L-IMĦALLA

Mela s’issa għandna: jew magħżel mimli ħajt tas-suf tan-nagħaġ, jew dussies b’kobba ħajt tat-tajjar imkebba fuqu. X’ikun imiss? Ikun imiss li l-kobba ssir MILWA jew MERILLA (skein). Biex nagħmlu dan għandna bżonn biċċa għodda sempliċissima. Qasba dritta, u ġo fiha żewġ qasbiet oħra żgħar, imdaħħlin kartabun magħha, waħda f’kull tarf. Din jgħidulha l-IMĦALLA (skein winder).

Dan l-artiklu huwa t-tieni minn sensiela dwar l-insiġ u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni”.

Il-ħajt issa trid iddawru ma’ l-imħalla, b’mod li l-kobba tiġi merilla. It-terminoloġija użata hi: “iġġorr il-ħajt fuq l-imħalla”. Meta tlesti, taqla’ l-merilla minn fuq l-imħalla u tqegħidha fuq l-IMKEBBA (swift). Din hi biċċa għodda oħra sempliċi li sservina biex il-ħajt inkebbuh fuq xi ħaġa iżgħar (ara ftit id-disinn ta’ hawn fuq), biex ikollna bħal minċott, li jkun żgħir biżżejjed biex inkunu nistgħu naħdmu bih. Dari kieni jkebbu l-ħajt fuq kannol ta’ qasba, bl-għekiesi maqtugħa u miftuħ miż-żewġ naħiet u li jissejjaħ IMSERKA. Meta jkollhom bżonn minċott ikbar, għax ikunu se jaħdmu iktar fil-kobor, kienu jużaw imserka magħmula minn qasba ikbar u usa’, u li minflok imserka tissejjaħ LEMBUB (bobbin/spool). Dak id-dublett li kienu jilbsu n-nisa ta’ dari, u li nafuh bħala “ta’ mitt lembuba”, jew aħjar “ta’ mitt LEMBUB”, jissejjaħ hekk għax biex tinseġ id-drapp tiegħu trid ħafna ħajt ta’ lwien differenti: trid “mitt lembub”.

Kif għidna fil-bidu, id-drapp hu magħmul minn ħajt wieqaf li jissejjaħ il-MEDD (warp) u ħajt mimdud li jissejjaħ it-TAGĦMA (weft). Biex tarma l-medd minn fuq għal isfel tan-newl hi biċċa xogħol iebsa mhux ħażin. Biex tgħaddi t-tagħma minn ġenb għal ieħor hi biċċa xogħol ferm eħfef. Għat-tagħma trid l-imserka. Għal-medd trid il-lembub. Ejja, għalissa, naqbdu l-imserka bil-ħajt imkebbeb fuqha; il-lembub inħalluh għal meta nkunu tgħallimna ftit ieħor. L-imserka trid tidħol ġo biċċa għodda ta’ l-injam, forma ta’ dgħajjsa żgħira li tissejjaħ MEKKUK (shuttle/throw shuttle). Il-mekkuk mhux ikkumplikat ħafna biex tifhmu, imma xorta jkun tajjeb li tagħti daqqa t’għajn lid-disinn:

L-imserka tidħol ġol-WETTIEQ (spindel) li tkun kavilja rqiqa ta’ l-injam, jew, kif qalulna l-aħwa Zahra miż-Żebbuġ t’Għawdex, fergħa rqiqa ta’ siġra taż-żebbuġ. Ikun kif ikun, il-wettieq irid ikun b’saħħtu, imma rqiq biżżejjed biex l-imserka tidħol fih imlaħalħa ħalli tkun tista’ ddur bla xkiel. It-tarf tal-ħajta jingħadda minn toqba fil-ġenb, biex meta l-mekkuk jintefa’ minn ġenb għall-ieħor tan-newl, il-ħajt jinħall u jifforma t-tagħma.

KIF TITWI S-SEFĦA

Bil-mekkuk tista’ tgħaddi l-ħajt il-mimdud, jew it-tagħma, minn ġenb għall-ieħor tal-medd; imma biex tagħmel dan, m’għandniex xi ngħidu, irid ikollok il-medd, jew il-ħajt il-wieqaf, diġa armat fuq in-newl. Din mhix xi ħaġa ħafifa. Trid tibda billi jkollok bħal merilla twila twila, li titkebbeb fuq biċċa apparat ieħor li jissejjaħ l-IMKEBBA (warping mill). Diġa konna ltqajna ma’ “mkebba” meta qlajna l-merilla minn fuq “l-imħalla” u tfajniha fuq “l-imkebba”; imma issa se niġu bżonn ta’ imkebba oħra, ferm ikbar, li tintrama fuq serratizz wieqaf, u twil mill-art sas-saqaf tal-kamra. Filwaqt li dari kważi kull dar kien ikollha newl, mhux kull dar kien ikollha mkebba bħal din. Din il-biċċa xogħol ta’ kif tagħmel dil-merilla l-kbira kienet tissejjaħ TITWI S-SEFĦA (warping/winding the warp), u kienet titħalla f’idejn ftit nies li kellhom is-sengħa u l-ħila li jagħmluha.

Is-sefħa hi l-merilla twila twila li tintrama fuq in-newl. Minbarra li trid tiksi l-wisa’ kollu tan-newl, is-sefħa trid tintewa għal ħafna drabi fuq il-motwa, trid tgħaddi minn ġon-nir, u trid tgħaddi minn bejn is-snien tal-moxt li jkun ġod-deff. Meta tintewa għall-ewwel darba fuq l-imkebba, trid tintewa bis-sengħa, għax inkella, meta taqlagħha ma tkunx tista’ tarmaha fuq in-newl. Jaqbel li l-ewwel inħarsu lejn id-disinn li jurina kif tkun l-imkebba l-kbira, imbagħad nippruvaw nifhmu kif tintewa s-sefħa.

Forsi diġa’ nnutajtu dawk iż-żewġ strippi, waħda bi tlett iswaba’ ta’ l-injam ħerġin minnha u l-oħra, taħtha, bi tnejn? Fil-fatt dawk li ħerġin ‘il barra jgħidulhom SWABA’ (pegs), u mingħajrhom ma tagħmel xejn. Se jkollna nerġgħu ninqdew b’disinn ieħor biex nifhmu kif tkebbeb dik il-merilla t-twila li tissejjaħ “is-sefħa”. L-ewwelnett, skond kif qalulna dawk il-ftit nies li għadhom jinsġu f’Malta u Għawdex, fosthom l-aħwa Zahra miż-Żebbuġ, il-familja Vella mir-Rabat ta’ l-Imdina, u anke kif rajna b’għajnejna, fl-imkebba l-kbira dejjem ikun hemm tliet swaba’ fuq, u tnejn taħt; għalkemm fl-istrippa jista’ jkun hemm iżjed toqob fejn iddaħħal is-swaba’ u tmexxihom ‘l hinn u ‘l hawn. Dawn il-ħames swaba’ tajniehom numru, mill-wieħed sal-ħamsa. (F’pajjiżi oħra, dan l-arranġament ta’ tlieta fuq u tnejn taħt hu komuni, għalkemm jista’ jkun hemm ukoll arranġamenti oħra).

1) Tibda billi torbot il-ħajta ħafif ħafif mas-subgħa numru ħamsa.
2) Imbagħad tgħaddi l-ħajta minn taħt is-subgħa numru erbgħa, u minn hemm iddur dawramejt ma’ l-imkebba.
3) Meta tasal fuqnett, tgħaddi minn taħt is-subgħa numru tlieta, u minn fuq is-subgħa numru tnejn u s-subgħa numru wieħed.
4) Terġa’ ddur għal taħt is-swaba’ numru wieħed u tnejn, u fuq is-subgħa numru tlieta.
5) Iddur dawra mejt ma’ l-imkebba, u tiġbed dritt għal taħt is-subgħa numru ħamsa.
6) Hekk tkun temmejt dawra kompluta. Terġa’ ddur għal fuq is-subgħa numru ħamsa; tgħaddi minn taħt is-subgħa numru erbgħa, u tkompli dawra oħra eżatt bħal dik li bdejt biha.

Is-slaleb li ssallab bejn in-numru tnejn u n-numru tlieta, u bejn n-numru erbgħa u n-numru ħamsa jservu biex iżommu l-ħjut mifrudin waħda mill-oħra. Ikun biss meta taqla’ s-sefħa minn fuq l-imkebba u tipprova terġa’ tarmaha, jew “titwiha” fuq in-newl illi tista’ tapprezza kemm huma importanti dawn is-slaleb.

Jekk tifli sewwa d-disinn ta’ hawn fuq, imbagħad tagħti daqqa t’għajn lejn iż-żewġ disinji li hemm f’paġna —, forsi tista’ tintebaħ li meta s-sefħa tinqala’ minn fuq l-imkebba u terġa tintewa fuq in-newl, motwa waħda tidħol fil-post fejn hemm is-subgħa numru wieħed, u l-motwa l-oħra tidħol fil-post fejn hemm is-subgħa numru ħamsa. Fuq naħa u oħra tas-salib jidħlu żewġ GĦUDIET (cross sticks) li xogħolhom ikun li jżommu l-ħjut mifrudin waħda mill-oħra.

KIF TITWI S-SEFĦA FUQ IN-NEWL

Peress li l-merilla (s-sefħa) li tkun kebbibt madwar l-imkebba tkun twila mhux ħażin, meta tiġi biex taqlagħha minn postha trid toqgħod b’seba’ għajnejn li taqlagħha b’mod li ma tinsaramlekx, jiġifieri li ma titħabbillekx, u li ma jinħattx ix-xogħol kollu li tkun għamilt. Tibda taqla’ mis-subgħa numru wieħed; tgħaddi idek minn ġod-dawra jew tundjatura li l-ħajt ikun ifforma meta kien imdawwar madwar dan is-subgħa; b’idek taħfen il-merilla minn ftit aktar ‘l isfel; tiġbed idek ‘il barra mit-tundjatura, u magħha tiġbed ukoll il-merilla, biex tifforma bħal ħolqa ta’ katina. Terġa’ ddaħħal idek ġol-ħolqa, taqbad biċċ’oħra mill-merilla, tiġbed idek lura, u tibqa’ sejjer hekk sakemm, ħolqa ħolqa, tifforma katina twila ta’ ħajt.

L-espressjoni “titwi s-sefħa” tintuża mhux biss meta tkebbeb il-merilla t-twila, jew is-sefħa, madwar l-imkebba (winding the warp), imma wkoll meta tiġi biex tarma s-sefħa fuq in-newl (dressing the loom). Niesna ta’ dari, li kienu għadhom jafu jitkellmu bil-Malti sewwa, kienu jużaw ukoll il-verb “tisfaħ”. Tisfaħ fuq l-imkebba l-kbira, u tisfaħ fuq in-newl. Biex titwi jew tisfaħ s-sefħa fuq in-newl trid biċċa għodda li għadna ma semmejniex; ir-RIXTELLU (raddle). Tiftakruh il-qawl: “Marzu Marzellu; in-nanna ħarqet il-moxt u r-rixtellu”? Kemm il-moxt (li qiegħed ġod-deff) u kemm ir-rixtellu huma parti mis-sengħa ta’ l-insiġ.

Wara li tkun irbatt ir-rixtellu (temporanjament) fuq in-newl, dan jgħinek biex tifrex is-sefħa tul il-wisa’ kollu tan-newl, billi tqassam il-ħajt bejn is-snien tar-rixtellu. Bejn kull sinna, irid ikun hemm l-istess numru ta’ ħajt. L-esperjenza tgħallmek kemm-il ħajta jrid ikollok bejn kull sinna, dejjem skond il-kobor tan-newl li għandek, u x’tip ta’ xogħol tixtieq tinseġ.

Biex iddaħħal il-ħjut bejn is-snien tar-rixtellu, l-aħjar li jkollok wieħed li jista’ jinqala’ minn fuq, kif jidher fid-disinn. Barra minn hekk, waqt li għadek qed titwi s-sefħa fuq l-imkebba, trid torbot fiha xi qfieli b’mod li, meta taqla’ s-sefħa minn fuq l-imkebba, dawn jgħinuk tifrixha u tgħaddiha minn bejn is-snien, matul it-tul kollu tar-rixtellu. L-aħjar li terga’ tħares ftit lejn id-disinn t’hawn taħt.

Jekk int tikkalkula li jrid ikollok tmien ħajtiet bejn kull sinna tar-rixtellu, trid iżżomm dan f’moħħok waqt li għadek fil-proċess li tisfaħ fuq l-imkebba l-kbira. Taħt is-salib li ssallab bejn is-subgħa numru erbgħa u s-subgħa numru ħamsa, tqiegħed biċċa qafla rqiqa, jekk jista’ jkun ta’ kulur differenti mill-ħajt tas-sefħa. Meta tkun għaddejt bil-ħajta tmien darbiet minn bejn iż-żewġ swaba’, titwi ż-żewġt itruf tal-qafla ‘l fuq, eżatt kif jidher fid-disinn, u terġa’ tkompli tkebbeb is-sefħa. Kull darba li titwi l-qafla ‘l fuq, tkun qed tiġbor għalihom tmien ħajtiet li se jgħaddu minn bejn żewġ sinniet partikolari tar-rixtellu. Kull qatta’ ħajt li tiġbor tissejjaħ SIBLA, u l-plural jiġi SIBLIET (bunches). Tibqa’ sejjer hekk sakemm ikollok biżżejjed sibliet biex timla r-rextellu kollu, u allura s-sefħa tkun lesta. Biex ma tinsaramx meta taqlagħha, is-sefħa tintrabat ukoll f’postijiet strateġiċi oħra, kif tista’ tara mid-disinn ta’ hawn taħt.

IL-MOTWA TAS-SEFĦA

Issa mhux diffiċli (dejjem jekk tħares lejn id-disinn ta’ hawn fuq) biex tifhem kif titwi s-sefħa fuq in-newl. Fil-post fejn kien hemm is-subgħa numru 5, iddaħħal xtejqa, jew lasta rqiqa. Din tqegħidha fil-post li jkun hemm imħaffer apposta għaliha fuq il-mitwa tas-sefħa. Bir-rixtellu marbut temporanjament f’postu, tkun tista’ mbagħad tifrex il-ħjut tas-sefħa mal-wisa’ kollu tan-newl. Twila kemm tkun twila, is-sefħa tiltewa, jew titrambel, kollha kemm hi fuq il-motwa; imma meta tasal fl-aħħar biċċa, jiġifieri dik il-parti li kienet mitwija mas-swaba’ numru wieħed, tnejn u tlieta ta’ l-imkebba l-kbira, trid tieqaf, għax minn dat-tarf trid issa tgħaddi l-ħjut minn ġon-nir u minn ġol-moxt tad-deff.

Jissokta..

(C) Ġużi Gatt