Din hi l-ewwel parti ta’ artiklu miktub minn Alex Camilleri dwar it-toponomastika tal-Imtaħleb u madwaru. L-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 37 tal-2013. L-ixbihat meħudin minn Google Maps.

F’dan l-artiklu nixtieq nagħti ħarsa lejn il-kontrada mwarrba tal-Imtaħleb, li hija popolari ferm għall-mixjiet fil-kampanja qalb pajsaġġ li jpaxxi l-għajn u jserraħ il-menti.

Peress li l-gżira ta’ Malta hija mxaqilba waħda sew lejn il-Grigal, Ħad-Dingli u l-Imtaħleb li jinsabu man-naħa tal-Lbiċ tagħha sabu ruħhom fil-għoli u fl-istess waqt qrib il-baħar. U minħabba l-istess pożizzjoni ġeografika, f’dawn l-inħawi baqgħu jidhru s-saffi ġeoloġiċi ewlenin kollha tal-Gżejjer Maltin, miż-żonqor li jinsab taħt nett mal-baħar sal-qawwi ta’ fuq fil-quċċata. Għaldaqstant, naraw pajsaġġ imtarraġ u varjat: sisien għoljin li jaqtgħu dritt ċomb għal fuq il-baħar, żrieżaq taflin li jwasslu għal fuqhom, irdumijiet tal-qawwi aktar fil-għoli, u fl-aħħarnett xagħriet watja fuq wiċċ is-saff tal-qawwi. U billi t-tafal iżomm l-ilma tax-xita milli jkompli jiskula ‘l isfel, il-blat poruż (qisu sponża) tal-qawwi iżomm fih ħażna importanti ta’ ilma ħelu li minnha jgelglu bosta nixxigħat. Ma setax jonqos li l-Imtaħleb fih għaġna mżewqa ta’ xagħriet miftuħa u mirjieħa, widien iħaddru, ilma ġieri, u raba’ saqwi, b’kuntrast qawwi max-xtut drammatiċi ta’ taħthom u l-baħar salvaġġ li huma magħrufin għalih dawn l-inħawi. U bħallikieku dan kollu ma kienx biżżejjed, fl-irkejjen moħbija tal-Imtaħleb mhux biss hemm mistur wirt storiku għani li jfakkar fiż-żminijiet medjevali, iżda għadhom jinħassu wkoll l-aħħar nifsijiet tal-ħajja rurali ta’ dari li tista’ tgħid inqerdet għal kollox minn bosta bnadi oħra f’Malta u Għawdex.

Agħfas fuq l-ixbieha hawn fuq biex tara l-mappa fuq qies akbar.

IS-SISIEN TA’ MAL-BAĦAR

Is-sisien tal-Imtaħleb ikomplu ma’ dawk aktar magħrufin ta’ Ħad-Dingli u l-fruntiera ta’ bejniethom, biex ingħidilha hekk, insibuha bejn wieħed u ieħor fi Rdum il-Qaws [4] (jew sempliċement Il-Qaws). Hawnhekk, l-erożjoni qalila tal-baħar matul meded twal ta’ żmien ġiegħlet lis-sies jersaq bil-mod ‘il ġewwa tant li ħa għamla mdawra qisu qaws stirat. It-tarf tiegħu jinsab f’Ras il-Gawwija [3] (jew inkella Il-Ponta tal-Gawwija) li tifirdu mill-Irdum tal-Iħfar [2] u l-bqija ta’ l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli. Il-forma partikolari tiegħu tat ukoll isimha lill-artijjiet ta’ madwaru (Tal-Qaws) kif ukoll lix-xagħra wiesgħa u għolja li tittawwal għal fuqu (Ix-Xagħra tal-Qaws). L-artijiet li jinsabu eżatt ma’ xifer is-sies isibuhom bħala Ix-Xaqliebi [7], minħabba l-qlib tagħhom, u sewwasew taħthom hemm ukoll għar mal-baħar bl-istess isem (L-Għar tax-Xaqliebi). Il-bokka mdaqqsa ta’ dan l-għar ftit li xejn hija fonda, iżda jekk tixxabbat madwar żewġ sulari ġo fiha (fuq blat jaqta’ qisu xafra!) tasal f’biċċa dejqa li tibqa’ dieħla kemmxejn ‘il ġewwa fuq art miksija b’ċagħak u ramel aħrax li juri sa fejn jaf iwassal il-mewġ għoli tal-maltemp. Mhux wisq ‘il bogħod, lejn ix-Xlokk, hemm għar kbir mgħaddas taħt il-baħar, filwaqt li lejn il-Punent tinsab posta tas-sajd imsejħa Taħt il-Girna [9], fejn ġieli tara sajjieda xjuħ jixxabbtu bosta sulari għal isfel biex jilħqu blata żgħira mal-baħar li minnha jistgħu jistadu bil-kumdità…dment li l-baħar ikun bnazzi! Fuq din il-posta, l-art għolja ta’ fuq is-sies titlef il-qlib tagħha u tinfetaħ f’wita mdaqqsa li tibqa’ sejra sa Ras id-Dawwara [10] jew Ras il-Qaws. Din il-ponta rqiqa u mirjieħa tixbaħ lil ganċ ħiereġ għal fuq il-bahar miftuħ. Għandha għoli ta’ madwar għoxrin sular, u l-baħar ta’ taħtha huwa daqstant ieħor fond (‘il fuq minn 70 metru).

Miġra l-Ferħa

Imkennen wara Ras id-Dawwara hemm Il-Port ta’ Għar id-Dwieb [12], qala kbira u b’xenarju tassew spettakolari. L-għamla tiegħu, tawwalija u bi ġnub weqfin mad-dawra kollha tagħtik x’tifhem li aktarx huwa l-fdal ta’ għar daqsiex li maż-żmien ċeda. Fuq ġewwa nett jinsab Għar id-Dwieb, fil-fatt żewġ għerien kbar maġenb xulxin għalkemm wieħed minnhom ma jidħolx wisq ‘il gewwa. ‘Dwieb’ hija l-plural ta’ ‘debba’ (il-mara taż-żiemel) jew ‘dbiba’ (bhima feroċi), iżda r-rabta mal-għar ma jidhirx li hija waħda daqstant diretta. Sa mill-1538, f’dawn l-inħawi tissemma Dar id-Dwieb, u fil-viċin verament hemm xi rziezet qodma li setgħu servew ta’ stalel; għaldaqstant l-għar seta’ ħa ismu minn dak ta’ razzett minnhom jew ta’ xi razzett ieħor eqdem li kien jeżisti dari. Fil-kitbiet ta’ G.F. Abela, Dar id-Dwieb tissemma darbtejn, u filwaqt li f’darba minnhom jagħtina x’nifhmu li qed jitkellem dwar razzett jew stalla, fl-oħra jgħidilna li hija għar kbir (“…è una vasta grotta”). P.P. Castagna ukoll jirreferi għall-għar ta’ mal-baħar bħala Dar id-Dwieb u jiddeskrivih (b’mod mhux daqstant konvinċenti) bħala għar fejn darba nstabu xi bhejjem mgħarrqa. Sewwasew minn fuq Għar id-Dwieb, l-ilmijiet tal-Wied tal-Ġarif [14] jinxteħtu dritt għal ġol-baħar f’ċarċara għolja li tkompli żżewwaq l-inħawi matul ix-xhur xitwin. Il-punt mnejn iċ-ċarċara tiġġarraf għal isfel isibuh bħala Il-Ġarif jew Il-Ġarifa [13]. Mal-ġnub tal-Port ta’ Għar id-Dwieb hemm ukoll xi għerien iżgħar mal-livell tal-baħar jew eżatt taħtu. Wieħed minnhom (man-naħa ta’ Ras id-Dawwara) jinsab bi dritt l-Għar tax-Xaqliebi, tant li fost xi sajjieda tal-lokal hemm għajdut li dawn iż-żewġ għerien pjuttost inaċċessibbli jinfdu ma’ xulxin. Wara li żorthom it-tnejn, ikolli ngħid li din hija biss qlajja’. Jekk inkomplu nduru max-xatt, l-ewwel naqbżu l-posta tas-sajd Tal-Ħarruba [15] li tingħaraf minn xaqq fis-sies b’għar ċkejken taħtu mal-baħar, u mbagħad naslu sal-ponta żgħira Ta’ Ħammud [16] li tinsab faċċata ta’ Ras id-Dawwara u flimkien magħha tagħlaq il-Port ta’ Għar id-Dwieb. Man-naħa ta’ barra ta’ din il-ponta hemm għar ieħor żgħir ‘il fuq minn wiċċ l-ilma. Imbagħad imiss Il-Ponta tad-Dikkiena [19], ras oħra sekondarja bi xkaffa ċatta mlaqqma Id-Dikkiena minħabba l-għamla tagħha (“dikkiena” hija bħal bank tal-ġebel u dari kienet element komuni fl-arkitettura medjevali). Bejn iż-żewġt irjus tinsab posta tas-sajd magħrufa bħala Il-Pass [17] peress li, fi kliem sajjied tal-post, “…trid taqbad mal-blat, iddur, u taqbeż pass biex tkompli tixxabbat…”! Is-sogru ta’ dan kollu jidher fil-kefrija kollha tiegħu f’lapida li hemm qrib ix-xifer fil-Ponta tad-Dikkiena: skond ma kien fissirli l-istess sajjied, il-posti tas-sajd huma meqjusin bħala riservati għal ‘sidhom’ (jiġifieri min ikun sabhom u kkapparrahom l-ewwel, jew inkella jkun wiret dan id-dritt mingħand missirijietu), u mhux lakemm jaqbad u jużahom xi ħadd ġdid bla ma jidħol fl-inkwiet. Għaldaqstant, dan ir-raġel kien ipprova jsib posta ġdida għalih biex ma jirfisx fuq ta’ ħaddieħor, iżda billi l-aħjar posti kienu diġà meħudin kellu jagħżel rotta itqal…u ġietu ħażina, għax kellu jaqbeż xi pass żejjed minn xifer għal ieħor u spiċċa biex kejjilha għal isfel. Is-sies innifsu jgħidulu Is-Sies ta’ Qara’ Rebbieħ [20] u fih posti oħra tas-sajd, fosthom Il-Post il-Ġdid [21] jew Tal-Ferli [22]. Il-ferla (Ferula communis) hija xitla salvaġġa li tixbaħ il-bużbież u li tikber kotrana f’dawn l-inħawi. Il-pajsaġġ matul din il-medda tas-sies huwa ddominat minn grupp ta’ ħames għoljiet żgħar imsejħin Il-Gwiedi [23], kelma qadima li mhix għajr il-plural ta’ “gudja”, jiġifieri ħotba jew tumbata. Il-Wied tal-Ġarif, li diġà semmejtu aktar ‘il fuq, huwa l-wied qasir li jinżel minn bejn dawn il-ħotob lejn Għar id-Dwieb, għalkemm l-istorja tiegħu hija kemmxejn aktar ikkumplikata bħalma se naraw.

Ras id-Dawwara

Aktar lejn il-Punent, jixref Għar Dôson [24] (jew Għar Dôsom). Dan l-għar qasir iżda b’ħalq kbir issawwar matul xaqq ġeoloġiku (fault) li għadu jidher sew biswitu, u minn taħtu jisporġi ħondoq dejjaq f’qiegħ il-baħar li jagħti ħjiel li dari l-għar kien itwal. Fil-fatt, Għar Dôson huwa mrekken f’daħla mnaqqra ġos-sies, li aktarx kienet il-bokka oriġinali tiegħu, ftit jew wisq bħalma rajna fil-każ ta’ Għar id-Dwieb iżda fuq skala iżgħar. Ir-ras sporġuta li warajha jistaħba Għar Dôson, u li tikser kartabun lejn it-Tramuntana sa ma twassal lejn Miġra l-Ferħa [26], isibuha bħala Il-Katnazz [25]. Mal-ġenb tagħha tidher toqba tonda kemmxejn fil-għoli li mill-bogħod tqarraq bik għax qisha għar fuq l-art (bħal Għar Ħasan), iżda fil-fatt hija żbokk (bl-Ingliż blowhole) ta’ għar li jinsab mgħaddas taħt il-baħar, mnejn ifawwar il-mewġ fil-maltemp. Terġa’ u tgħid, ftit aktar fil-fond taħt l-istess għar hemm ukoll ħnejja naturali, filwaqt li mhux wisq ‘il bogħod hemm għar ċkejken taħt il-baħar mnejn inixxi l-ilma ħelu.

U b’hekk wasalna Miġra l-Ferħa, ferq dejjaq fis-sies fejn ħondoq wieqaf magħruf bħala Il-Wied ta’ Miġra l-Ferħa [27] jferra’ ilmijietu għal ġol-baħar. Huwa mistur wara ras oħra, ferm iżgħar mill-Katnazz, u għaldaqstant quddiemu hemm bħal daħla ċkejkna li tintlaħaq mill-art u tista’ tgħum fiha. Iżda din id-daħla ftit li xejn toffri rdoss saħansitra meta l-baħar ikun imqar ftit imċafċaf, u fil-maltemp hawn mhux għaqli li tittarraf lejn ix-xatt minħabba l-mewġ għoli li jibla’ l-art. Fuq blata baxxa biswit ħalq il-wied, sewwasew taħt ir-ras innifisha, hemm ħofra żgħira u tonda li jsejħulha L-Għadira [28]. Għalkemm ma tinfidx mal-baħar miftuħ, tant tintlaħaq mill-mewġ li l-ilma kemmxejn fond tagħha dejjem nadif u ma tantx tista’ tqisu bħala ilma qiegħed. Ġo fiha ġieli tara għadd ta’ granċijiet u ħut żgħir.

Miġra l-Ferħa hija marbuta ma’ leġġenda popolari li tgħid li meta l-Konti Ruġġieru u n-Normanni ħatfu lil Malta fl-1091, żbarkaw propju hawn billi dan il-post mistur kien qrib l-Imdina u fl-istess waqt ma kienx mgħasses. Iżda jidher li din hija biss qlajja’ msejsa fuq il-fehma żbaljata li l-isem tal-post ifisser “ġrajja ta’ ferħ”, u aktarx li l-isem ifisser biss miġra żgħira tal-ilma (f’dan il-każ, ‘ferħa’ hija s-singular ta’ ‘frieħ’). Il-Professur Wettinger jagħti wkoll interpretazzjoni oħra billi jiġbdilna l-attenzjoni li fid-dinja Għarbija ‘Ferħa’ huwa wkoll isem pjuttost komuni fost in-nisa. Ngħiduha kif inhi, biex tniżżel armata sħiħa f’post bħal dan mhux biss trid kedda liema bħalha iżda wkoll trid tkun ixxurtjat u tinzerta baħar bnazzi żejt. Madankollu, G.F. Abela jgħidilna li fi żmienu hawn kien hawn ħajt għoli biex ifixkel l-inżul tal-furbani, għalkemm għandi dubji dwar kemm huwa minnu dan id-dettall. L-uniku episodju storiku dokumentat marbut ma’ din il-parti tax-xtut Maltin seħħ fit-Tieni Gwerra Dinjija u xejn ma ntemm b’wiċċ il-ġid għall-patrijott Malti Carmelo Borg Pisani. Billi kien jemmen li Malta kellha tinfeda mill-ħakma kolonjali Ingliża sabiex issib postha bħala parti mill-Italja, fl-1942 daħal voluntier għal missjoni ta’ spjunaġġ tar-Regia Marina Taljana li kellha twitti t-triq għal invażjoni. Biex ma jintlemahx mill-għases, niżżluh fil-baħar taħt Ras id-Dawwara mnejn aktarx kellu jgħumha lejn Miġra l-Ferħa. Iżda l-baħar imqalleb lanqas s’hawn ma ħallieh jasal, u sab ruħu maqbud ġo għar taħt is-sies aktarx x’imkien lejn Għar Doson jew Għar id-Dwieb. Billi l-baħar kompla jitqawwa, kellu jgħajjat għall-ajjut mingħand dgħajsa tas-sorveljanza…iżda ġietu z-zalza ogħla mill-ħuta għax ħaduh fl-isptar militari tal-Imtarfa fejn it-tabib inzerta kien jafu minn żmien tfulithom. Għarfu u kixfu, u fi ftit kliem bagħtu għall-forka. Tassew li barrani jgħallik iżda ġewwieni jixwik!

Rdum tal-Iħfar

Malli ddur mar-ras ta’ Miġra l-Ferħa, il-quċċata tas-sies tieħu għamla kemmxejn imtarrġa u minnha jixirfu għadd ta’ xkafef naturali wesgħin max-xifer. Dawn taw isimhom lill-post, Ir-Rfuf jew L-Irfuf [29] (il-plural ta’ raff). B’xorti ħażina, parti minn xifer is-sies tintlaħaq faċilment wisq mit-triq, u minn hawn tgħidx kemm twaddbu karozzi (misruqa?) għal isfel tant li f’qiegħ il-baħar illum issib miżbla sħiħa mimlija ħadid imsaddad, tyres u raċanċ ieħor! Jekk nitbiegħdu minn din il-ħerba, is-sies ikompli dritt lejn il-majjistral sal-Ponta tas-Sikka, kap imdaqqas li ħa ismu minn sikka żgħira (Is-Sikka tal-Frajna [32] jew sempliċement Is-Sikka) li toħroġ minn taħtu qabel ma l-kosta tikser lejn it-Tramuntana. Bejn Miġra l-Ferħa u l-Ponta tas-Sikka hemm ukoll żewġ għerien imdaqqsin f’wiċċ il-baħar, wieħed taħt l-Irfuf u l-ieħor eqreb lejn is-sikka. Biswit l-ewwel għar hemm ieħor iżgħar (din id-darba taħt wiċċ il-baħar) b’nixxiegħa ta’ ilma ħelu fuq ġewwa nett li tintlaħaq biss mill-bugħaddasa. Interessanti li l-ilma ħelu li joħroġ minn taħt l-art, sewwasew mill-ħażna tal-pjan li hemm ġol-blat żonqri, ma jitħallatx mill-ewwel ma’ dak mielaħ tal-baħar u jistrieħ fuqu bħala saff separat; meta tgħum minn ġo saff għall-ieħor tistħajlek qed tinfed minn ġo mera bħallikieku f’xi film tal-fantaxjenza. L-inħawi tat-tieni għar mhumiex b’inqas bħala sbuħija, u joffru ħnejja naturali kbira li tinsab mgħarrqa f’fond ta’ aktar minn 30 metru. Iżda xi ngħidu dwar l-ismijiet taż-żewġ għerien infushom? Fil-mapep niltaqgħu ma’ żewg toponimi: Il-Mina [30] (li xi sajjieda kkonfermawhieli bħala wieħed mill-għerien, u isimha magħha minħabba x-xebħ bejn għar u mina) u Il-Frajna [31] (diminuttiv ta’ forna, li tfisser forn żgħir jew inkella għar fil-baħar li għandu din l-għamla, bħalma diġà konna rajna f’artiklu ieħor li kien ħadna lejn Ras il-Forna f’Għawdex). Iżda mhux ċar liema għar għandu liema isem.

L-IRDUM TAS-SARĠ U MADWARU

Mill-Ponta tas-Sikka ‘l hemm jibda L-Irdum tas-Sarġ [34], fejn sensiela ta’ widien żgħar jinżlu b’pendil pjuttost qawwi lejn is-sies, sa ma jistagħdru fuq l-art catta ta’ max-xifer u mbagħad jixħtu gelgul żgħir ta’ ilma għal isfel matul l-istaġun xitwi. Minħabba f’hekk, parti mis-sies isibuha bħala Tal-Ilma [36]. Qribha hemm posta tas-sajd li jgħidulha Qarn il-Mogħża [35]; mhux ċar jekk dan l-isem hux ġej minn xi waħda mix-xtieli salvaġġi li għandhom l-istess isem. L-ewwel fost dawn il-widien, u l-aktar wieħed imdaqqas, huwa Wied il-Ħut [37]– isem pjuttost stramb li skont ma qaluli xi nies li joqogħdu fl-inħawi huwa tifkira tal-ħut żgħir li ġieli jtella’ l-baħar saħansitra għal fuq is-sies meta l-maltemp ikun qawwi ħafna. Dan il-wied, li miegħu ddur it-triq li tibda nieżla għal Miġra l-Ferħa, jibda miIl-Ħotba ta’ Nardu [38] (medda watja ta’ art xagħrija li hija l-ogħla fost l-artijiet ta’ bejn l-Imtaħleb u Wied Rini) u jinżel bħala kanal żgħir minn qalb ix-xagħriet li jinsabu ftit aktar ‘l isfel minnha, jiġifieri Ix-Xagħra tal-Borom [41], Ix-Xagħra t’Isfel [40] u Il-Ħawlija [42]. Din tal-aħħar tfisser art mhux għammiela, peress li ftit li xejn fiha ħamrija. Minn hemm, il-wied jaqa’ ħesrem għal fuq l-art taflija ta’ taħthom u jkompli jaqleb għal isfel. F’ġenb il-wied, illum mat-triq ta’ Miġra l-Ferħa, hemm mina tal-ilma qadima (Il-Mina) maqtugħa ġol-blat. Aktar fil-għoli, sewwasew taħt ix-xagħriet li għadni kemm semmejt, hemm żewġ għerien naturali, wieħed fuq kull naħa ta’ ras il-wied. Dawn huma tal-istess tip bħal Għar Dalam u Għar Ħasan u tnaqqxu mill-ilma ġieri għalkemm f’dal-każ ġos-saff tal-qawwi ta’ fuq. L-Għar tal-Ġerrej [43] jinsab max-xaqliba tat-Tramuntana tal-wied, u għalkemm għandu bokka li tispikka mhuwiex fond. Sieħbu li jinsab man-naħa tan-Nofsinhar huwa eżatt il-kontra: fetħa żgħira u moħbija sew hekk li bilkemm tidher jekk ma tkunx eżatt quddiemha, iżda mbagħad tagħti għal wieħed mill-aktar għerien twal u dojoq tal-Gżejjer Maltin. Għandu għamla qisha katusa naturali twila (l-isem tekniku huwa ‘phreatic tube’), u billi huwa fond u mudlam, igħidulu L-Għar l-Iswed [44]. Biex tidħol fih trid titmiegħek sew fit-tajn, u ddum dieħel mhux ftit. L-għamla tal-blat madwar il-bokka fiha ħjiel ċar li dari dan l-għar kien saħansitra itwal u kellu bokka akbar li maż-żmien iġġarrfet minħabba l-blat li tqaċċat mill-irdum. Ftit passi ‘l bogħod minnu, Ix-Xagħra tal-Borom tisporġi ‘l barra bħala qortin għoli (Il-Ponta tar-Razzett ta’ Fuq) b’binja militari ta’ żmien l-Ingliżi qrib it-tarf tiegħu. Din il-ponta, li tinsab sewwasew fuq ir-riħ ta’ grupp ta’ rziezet qodma magħrufin bħala Tal-Merħla [47] (ħdejn it-triq ta’ Miġra l-Ferħa), tifred ‘il Wied il-Ħut mill-kumplament tal-Imtaħleb. Fl-istess Xagħra tal-Borom, iżda eqreb lejn il-qalba tal-Imtaħleb, hemm ukoll xi fdal arkeoloġiku, fost oħrajn barriera antika u sensiela ta’ ħames oqbra maqtugħin fil-blat.

Il-widien l-oħra tal-Irdum tas-Sarġ huma ferm iżgħar u mhumiex wisq aktar minn kanali fondi maqtugħin ġot-tafal min-nixxigħat li hemm fl-irdum, għalkemm jidher li uħud minnhom iżommu l-ilma s-sena kollha ġaladarba fihom tgħix kolonja żgħira ta’ qwabar (granċijiet) tal-ilma ħelu bħalma hemm fil-widien ewlenin tal-Imtaħleb u l-Baħrija. Jafuhom bħala Il-Wied tal-Għajn it-Tajba [49] u Il-Wied ta’ Għajn Marġa [51] jew Il-Wied ta’ Ġordajna, u l-egħjun tagħhom (L-Għajn it-Tajba jew Għajn Tajba, u Għajn Marġa) jinsabu ġo mini tal-ilma antiki maqtugħin fil-blat. L-aktar mirquma fost dawn il-mini (mogħnija b’ġiebja kbira ġo għar) tinsab ftit passi ‘l bogħod, f’Ta’ Ġordajna, sewwasew taħt razzett qadim xejn anqas sabiħ imrekken fuq xkaffa ġo l-irdum. Mas-sies taħt dawn il-widien hemm il-posta tas-sajd magħrufa bħala Il-Marġa [53].

Minn hawn ‘l hinn, l-Irdum tas-Sarġ iħalli postu għall-Irdum tal-Vigarju [54], fejn id-distanza ta’ bejn is-sies u l-irdum ta’ fuqu hija iqsar u għaldaqstant l-art taflija ta’ bejniethom għandha qlib saħansitra aktar qawwi milli rajna fl-Irdum tas-Sarġ. Iżda hawnhekk ħallejna l-Imtaħleb u prattikament wasalna taħt il-Baħrija; dwar dawn l-inħawi għandi l-ħsieb li nikteb artiklu ieħor f’ħarġa oħra.

JISSOKTA

Alex Camilleri (c)

Werrej (I) tal-postijiet fuq il-mappa:

Is-sisien ta’ mal-baħar

1.        Il-Ponta taċ-Ċifien 2.        L-Irdum ta’ l-Iħfar
3.        Ras il-Gawwija (Il-Ponta tal-Gawwija) 4.        Rdum il-Qaws (Il-Qaws)
5.        Tal-Qaws 6.        Ix-Xagħra tal-Qaws
7.        Ix-Xaqliebi 8.        L-Għar tax-Xaqliebi
9.        Taħt il-Girna 10.      Ras id-Dawwara (Ras il-Qaws)
11.      Il-Port ta’ Għar id-Dwieb 12.      Għar id-Dwieb (Dar id-Dwieb)
13.      Il-Ġarif (Il-Ġarifa) 14.      Il-Wied tal-Ġarif
15.      Tal-Ħarruba 16.      Ta’ Ħammud
17.      Il-Pass 18.      Id-Dikkiena
19.      Il-Ponta tad-Dikkiena 20.      Is-Sies ta’ Qara’ Rebbiegħ
21.      Il-Post il-Ġdid 22.      Tal-Ferli
23.      Il-Gwiedi 24.      Għar Dôson (Għar Dôsom)
25.      Il-Katnazz 26.      Miġra l-Ferħa
27.      Il-Wied ta’ Miġra l-Ferħa 28.      L-Għadira
29.      Ir-Rfuf (L-Irfuf) 30.      Il-Mina
31.      Il-Frajna 32.      Is-Sikka tal-Frajna (Is-Sikka)
33.      Il-Ponta tas-Sikka

 

L-Irdum tas-Sarġ u madwaru

34.      L-Irdum tas-Sarġ 35.      Qarn il-Mogħża
36.      Ta’ l-Ilma 37.      Wied il-Ħut
38.      Il-Ħotba ta’ Nardu 39.      Wied Rini
40.      Ix-Xagħra t’Isfel 41.      Ix-Xagħra tal-Borom
42.      Il-Ħawlija 43.      L-Għar tal-Ġerrej
44.      L-Għar l-Iswed 45.      Il-Mina
46.      Il-Ponta tar-Razzett ta’ Fuq 47.      Tal-Merħla
48.      Għajn it-Tajba (Għajn Tajba) 49.      Il-Wied tal-Għajn it-Tajba
50.      Għajn Marġa 51.      Il-Wied ta’ Għajn Marġa (Il-Wied ta’ Ġordajna)
52.      Ta’ Ġordajna 53.      Il-Marġa
54.      L-Irdum tal-Vigarju