L-INSIĠ (weaving) hu s-sengħa ta’ kif tipproduċi d-DRAPP (fabric). Id-drapp hu magħmul minn ħafna ħjut weqfin, li jkunu MSALLBIN (interlaced) ma’ ħafna ħjut mimdudin. Il-ħjut il-weqfin jissejħu l-MEDD (warp) u l-ħjut il-mimdudin jissejħu it-TAGĦMA (weft).

Dab l-artiklu huwa l-ewwel minn sensiela dwar l-insiġ u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni”.

Li kellek taqbad ħajta twila, u tgħaddiha għal ħafna drabi minn fuq għal isfel; imbagħad taqbad ħajta oħra u did-darba tgħaddiha msallba minn ġenb għal ġenb, darba tgħaddi minn taħt, u darba tgħaddi minn fuq ta’ kull ħajta wieqfa, tkun, forsi bla ma taf, insiġt biċċa XOQQA (plain weave/tabby weave). Jekk minflok waħda minn fuq u waħda minn taħt, tgħaddi l-ħajta l-mimduda darba minn taħt żewġ ħajtiet weqfin, u darba minn fuq żewġ ħajtiet oħra, tkun insiġt biċċa FUSTAN (twill). Ara ftit id-disinn fil-paġna ta’ qabel.

Meta jkun armat fuq in-newl, tarf wieħed tal-medd ikun irrumblat, jew aħjar: “mitwi” fuq il-MOTWA TAS-SEFĦA (warp beam), li tkun bħal romblu twil ta’ l-injam bil-ħajt tal-medd imkebbeb fuqu. Mill-mitwa, il-ħajt jgħaddi għal ġon-NIR (heddles), minn-nir għal bejn is-snien tal-MOXT (reed), u mill-moxt jerġa’ jitkebbeb fuq romblu ieħor ta’ l-injam li jissejjaħ il-MOTWA TA’ QUDDIEM (fabric beam). Il-proċess hu xi ftit ikkumplikat u biex tifhem, l-aħjar li tħares ftit lejn id-disinn.

In-nir hu magħmul mill-ħajt stirat fuq erba’ tilari li jkunu marbuta b’mod li meta tnejn minnhom jintrefgħu ‘il fuq, jerfgħu magħhom nofs il-ħjut tal-medd, u meta jintrefgħu t-tnejn l-oħra, jerfgħu n-nofs l-ieħor. Il-ħjut tal-medd li jkunu stirati u mitwija bejn iż-żewġ motwiet (ta’ quddiem u ta’ wara), f’xi postijiet jintwew f’għamla ta’ salib, eżatt kif jidher fid-disinn. Biex is-salib iżomm f’postu, jiddaħħlu żewġ lasti ta’ l-injam li jissejħu l-GĦUDIET TAS-SALIB (cross stick/warp peg). Ħares ftit lejn id-disinn t’hawn fuq.

IR-RADEN

Biex tinseġ trid il-ħajt, u dari l-ħajt għall-insiġ kien isir min-nissieġ innifsu. Il-lingwa Ingliża tagħmel distinzjoni u tagħżel bejn il-kelma thread, li tfisser ħajt li jintuża l-aktar għall-ħjata, u l-kelma yarn, li tfisser dak il-ħajt MAGĦŻUL (spun) għall-insiġ. Din id-distinzjoni (kien) jagħmilha wkoll il-Malti. Il-kelma Maltija għal yarn hi RADEN. L-għerq tal-kelma “raden” qiegħed fil-kelma “raddiena”, u l-kelma “marden”, li se niltaqgħu magħhom ‘il quddiem.

Ir-raden, jew il-ħajt għall-insiġ, jista’ jsir mis-SUF (wool), mill-QOTON (cotton), mill-KITTIEN (flax), mill-ĦARIR (silk), mill-QANNEB (hemp), u fi żmienna minn lista twila ta’ pjanti bħall-jute, li minnu jsiru l-ixkejjer; ir-ramie, li jikber l-aktar f’pajjiżi bħaċ-~ina, l-Ġappun, u l-Eġittu u li minnu jsir ċertu tip ta’ għażel; is-sisal, li minnu jinsġu tip ta’ twapet ħoxnin; il-yucca, il-kapok, u anke mill-mohair, li jiġi mix-xagħar ta’ mogħża msejjħa “Angora” li titrabba l-aktar fl-Amerka u fit-Turkija, u l- cashmere, li hu x-xagħar ta’ mogħża oħra li titrabba fit-Tibet.

Fost dawn kollha, x’aktarx li l-aktar magħruf hu s-suf, li jittieħed m’għand in-nagħġa, u it-tajjar li jittieħed mill-qoton. Ejja nibdew mis-suf.

IS-SUF

Qabel ma jidħol is-sajf, ir-raħħal iġiżż in-nagħġa biex jieħu minnha ĠEŻŻA suf (fleece). Wara li taħslu, is-suf trid TINFXU (to fluff/to tease) jiġifieri tfettħu u ġġebbed fih b’subgħajk biex jitpaħpaħ, jikber u jinħall minn xi għoqod u ċapep li jista’ jkun fih. Waqt li qed tinfxu, trid tnaqqih ukoll minn xi frak, zkuk, ħaxix niexef, u ħmieġ ieħor. Meta s-suf ikun minfux sewwa, tiġbed tarf minnu u tobormu bejn subgħajk sakemm ikollok bħal ħajta jew spaga rqiqa. Jekk tibqa’ ġġebbed, ftit ftit, dik l-ispaga jew ħajta li tkun bramt, għandek issib li s-suf jibqa’ ħiereġ bla ma jinqata’, u jekk tkompli tobrom b’subgħajk, wara ftit ikollok ħajta twila mhux ħażin.

Dan hu l-mod ta’ kif TAGĦŻEL (to spin) is-suf. Imma jekk tagħżel is-suf b’subgħajk ta’ jdejk biss, mingħajr għodda, x’aktarx li se ddum wisq sakemm ikollok biżżejjed raden, jew ħajt, biex tista’ tibda taħdem. L-għodda li tintuża tissejjaħ il-MAGĦŻEL (spindle). Il-magħżel jista’ jidher bħala biċċa għodda vera sempliċi, imma hu ferm aħjar li taħdem bih milli tagħżel is-suf b’subgħajk ta’ jdejk biss. Il-magħżel ilu magħruf mill-qedem, anke fi Żmien il-Ħaġar. Hu magħmul minn KAVILJA (dowel) ħoxna xi ċentimetru u twila bejn wieħed u ieħor 30 ċentimetru li jkollha żewġ TUQQALIET (whorls), waħda fuq, u l-oħra isfel, kif jidher fid-disinn, u li jissejħu GALETTI. Mal-galetta ta’ fuq ikun hemm ganċ żgħir li hawn minn jgħidlu s-SUNNARA (hook). Tibda tagħżel billi ġġebbed tarf wieħed tal-kobba suf li jkollok f’idek u tqabbdu mal-ganċ jew mas-sunnara ta’ mal-galetta ta’ fuq, tobrom il-magħżel f’idek, u tkompli ġġebbed fis-suf, biex b’hekk jimbaram ukoll ir-raden jew ħajt li jkun ħiereġ minn ġol-kobba. Meta jkollok biċċa raden twila mhux ħażin, tkebbibha madwar il-kavilja tal-magħżel, mbagħad terġa’ tgħaddiha minn ġos-sunnara, biex dak li kebbibt ma jerġax jinħall. Minn issa ‘l quddiem tista’ tħalli l-magħżel jiddendel minn idek, u xi kultant tagħtih daqqa ma’ koxxtok, biex il-magħżel idur u jobromlok il-ħajt jew ir-raden li tkun qed tiġbed minn ġol-kobba jew ġeżża suf. It-toqol stess tal-magħżel, hu u jdur u jagħqad fl-ajru u mdendel minn idek, jista’ jkun biżżejjed biex jiġbed u jobrom aktar ħajt mill-ġeżża. Aktar ma jiġbed, il-magħżel aktar jaqa’ ‘l isfel lejn l-art. Biex ma tħallihx jaħbat magħha, kuldarba tkebbeb il-ħajta mal-kavilja tal-magħżel, u terġa’ ddawru u titilqu mdendel biex ikompli jiġbed is-suf mill-ġeżża. F’kemm ili ngħidlek ikollok magħżel mimli ħajt tas-suf.

IT-TAJJAR

Is-suf jintagħżel bil-magħżel, imma t-tajjar jintagħżel bir-RADDIENA (spinning wheel). Ir-raddiena għandha l-vantaġġ li biha tista’ tagħżel ferm iktar bil-ħeffa, imma biex taħdem tajjeb, lir-raddiena trid tagħtiha materjal minfux, imfettaħ, u mpaħpaħ tajjeb. Il-QOTON (cotton) ipaħpħuh billi JDOQQUH (to thrash/ to bow). Meta jindaqq, il-qoton isir TAJJAR (carded cotton). Is-suf tan-nagħġa li tinfex bis-swaba’ t’idek, ma jkunx impaħpaħ biżżejjed biex tista’ taħdmu fuq ir-raddiena. Biex ikun tajjeb għar-raddiena, is-suf irid JINTMAXAT (to be carded) bi mxat apposta. F’Malta u Għawdex dan, mid-dehra, ma tantx kien isir. Is-suf kienu jħalluh għall-magħżel, u r-raddiena kienu jħalluha għat-tajjar.

Il-qoton, jew “l-bjad”, kif kienu jsejħulu l-bdiewa, jinżera’ lejn l-aħħar ta’ April. Ix-xitla trabbi bħal blalen biż-żerriegħa li, maż-żmien, jinxfu u jixpakkaw, u jixirfu minn ġo fihom bħal kobob rotob, li ma jkunu xejn ħlief il-qoton li jkun qed jistenna l-bidwi. Il-blalen tal-qoton jinġabru biż-żerriegħa b’kollox għall-ħabta ta’ Settembru, imbagħad IFESDQUHOM (bolling), jiġifieri joħorġu l-qoton minn ġol-FOSDQA (boll/pod), imbagħad JAĦILĠU (ginning) il-qoton, jiġifieri jgħaddu l-qoton minn ġo magna li tissejjaħ ĦALLIEĠA (cotton-gin) biex ineħħulu ż-żerriegħa. F’dil-magna sempliċi, il-qoton jingħadda minn bejn żewġ rombli ta’ l-injam (li jissejħu “l-ħadid”), biex iż-żerriegħa taqa’ fuq naħa, u l-MAĦLUĠ (ginned cotton), jiġifieri l-qoton imnaddaf miż-żerriegħa, jaqa’ fuq in-naħa l-oħra.

Ikun jonqos li l-maħluġ JINDAQQ (to twang/to card cotton), jiġifieri li bħal fil-każ tas-suf tan-nagħaġ li jrid jintnifex bis-swaba’ ta’ l-idejn biex jitpaħpaħ, il-qoton jittieħed għand id-daqqaq, u dan, b’apparat apposta, ifettaħ il-qoton billi jdoqqu. Fuq kif jindaqq il-qoton nitkellmu aktar ‘il quddiem. Meta jindaqq, il-qoton isir TAJJAR (carded cotton). It-tajjar imbagħad jintagħżel biex isir ħajt.

Nerġgħu ngħidu imma, li filwaqt li suf jintagħżel fuq il-magħżel, dak l-apparat sempliċi li semmejna aktar qabel, it-tajjar jintagħżel fuq ir-RADDIENA (spinning wheel). Għalkemm ir-raddiena forsi tidher differenti ħafna mill-magħżel, imma fil-prinċipju tagħhom m’humiex ‘il bogħod minn xulxin. L-ikbar differenza hi li l-magħżel tista’ żżommu fil-but u tiġri bih fejn trid. Meta tidra taħdem bih, ma tridx xi konċentrazzjoni speċjali u n-nisa, dari, kienu jagħżlu s-suf anke waqt li jkunu jpaċpċu u jgħidu l-istejjer. Ir-raddiena ma tistax iġġorrha miegħek fil-but, imma għandha l-vantaġġ li billi r-rota tagħha ddur bil-ħeffa, biha tista’ tagħżel u tipproduċi l-ħajt, jew ir-raden, iktar malajr.

Biex tagħżel it-tajjar bir-raddiena trid tuża idejk it-tnejn. B’id waħda (l-leminija jekk tkun lemini) iddawwar l-IMRADD (crank) li bih iddur ir-raddiena (ara id-disinn), u bl-id l-oħra żżomm il-kobba tat-tajjar li tkun se tagħżel. Tiftakru li biex bdejna nagħżlu s-suf bil-magħżel, qabbadna tarf tal-ġeżża suf li kellna f’idejna mal-ganċ jew is-sunnara tal-magħżel? Issa biex tibda taħdem fuq ir-raddiena trid tobrom tarf mill-kobba tat-tajjar, u tqabbdu ma’ dik il-ħadida rqiqa li tkun ħierġa ‘l barra minn bejn il-widnejn. Dik il-ħadida rqiqa, b’ċilindru żgħir ta’ l-injam imdaħħal ġo fiha, jgħidulha l-MARDEN. Il-prinċipju tar-raddiena hu li r-rota l-kbira ddawwar il-marden, u billi r-rota hi ferm ikbar, ma kull dawra li ddur hi, il-marden idur għaxriet ta’ drabi. Biċċa qafla rqiqa li tissejjaħ il-ĦABLA, ddur mar-rota l-kbira u tgħaddi għal fuq il-KABAR , kif jissejjaħ dak iċ-ċilindru ż-żgħir ta’ l-injam li jkun imdaħħal ġol-marden. Hu permezz tal-ħabla li l-moviment tar-rota l-kbira jgħaddi għal fuq il-kabar, li min-naħa tiegħu jdawwar il-marden.

Waqt li b’id waħda ddawwar l-imradd ħalli r-raddiena ddur u magħha jdur il-marden, il-marden, min-naħa tiegħu, jiġbed tarf il-kobba tajjar li jkollok f’idek l-oħra, u jislet minnha l-ħajt, jew ir-raden, li int tant għandek bżonn. F’kemm ili ngħidlek, il-marden jintela b’kobba ħajt tat-tajjar kbira ġmielha. Biex tkun tista’ tkompli taħdem, trid taqla’ l-kobba minn fuq il-marden billi tiġbidha ‘l barra. Biex il-kobba ma “tinsaramlekx”, jiġifieri biex ma titħabbilx, terġa’ ddaħħlilha ħadida oħra rqiqa, bħal dik tal-marden, u li tissejjaħ DUSSIES. Issa għandek il-marden vojt, u tista’ terġa’ tibda tagħżel aktar ħajt tat-tajjar.

JISSOKTA..

(C) Ġużi Gatt