ID-DAQQAQ TAL-QOTON

Il-qoton il-maħluġ, jiġifieri l-qoton li tnaddaf miż-żerriegħa billi ngħadda minn dik il-magna żgħira ta’ l-injam li tissejjaħ “ħallieġa”, jittieħed għand id-daqqaq biex idoqqu u jagħmlu tajjar. Is-suf tan-nagħaġ trid tinfxu, jiġifieri trid tfettħu bejn is-swaba’ ta’ jdejk biex jitpaħpaħ u jinħall mill-għoqod u jitnaqqa minn xi frak u zkuk li jkun fih. Imma tul il-medda taż-żmien il-bniedem sab li l-qoton ma kienx jaqbillek tinfxu bis-swaba’ ta’ jdejk. Kien jaqbillek li ddoqqu. Biex nifhmu kif dan kien isir, l-aħjar li nispjegaw l-għodda li juża d-daqqaq. Nibdew bil-QAWS.

Dan l-artiklu huwa t-tielet parti minn tlieta dwar l-insiġ, u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni”.

Il-qaws hu magħmul mill-qasab. Il-qasba tan-nofs trid tkun qisha bħal qasba tas-sajd: ħoxna minn isfel, rqiqa minn fuq u twila madwar tliet metri. Tkun imdawra bi ftit qasab ieħor, kollu xi ftit iqsar u irqaq minnha, biex flimkien jiffurmaw bħal faxx qasab marbutin f’gozz wieħed.

Fil-ktieb tiegħu Xogħol u Snajja’ Maltin, Ġuże Galea kiteb li jkun hemm 12-il qasba. L-aħwa Saliba mill-Għasri, li missierhom kien l-aħħar wieħed li baqa’ jdoqq il-qoton f’Malta u Għawdex, qaluli li qasab kont tagħmel kemm ikollok bżonn biex il-qaws jiġi b’saħħtu biżżejjed. Il-qasab jintrabtu flimkien b’ħabel irqiq li jissejjaħ l-GĦEKIES. Ġuże Galea jimplika li l-għekies hu isem ieħor għall-qaws. Imma l-għekies hu l-ħabel li jorbot il-qasab flimkien. Diġa ltqajna ma’ dil-kelma meta tkellimna fuq il-moħriet taż-żewġ. Il-madmad tal-moħriet taż-żewġ għandu żewġ toqbiet li jissejħu t-toqob ta’ l-għekies. Minnhom jgħaddi ħabel irqiq li jkun marbut ma’ ras iż-żewġ bhejjem, biex jekk xi bhima toqgħod iċċaqlaq rasha u ma tiġbidx dritt, il-ħarrat ikun jista’ jrażżanha bih. L-għekies hu wkoll il-ħabel li jorbtu saqajn il-bhejjem bih meta jeħduhom għall-qatla (1). Fil-każ tagħna l-għekies issa qed jorbot il-qasab li flimkien jiffurmaw il-qaws. Trid torbot l-għekies b’mod li tarf minnu jibqa’ mdendel ‘l isfel mill-ponta l-irqiqa tal-qaws. Ma’ dat-tarf tintrabat il-LASTA.

In-naħa l-ħoxna tal-qaws tkun tmiss ma’ l-art. Xi 30 ċentimetru ‘il fuq mill-art il-qaws ikun imdawwar b’ċinga tal-ġild, u diċ-ċinga titqabbad ma’ ganċ li jkun imdaħħal fir-rokna tal-kamra (2). Dan l-irbit li jorbot il-qaws ma’ l-art u mal-ħajt jissejjaħ l-ILĠIEM.

Mela filwaqt li min-naħa t’isfel, (in-naħa l-ħoxna), il-qaws ikun marbut mal-ħajt bl-ilġiem, min-naħa l-oħra, mal-ponta l-irqiqa ta’ fuq ikun hemm marbuta l-lasta.

Il-lasta tintrabat mal-qaws minn post li jissejjaħ il-PINNA. Il-qaws hekk jiġi qisu molla, bil-lasta titbandal miegħu. Id-daqqaq jaħfen il-lasta b’idu x-xellugija min-naħa t‘isfel tagħha; minn post li jissejjaħ id-DEFFA. F’idu l-leminija d-daqqaq iżomm iċ-~IKK jew iċ-~IEK li jkun bħal martell b’żewġt irjus. Biex jagħmel xogħlu sewwa, iċ-ċikk irid ikun ftit tqil. Ikollu bħal toqba vojta biex jekk id-daqqaq iħoss li hu ħafif wisq, ikun jista’ jimla’ t-toqba biċ-ċomb ħalli ċ-ċikk jitqal. Id-daqqaq jagħti biċ-ċikk fuq il-WATAR, waqt li jgħaddas il-watar ġo l-għarma qoton li jkollu mitfugħa ma’ l-art quddiemu. Il-watar qisu bħall-korda tal-kitarra jew ta’ l-arpa. Meta d-daqqaq jagħti biċ-ċikk fuq il-watar, dan idoqq u jitriegħed, u bit-tregħid tiegħu jaqbad il-biċċiet tal-qoton, li min-naħa tagħhom jitħabblu miegħu u jitpaħpħu u jitfettħu. Kull tant ħin id-daqqaq jagħti daqqa biċ-ċikk aktar qawwija mill-oħrajn. Dan jagħmlu biex “ifarfar”, għax bid-daqqa il-qoton imkebbeb mal-watar jinbeżaq u jerġa’ jaqa’ ma’ l-art.

IŻ-ŻEBGĦA

Is-suf tan-nagħaġ hu ta’ lewn bajdani. Id-drapp minsuġ mill-ħajt magħmul mis-suf tan-nagħaġ ikun ukoll, għalhekk, ta’ lewn bajdani. Il-qoton kien ta’ żewġ kuluri; qoton abjad u qoton ismar. Id-drapp maħdum mill-qoton l-ismar kien jissejjaħ “lankeċ”. Din hi kelma Taljan (lanche) u ma naħsibx li tmur lura ħafna fiż-żmien. Mill-istess kelma ġej l-aġġettiv “lenkieni”, applikat għal xi żiemel, kelb, mogħża, drapp jew kull ħaġa oħra ta’ lewn samrani ċar.

L-abjad u l-ismar kienu għalhekk l-uniċi żewġ kuluri li kellhom in-nies ta’ dari, sakemm ma jiżbgħux id-drapp b’xi żebgħa. Fl-1746, il-kittieb Għawdxi G.F.P. De Soldanis kiteb li skond it-tabib Bonamico, jekk ikollok biżżejjed minn dik ix-xitla magħrufa bħala “Għerq il-Ġeneral/Għerq Sinjur”, li tikber biss fuq il-blata tal-Ġeneral fid-Dwejra t’Għawdex, tista’ tagħmel iż-żebgħa minnha u tiżbogħ il-ħwejjeġ biha (3). Imma niddubita kemm seta’ qatt “ikollok biżżejjed” minn dix-xitla rari u li dari kienet iġġib il-flus. Skond Ġużeċ Galea, fil-ktieb tiegħu Xogħol u Snajja’ ta’ l-Imgħoddi, iż-żebbiegħa kienu jinqdew l-aktar bil-qxur jew iż-żokor (blanzuni) tas-siġra tar-rummien. Ħafna minn dan iż-żokor kien jaqa’, u t-tfal tal-bdiewa kienu jiġbruh u jbigħuh bis-siegħ jew bit-tomna liż-żebbiegħa. Fl-1842, G.F. Angas kiteb li fil-Ħdud u l-btajjel, il-Maltin jilbsu barnusa ħamra li kienu jiżbugħha “with the Kermes of Barbary” (4). L-insett li l-isem xjentifiku tiegħu hu Coccus ilicis jgħix minn fuq is-siġar tal-ballut, u hu magħruf li l-iġsma niexfa tan-nisa ta’ dan l-insett dari kienu jintużaw biex minnhom isir il-Kermes, żebgħa ħamra skura. Il-kelma “Kermes” jagħtiha De Soldanis fid-dizzjunarju tiegħu Damma tal Kliem Kartaginis mscerred fel fom tal Maltin u Ghaucin, ta’ l-1759 u warajh taha wkoll Falzon fid-dizzjunarju Dizzionario Italiana-Inglese-Maltese ta’ l-1882.

Għalkemm jidher li fil-Medju Evu ż-żbigħ kien ħaġa komuni, u kien hemm saħansitra taxxa fuqu li kienet tissejjaħ tintoria (5), ma jidher li għad fadal ħadd li jiftakar x’kien jintuża iżjed minbarra l-qxur u ż-żokor tar-rummien fiż-żbigħ tal-ħwejjeġ. Imqar l-ixjeħ nies li kellimna, kollha qalu li ż-żebgħa kienet tinxtara f’landi żgħar “m’għand tal-ħanut”. Li hu żgur, imma, hu li sa qabel il-gwerra, xi dilettanti kienu jiżbgħu x-xbieki tagħhom ta’ l-insib, minbarra bil-qxur tar-rummien, anke bit-te. Xi wħud semmewlna wkoll il-qxur tal-basal niexef, il-lellux (jew kif jgħidulu tan-naħa t’isfel: iż-żigland/żolant), il-ħażiż jew il-ħażż u anke xitla oħra selvaġġa li jgħidulha “tulliera”. Imma ma nafux kemm dawn l-affarijiet imorru lura fiż-żmien. Ma nafux jekk il-bużnanna qattx żebgħat is-suf tan-nagħaġ jew it-tajjar bl-ilma li joħroġ mit-togħlija tal-qxur tal-basal, jew il-ħxejjex l-oħra li semmejna.

Il-proċess ta’ kif tuża l-ħxejjex u affarijiet naturali biex tiżbogħ il-ħajt, is-suf jew id-drapp bihom hu dan:

Xarrab il-ħxejjex jew il-qxur ġo borma bl-ilma għal xi sagħtejn, jew imqar mil-lejl ta’ qabel. Imbagħad għalli kollox għal xi siegħa jew tnejn. Saffi t-togħlija minn ġo xi passatur jew filoxx. Żid aktar ilma, dejjem skond kif tgħallmek l-esperjenza, u erġa’ saħħan sakemm ikollok misħun fietel. Itfa’ l-ħajt jew is-suf (li jkun hu wkoll imxarrab minn qabel) u stennieh sekemm jiftaħ jagħli. Ħallih itektek fuq nar bati. It-tul taż-żmien jiddependi minn xi tkun qed tiżbogħ. Meta jibred, laħlaħ kollox f’ilma ċar, jekk jista’ jkun, ta’ l-istess temperatura. Kompli berred u laħlaħ f’iżjed ilma, sakemm il-kulur ma jibqax jerħi.

IL-KITTIEN

Mix-xitla tal-KITTIEN (flax) jittieħed il-ħajt li minnu jintiseġ drapp li jissejjaħ GĦAŻEL (linen), u tista’ tittieħed ukoll iż-żerriegħa li minnha jsir iż-ŻEJT TAL-KITTIEN (linseed oil).

L-istudjużi għadhom sal-lum ma jafux kif il-bniedem induna li jista’ jislet il-ħajt mill-faxxina tax-xitla tal-kittien saħansitra qabel ma beda jinseġ bis-suf tan-nagħaġ. Biex tagħżel il-ħajt mis-suf tan-nagħaġ hi ħaġa relattivament ħafifa, imma biex tieħu l-ħajt mix-xitla tal-kittien trid tgħaddiha minn proċess elaborat u li jieħu x-xhur. Provi li l-bniedem kien jinseġ l-għażel instabu fi fdalijiet preistoriċi fl-Iżvizzera; u fdalijiet ta’ għażel fin li jixhed sengħa u ħila kbira nstabu f’oqbra ta’ żmien l-Eġittu tal-qedem.

Il-kittien kien jitkabbar ukoll f’Malta mill-Maltin saż-żminijiet Medjevali, imma jidher li nqata’ għal kollox sa nofs is-seklu sittax.

Ix-xitla tal-kittien toħroġ fjuri żgħar koħol, li wara ftit jaqgħu u flokhom tfeġġ iż-żerriegħa li minnha jintgħasar iż-żejt tal-kittien. Jekk il-kittien ikun qed jitkabbar għaż-żerriegħa biss, ix-xitla trid titħalla ż-żmien kollu tagħha biex iż-żerriegħa ssir. Imma jekk il-kittien ikun qed jitkabbar biex minnu jittieħed il-ħajt għall-insiġ, allura x-xitla titneħħa mill-ħamrija malli tibda tfeġġ iż-żerriegħa, għall-bidu tas-sajf. Imma minflok jaħsduh bil-minġel, bħalma jagħmlu lill-qamħ u lis-silla, il-kittien jinġibed minn ġol-ħamrija niexfa bl-għeruq u x-xniexel b’kollox. Dan isir biex ma jintilef xejn mit-tul taz-zokk fejn ikun hemm il-ħjut tajbin għall-insiġ. Il-faxxina, maqlugħa minn ġol-ħamrija, titħalla mitluqa fl-għalqa għal xi jiem sakemm tinxef. Meta tinxef, il-faxxina TITREXTEL (to be rippled), jiġifieri jgħadduha minn speċi ta’ moxt li jissejjaħ RIXTELLU (rippler) biex iż-żerriegħa tinqala’ bil-fosdqa tagħha b’kollox.

Il-pass li jmiss ikun li z-zkuk li jifdal wara li l-faxxina tal-kittien titrextel bir-rixtellu, JGĦADDSUHOM fl-ilma (to ret/retting). L-aħjar tkun xi għadira ta’ ilma qiegħed. Dan isir biex l-arja, l-ilma u l-organiżmi u l-batterji li hemm fl-ilma, jieklu u jherru l-koxra ta’ barra taz-zokk tax-xitla tal-kittien. Hi u titherra, il-qoxra tixxaqqaq u tinqasam, u jfeġġu minnha l-ħjut li jkun hemm taħt il-qoxra; ħjut li jkunu tajbin għall-insiġ. Il-kittien idum bejn ġimgħa u ħmistax-il ġurnata mgħaddas fl-ilma; mbagħad joħorġuh mill-għadira fejn ikun, u jifirxu z-zkuk il-mherrija fuq wiċċ il-ħamrija biex jinxfu. It-tperriċ għall-arja, in-nida ta’ filgħodu, ix-xemx u s-sħana ta’ bin-nhar, u s-sirda u l-ksieħ ta’ bil-lejl, ikomplu jherru z-zkuk. Meta jinxef, il-kittien JIXXEJJET (to be hackled), jiġifieri jerġa’ jintmaxat billi jgħadduh minn rixtellu ieħor, jixbaħ lill-ewwel wieħed li semmejna, imma iżgħar minnu, kif jidher fid-disinn ta’ hawn taħt. Dan isir biex il-ħjut t-tajbin jinstiltu ‘l barra u l-fdalijiet

ħjut il-qosra, li ma jkunux tajbin għall-insiġ. Dawn ma jintremewx, imma jinġabru għax għandhom użu wkoll. Jintużaw biex bihom jagħmlu l-ħbula, jew iqalftu (to caulk) id-dgħajjes, u jissejħu STOPPA (tow).

Mela l-kittien jitrextel darbtejn: L-ewwel darba biex ineħħulu ż-żerriegħa wara li jinqala’ mill-ħamrija u jkun nixef xi ftit. It-tieni darba wara li jinħareġ mill-ilma fejn ikun mgħaddas u jkun tħalla jinxef. It-tieni rixtellu jkun ifjen minn ta’ l-ewwel; u qabel ma jxejtu, jew jgħaddu z-zkuk tal-kittien minnu, ġieli jisħquhom b’xi mazza ta’ l-injam apposta, ħalli l-qoxra u l-qalba iebsa tkompli titkisser. Hekk, meta tislet iz-zkuk minn ġor-rixtellu, f’idek jibqagħlek biss il-ħjut it-twal it-tajbin, u l-fdalijiet l-oħra jaqgħu lura wara r-rixtellu.

Ikun jonqos li tipprepara l-ħjut b’mod li tkun tista’ ddommhom waħda wara l-oħra u, permezz tar-raddiena, tkebbibhom fuq l-imserka biex ikollok bħal minċott mimli ħajt.

Biex tagħmel dan għandek bżonn biċċa għodda oħra sempliċi: il-FETTIELA (distaff). Biex tifhem il-fettiela x’tagħmel, trid l-ewwelnett tifhem it-tifsira tal-verb “fitel”. Dal-verb ifissser “tobrom”, bħal meta, ngħidu aħna, “tiftel” it-tajjar biex tagħmel “ftila”, li hi dik li bl-Ingliż tissejjaħ wick u li tkun f’nofs x-xemgħa biex tkun tista’ tixgħel ix-xemgħa minnha. Din tissejjaħ ftila għax tkun biċċa tajjar miftula. Il-ħbula wkoll ikunu miftulin: tlieta jew erba’ biċċiet jinfetlu jew jinbarmu flimkien biex jiffurmaw ħabel eħxen. Il-kelma “fettul” diġa ltqajna magħha fis-sengħa tal-fuħħar, u hi biċċa tafal mibruma bejn l-idejn. Mela x’tagħmel il-fettiela? Il-fettiela tiftel il-qatta’ tal-ħjut tal-kittien:

Aqbad qabda ħjut tal-kittien – kemm tista’ taħfen b’id waħda. Din tissejjaħ QATTA’ (strick). Orbot il-qatta’ minn tarf wieħed; in-naħa ta’ fejn kienu l-għeruq. Ilwi u obrom il-qatta’ f’idek sewwa, minn tarf sa tarf, biex il-ħjut jingħażlu kemm jista’ jkun minn xulxin. Issa daħħal il-fettiela ġo nofs il-qatta’ sakemm in-naħa l-marbuta toqgħod sewwa ġo ras il-fettiela. Aqbad ftit ħjut bejn subgħajk u iftilhom lejn naħa waħda. Aqbad ftit ħjut oħra u iftilhom lejn in-naħa l-oħra. Ibqa’ sejjer hekk id-dawra kollha tal-qatta’. Meta tlesti, orbot kollox b’żigarella eżatt kif jidher fid-disinn. Il-qatta’ titfettel b’dal-mod biex il-ħjut ikunu msallbin ma’ xulxin, u meta tiġi biex TAGĦŻILHOM (to spin) fuq ir-raddiena, kull ħajta tiġbed waħda oħra magħha, biex b’hekk ikollok ħajta waħda twila li tista’ tkebbiba fuq l-imserka, ddaħħal l-imserka ġol-mekkuk, u tinseġ dak id-drapp li nsejħulu GĦAŻEL (linen).

Id-drapp minsuġ bil-ħjut tal-kittien ta’ Malta nsibuh jissemma f’kitba ta’ żmien ir-Rumani (6). Fuq it-tkabbir tal-kittien f’Malta fi żminijiet Medjevali kiteb il-professur Godrey Wettinger (7) li jsemmi ħafna ismijiet ta’ postijiet marbuta mat-tkabbir tal-kittien: Għajn il-Kittien, l-Għadir, Għadir Bir Ferħa, l-Għadir tat-Torri ta’ San Tumas, eċċ. Jidher li peress li l-kittien kienu jgħaddsuh fl-ilma qiegħed, u dan kien jagħmel xi rwejjaħ, xi nies daħħlu fellus f’rashom li t-tkabbir tal-kittien jista’ jġib il-marda tal-malarja. Biż-żmien, it-tkabbir tal-kittien, u s-sengħa ta’ l-insiġ bil-ħjut li joħorġu minnu, intnesew għal kollox. B’danakollu, kemm Agius De Soldanis, kif ukoll Mikiel Anton Vassalli, (li kitbu fis-seklu tmintax), fid-dizzjunarji tagħhom, it-tnejn daħħlu kliem li għandu x’jaqsam ma’ din l-industrija. Kliem bħal “fettiela”, “trextel, u “xxejjet”, jinstema’ għall-ewwel darba fil-kitbiet tagħhom, u kien għad hemm it-tifkira li dal-kliem kien marbut ma’ l-insiġ ta’ l-għażel.

MIKLEM

Qed inniżżlu xi ftit kliem li l-Maltin jistgħu jiltaqgħu miegħu meta jaqraw bl-Ingliż u li forsi jkollhom diffikulta biex isibu l-ekwivalenti tiegħu bil-Malti. Il-kliem mhux qiegħed fl-ordni alfabetiku, imma qiegħed miġmugħ skond is-suġġett:

 

Spinning L-Għażil
   
Fleece Ġeżża
To Card Tomxot (is-suf).  Il-qoton “idoqquh” biex isir “tajjar”.
Carded cotton Tajjar
Ginned cotton Maħluġ
To Fluff/to tease Tinfex
To ginn Taħleġ
To spin Tagħżel
Spinning wheel Raddiena
Spindle Magħżel
Yarn Raden/Ħajt
Whorl Tuqqala/Galetta

 

The Loom In-newl
Back or Warp beam Il-Mitwa tas-sefħa
Cloth beam Il-Mitwa ta’ quddiem
Cross stick Għuda tas-salib/Xtejqa
Beater Id-Deff
Heddles In-Nir
Reed Il-Moxt
Raddle Ir-Rixtellu
Shuttle Il-Mekkuk
Tenterhook Mettid jew Mettit
Treadle Il-Mirfes
   
Weaving L-Insiġ
Bobbin Mserka jew Lembub
Dressing the loom Titwi s-sefħa (fuq in-new)
Shuttle/throw shuttle Il-Mekkuk
Skein Milwa jew Merilla
Skein winder L-Imħalla
Swift L-Imkebba
Warp Il-Medd
Weft It-Tagħma
Shed Il-Felq jew il-Felqa
Warping mill L-Imkebba (l-kbira)
Winding the warp Isseffaħ jew Titwi s-sefħa
  (fuq l-imkebba l-kbira)

 

 

Fabric                                  id-Drapp
Cotton Tajjar (jekk ikun drapp)
Hemp Qanneb
Linen Għażel
Silk Ħari
Wool Suf
Plain/tabby weave Xoqqa
Twill Fustan
Diamond twill Maqrut
Herringbone weave Spika
Yarn Raden
Selvages Il-Ħaxja
To shed or fray Jinstilet
Plaids Malji
Stripes Rigi
Checks Kaxxi kaxxi jew iċċangjat

 

KURŻITAJIET

* IT-TEWWEJJA. Skond Rose Fenech mis-Siġġiewi, in-nissieġa fi xbubitha kien jmorru Ħaż-Żebbuġ biex jixtru “katina” jew “sefħa” jew “biċċa”, m’għand xi ħadd li “iseffaħ” fuq l-imkebba l-kbira. Din il-katina ta’ ħajt kont toħodha miegħek id-dar, imma mbaghad kont trid lil xi ħadd biex “jitwihielek” fuq in-newl, jiġifieri idawwarielek mal-motwa tas-sefħa. Għal dan ix-xogħol kienu jinqalgħu xi nisa, l-aktar minn-naħiet tar-Rabat ta’ l-Imdina. Kienu jissejħu “tewwejja”. Kont taqla’ waħda minnhom u kont tgħidilha: “Ejja kmieni fil-għodu ħalli teħlisni sa qabel nofsinhar”. Ta’ dil-biċċa xogħol, m’għandniex xi ngħidu, kont trid tagħtiha xi ħaġa tal-flus f’idha.

* GĦERQ SINJUR. Meta waslu Malta, il-Kavallieri ta’ San Ġwann kienu diġa jafu bis-siwi ta’ dik il-pjanta magħrufa bħala Għerq il-Ġeneral jew Għerq Sinjur. Is-Cynomorium coccineum jikber min-naħiet t’isfel ta’ Spanja u l-Portugall, it-tul kollu ta’ l-Afrika ta’ Fuq, id-deżert ta’ l-Għarabja, sa l-Għumman u l-Baħrejn. Il-filosfu Għarbi Il-Kindi (800-870) isemmih bħala rimedju għall-ħakk, u Ir-Rażi (magħruf mill-Ewropej bħala Rhazes 865-925) jgħid li jaħdem kontra l-murliti, tajjeb għal min jinfaġar, u għat-tnixxija tad-demm fin-nisa. It-tagħrif mediku Għarbi wasal għand l-Ewropej fil-Medju Evu bikri. Robert W. Lebling jgħid li l-isem Malti Għerq is-Sinjur hi tagħwiġa ta’ l-isem veru: “Għerq is-Sinja”. “Sinja” bl-Għarbi tfisser sikkina twila, qisha bajjunetta, eżatt kif inhi l-għamla ta’ dan l-għerq meta jinqala minn taħt it-trab.

Rigward dak li semma De Soldanis, jiġifieri li dan l-għerq seta’ jintuża fiż-żbigħ tal-ħwejjeġ, wieħed jista’ jgħid li hemm mill-inqas tribu Għarbi wieħed: il-Manasir (in-naħa ta’ l-Emirat Għarab Magħquda), li jużaw lil din il-pjanta biex joħorġu minnha żebgħa tal-ħwejjeġ ta’ lewn li huma jsejħu “demmi”, appuntu għax minn lewn id-demm. Fuq dan kollu aqra l-artiklu: “The Treasure of Tartuth”, ta’ Robert W. Lebling, fis-Saudi Aramco World Marzu/April 2003.

* IT-TILLIER/TULLIER. Feliċ Mangion miż-Żurrieq qalli li jiftakar in-nassaba jiżbgħu x-xbiek bix-xitel tat-tillier mgħolli (fleabane). Fl-ilma tat-togħlija kienu jżidu ftit ħamrija bajda, dik li nafuha bħala “tal-bajjad”. Il-kulur kien jiġi “minn lewn il-ġebel u l-blat tal-kampanja Maltija”. Sors ieħor ta’ kulur tad-drapp li semmewli waqt ir-riċerka tiegħi kien “bajtar tax-xewk żgħir”.

* IZ-ZAPPIN. Is-sajjieda mdaħħlin fiż-żmien għadhom jiftakru li nieshom kienu jiżbgħu ix-xbieki tagħhom biz-zappin li kien jiġi minn Tuneż jew minn Sqallija. Iz-zappin hu magħmul minn tip ta’ siġar taż-żnuber. Nismagħhom jgħidu li jekk tmur lura fiż-mien, għandek issib li kienu jiżgħu bih id-drapp (jew il-ħwejjeġ) ukoll. Molly Pace qaltli li fi tfulitha, fil-Qrendi fejn kienet taqgħod, kien jiġi wieħed bil-ħmar u l-karettun u jibda jgħajjat: “Għaż-żebgħa min għandu?”. In-nies kienet toħroġ u ttih xi ħwejjeġ biex joħodhom miegħu u jġibhom lura miżbugħin b’lewn skur. Dan kien jiġri l-aktar meta dak li jkun ikollu bżonn jilbes il-viżtu. Molly ma tafx x’żebgħa kienet tintuża, imma mhux ħaġa kbira li kien zappin.

* DISINJI. Dawn huma l-ismijiet ta’ nisġiet (weaves) differenti li smajt tul ir-riċerka tiegħi fuq l-insiġ. B’xorti ħażina ftit li xejn urewni kampjuni ta’ dawn id-disinji u allura ma stajtx nirripproduċihom: Tal-Ħamsa, Tal-Ħdax, Tal-Fjura, Tal-Oqmra, Tal-Ħofra, Tal-Lożor, Tat-Tapiti, Tal-Kutri, Buċċejn. Id-disinn tad-drapp “ta’ mitt lembub” kien joħroġ mill-KULURI differenti tal-ħajt TAL-MEDD. Jiġifieri li l-medd kien jintewa mill-ewwel bi strixxi ta’ ħajt ta’ kulur differenti. It-tagħma,imbagħad, kienet tintiseġ dejjem b’ħajta ċelesti, jew kaħla.

* ANNIBALE PRECA. Fl-1885, Annibale Preca kiteb silta bil-Malti li semmiha “Mill-Qotna sal-maktur”. Preca jgħid li l-qoton kienu “JBEJTUH” f’April u f’Mejju. Din hi kelma sabiħa ħafna għax fil-fatt iż-żerriegħa tal-qoton jiżirgħuha ġo ħofra fil-ħamrija li tissejjaħ “bejta”. Jgħid ukoll li l-ward li toħroġ ix-xitla hi u tikber jissejjaħ “MOXT” u l-moxt isir “ĠEWŻ” li jkunu l-blalen tal-qoton qabel jiftħu. Il-ġewż JOĦORTUH minn max-xitla, jiġifieri jaqtgħuh billi jiġbduh, u mbagħad IDDOMMUH, jiġifieri joħorġu l-qoton minn ġol-ġewża. Il-bdiewa li naf jien fin-naħa t’isfel ta’ Malta u li għadhom jiftakru lil nanniethom jitkellmu fuq il-qoton, minflok “ġewża” jgħidu “fosdqa”, u minflok “idommuh” li tfisser issensel ħaġa m’oħra, jgħidu “jfesdquh”, li hi ferm isbaħ u hi kelma li għandna bżonnha għax, ngħidu aħna, ir-rummiena ma tistax tikolha ħlief billi tfesdaqha.

* IL-METTID: Fadal xi għodda tan-newl li għadna ma semmejniex. Il-Mettid (tenterhook) jista’ jkun ta’ l-injam jew tal-ħadid u jintuża biex iżomm id-drapp li tkun qed tinseġ fuq in-newl miftuħ u miġbud minn ġenb sa ġenb. Il-ġenb tad-drapp jissejjaħ il-ĦAXJA. Il-mettid ikollu ponot irqaq tal-ħadid li jidħlu fil-ħaxja ħalli jżommu d-drapp stirat.

Il-MIRFES: Biex l-erba’ tilari tan-nir ikunu jistgħu jitilgħu u jinżlu, jkunu marbuta minn taħt b’qafla li t-tarf l-ieħor tagħha jintrabat mal-mirfes. Il-mirfes ikun mitluq ma l-art taħt in-newl, u jkollu erba’ swaba’, kull wieħed minnhom imqabbad ma’ tilar differenti. In-nissieġ jagħfas is-swaba’ b’saqajh: tnejn tnejn skond jekk hux qed jinseġ ix-xoqqa, il-fustan, jew li jkun. Ara ftit id-disinn. Id-disinn juri mirfes tipiku Malti. Xi nwiel li hawn esibiti fil-mużewijiet juru għamliet oħra ta’ mriefes. Dawn huma influwenzati minn mudelli Taljani u Ingliżi.

Il-FELQ: Meta tirfes tnejn biss mill-erba’ swaba’ tal-mirfes ikun ifisser li nofs il-ħajt tal-medd jintrefa’ ‘l fuq. In-nofs l-ieħor jibqa’ isfel fejn ikun. In-nissieġ idaħħal il-mekkuk fl-ispazju jew fil-vojt ta’ bejn il-ħajt merfugħ ‘il fuq u l-ħajt l-ieħor li jibqa’ isfel. Dak il-vojt jissejjaħ il-FELQ. Bl-Ingliż jgħidulu shed.

NOTI:

1) Ara l-kelma “Għekies” fid-dizzjunarju Maltese-English Dictionary, ta’ Ġuże Aquilina.

(2) Fill-ftit stampi jew inċiżjonijiet li għandna u li juru s-sengħa tad-daqqaq, il-qaws ħafna drabi hu mpinġi b’mod dubjuż. Jidher imdaħħal ġo xi kantun, u qisu magħmul minn biċċa waħda, mhux minn ħafna qasab marbutin flimkien. Dawn l-istampi m’għandniex nieħdu għalihom ħafna. Wisq drabi l-artist ma jkunx familjari ma’ l-oġġett li jkun qed ipinġi u peress li mhux dejjem ikollu l-oġġett quddiemu, speċjalment qabel ma ġiet ivvintata l-kamera tar-ritratti, spiss kien ipinġi mill-memorja u mill-impressjonjiet tiegħu.

(3) G.F. P. De Soldanis, Gozo: Ancient and Modern, Religious and Profane (1746), Media Centre Pubblications, Malta 1999, L-1 ktieb, paġna 181.

(4) G.F. Angas: A Ramble in Malta and Sicily, Londra, 1842, ikkwotat fl-artiklu “The Maltese Zaqq”, ta’ J.K. Partridge u Frank Jeal, paġna 127, ippubblikat f’ The Galpin Society Journal, Lulju, 1977.

(5) Victor Mallia Milanes (Ed.), Hospitaller Malta 1530-1798, Mireva Publications, Malta 1993, paġna 130.

(6) J. Busuttil, “The Maltese Textile Industry in Antiquity”, Melita Historica, vol. V, No. 4 (1971).

(7) Godfrey Wettinger, “Late Medieval Maltese Agriculture”, Proceedings of History Week 1981, ippublikat mis-Soċjetaċ Storika ta’ Malta, 1982

(c) Ġużi Gatt