-trattazzjoni tal-kawża, naħsbu li kellha raġun mnejn tbigħ u jibqgħalha!

Fid-9 ta’ Ġunju 1893, Evanġelista Agius permezz tal-Prokuratur Legali, A. Lanzon ressqet rikors biex il-Qorti jogħġobha tordna li l-persuni msemmija jissejħu bħala xhieda: 1) Marija Caruana ta’ Luzju minn Għammar; 2) M’Anġ Cauchi ta’ Għakar mill-Għasri; 3) Mikiel Vella ta’ Żiglu minn Santa Luċija; 4) Manwel Camilleri ta’ Frenċ ta’ Nonu minn Għammar; u 5) Marija mart Ġużepp Aquilina, il-Gandlier, jgħidulha ta’ Wiġi, minn Għammar.

It-trattazzjoni tal-każ quddiem il-Qorti ta’ Għawdex ippreseduta mill-Maġistrat Dr. Paola Cremona bdiet u ntemmet nhar is-Sibt, 17 ta’ Ġunju 1893.  L-ewwel xhud kien xi ħadd miġbud mill-attriċi Evanġelista Agius, li bi żvista, l-iskrivan tal-Qorti ma jgħidilniex min kien.  Intant dan ix-xi ħadd mill-ewwel tlieta msemmija hawn fuq u li minn diskorsu jidher li kien il-ħuttab, qal: “Il-konvenut Lorenzo Attard kemm-il darba nkarigani biex immur għand il-ġenituri ta’ Vengela bl-iskop li nitlobhom għan-nom tiegħu id binthom fiż-żwieġ.  Lejlet Lapsi, l-aħħar wieħed li għadu kemm għadda, omm l-attriċi Agius laqgħet it-talba tal-konvenut Attard, u meta wassalthielu bagħatni nistaqsihom biex niffissaw ġurnata li fiha nistgħu niltaqgħu u nitħaddtu dwar l-affari.  It-tlaqqigħ sar ir-Rabat f’ġurnata l-Ħadd.  Kienu preżenti l-ġenituri ta’ Vanġela, Wenzu Attard, u jien.  Vanġela ma kenitx hemm mill-bidu; ġiet aktar tard.  Wenzu staqsa x’kien fi ħsiebhom ituh bħala dota.  Irrispondiet omm l-għarusa: il-fond tal-Wilġa għal erbgħin sena.  Wara dak iż-żmien ma nibqgħux ħajjin, la jien u lanqas int.  Jekk f’dak il-perjodu ta’ żmien inkunu kostretti li nħallu dak il-fond inpoġġuk f’biċċa oħra.

Aktar minn hekk qaltlu li għandha ħsieb tagħti lil bintha fond ieħor, ċirka ta’ siegħ raba’ jgħidulu tal-Madliena.  Il-konvenut Wenzu Attard talab ukoll nagħġa u omm l-għarusa qaltlu li ttih ħarufa minn tagħha, u hu kkuntenta.  Inkwantu tal-bżonnijiet, hi qaltlu li tagħtih kemm ikun meħtieġ.

B’dan il-ftehim, il-partijiet ikkonkludew l-isponsali bejn il-kontendenti u l-għarus ħa mingħand omm l-għarusa ċ-ċurkett u l-maktur tat-tieġ – l’anello e il fazzoletto sponsalizio.  L-għarusa ma kenitx hemm f’dak il-waqt imma imbagħad avżajniha u qalet: għamiltu sewwa.

Wara dan kollu, il-konvenut Attard, dakinhar stess tat-tlaqqigħ qal lil omm l-għarusa li kellu ħsieb imur jara jekk il-fondi tar-raba’ jogħġbuhx.  Hi rrispondietu: Mur għall-affari tiegħek, jekk ma jogħġbukx, nagħtik minflok it-tomna li għandi l-Fanal.  Ċirka ta’ għaxra jew ħmistax il-ġurnata wara, Wenzu ġie sabni u talabni mmur miegħu naraw il-fondi msemmija.  Kellimna l-ġenituri tal-għarusa u ħaduna fir-raba’ li qalulna.  Meta konna f’dik tal-Wilġa, l-għarus qal: dan il-fond ma jogħġobnix; tafa’ l-maktur tat-tieġ għall-art u telaq ‘l hemm”.

Imbagħad telgħet fil-pedana tax-xhieda Marija mart Ġużeppi Aquilina.  Qalet: “Wara l-festa ta’ Lapsi li għadda u qrib Għid il-Ħamsin, mort id-dar ta’ ommi li tinsab fir-raħal ta’ Għammar.  Kien hemm il-konvenut Wenzu Attard.  Hu kien għadu għarus tal-attriċi Vanġela Agius, u qabad iparla fuq mara oħra li qal li ried b’għarustu.  Jien għedtlu: S’issa għadek impenjat ma’ Vanġela; ilek tiffrekwenta d-dar tagħha minn żmien, u titħaddet minn għarusa oħra?  Kif tagħmel biex teħles minnha?  Irrispondieni: Inġib l-iskuża li l-fond li tawni bħala frank huwa suġġett għal emfitewsi (ċens fit-tul) li jtawwal għal għerbin sena oħra.  L-għarusa l-oħra li għandu Wenzu jisimha Kelina ta’ Kelment ta’ Lawrenz.   Hi qaltli li lill-konvenut tatu l-maktur tat-tieġ.  Staqsejtha: u jekk Vanġela tirbaħ il-kawża kontra Wenzu?  Irrispondietni: Tista’ tirbaħha u tista’ ma tirbaħhiex”.

L-aħħar xhieda li nsibu fil-proċess ta’ din il-kawża hija dik ta’ Manwel Camilleri bin Frenċ mir-raħal tal-Għasri.  Jgħid li: “Bejn wieħed u ieħor tliet ġimgħat ilu għedt lil-konvenut Wenzu Attard li Vanġela tinsab fil-punt li tipproċedi kontra tiegħu b’mod ġudizzjarju.  Ma nemminx, irrispondieni.  Jien ħriġtlu mid-diskors.  Hu ppronunzja kelma biex iħammeġ lil Vanġela u qal: Ma tagħmilli xejn, u qal ukoll: Li kieku mhux għax hemm l-għarusa l-oħra kont mil-lum stess nibda bit-tnedijiet taż-żwieġ“.

Fi tmiem ix-xhieda, il-Maġistrat Dr. P. Cremona ta s-sentenza: il-Qorti sabet lil Wenzu Attard ħati skont l-att tal-akkuża u kkundannatu jħallas kumpens ta’ £10 għad-danni li sofriet l-eks maħbuba tiegħu Vanġela Agius, u għabbietu wkoll bl-ispejjeż tal-kawża.[26]

REFERENZI

[1] Fit-tali kitba jingħad hekk: “Per il felice, e prospero Matrimonio da contrattarsi felicemente formato colla scambievole consenso, e sollenne stipulazione dell’una, e l-altra parte secondo le leggi, e gius cominu volgarmente detti alla greca, seu alla Romana” (NAG, CG, 04/375; Citazzioni unica: Francesco Debrincat vs Marianna Zammit; decisa 24 Nov 1897; mhux innumerate.

[2] Leħen is-Sewwa, 01 Jan 1946, p.4.

[3] NAG, CG, 04/406 (1904, Vol. 4), f. 426.

[4] “ditegli che io gli mando questo fazzoletto come sposo e come concinnare di sposali (Rabta) ed affinche ne essa ni egli potessero’ rescindere” (NAG, CG, 04/389 (1900), f. 276).

[5] NAG, CG, 04/249 (1870), f. 72 r-v.

[6] “dopo la festa della nascita’ di Nostra Signora, il-citato (l-għarus) porto’ alla citante (l-għarusa) due fazzoletti da sposali” (NAG, CG, 04/303 (1883), f. 272r)

[7] “la citante (l-għarusa) diede al citato (l-għarus) un anello d’oro del valore di circa scellini quindici ed un fazzoletto di seta del valore di scellini due circa” (NAG, CG, 04/345 (1891), f.18r)

[8] NAG, CG, 04/295, f. 18r.

[9] Ibid., 04/359 (1894), f. 212 r-v.

[10] Ibid., 04/349 (1892), f. 86r.

[11] “għaddiet minn taħt il-lampier” hija idjoma antika li tingħad b’mod figurattiv għal meta dal li jkun jiżżewwġ, fis-sens li, billi l-kunsens taż-żwieġ jingħata fuq it-taraġ tal-presbiterju, dak li jkun bilfors li jkun għadda minn taħt il-lampier tal-knisja.  X’uħud iħobbu jgħaqqu din l-idjoma ma’ proverbju relattiv: “Qabel tgħaddi minn taħt il-lampier, jekk tmiss ħwejġek ma’ ħwejjiġha, sentejn ħabs jew tiżżewwiġha”. Dan f’sens li qabel iż-żwieġ kull kuntatt karnali bejn il-maħbubin hu assolutament ipprojbit, kemm bil-liġI ta’ Alla, u kemm Ċivili.  Hekk kien w’hekk għadu.

[12] NAG, CG, 04/326, f. 231v.

[13] Leħen is-Sewwa, 10 Ott 1963, p.3.

[14] NAG, CG, 04/354 (1893), f. 339r.

[15] Ibid., 04/261 (1874), f. 154r.

[16] Ibid., 04/353 1893), f. 441r.

[17] Fir-rigward tat-tnedijiet, xi festa kkmandata li kienet tinzerta fost il-ġimgħa, kienet titqies l-istess bħal Ħadd u għalhekk valida li fiha tista’ ssir tnedija.

[18] NAG, GM, 01/43.

[19] NAG, CG, 04/240 (1868, Vol. 2), f. 257v.

[20] “la somma di scudi diecinove, tari uno e grani Quattro per la spese della dispensa Pontificia ottenuta da Roma” (NAG, CG, 04/240 (1868, Vol 2), f.181r).

[21] NAG, CG, 04/305 (1884), f. 160r-171r.

[22] Leħen is-Sewwa, 25 Nov 1944, p.5.

[23] NAG, CG, 10/249 (1892), f. 278r.

[24] Leħen is-Sewwa, 10 Ott 1963, p.3.

[25] NAG, CG, 04/353 (1893, Vol. 1o), ff.408r-425v.

[26] NAG, CG, 04/354 (1893, Vol 2o), ff. 331r-339r).