Din hi t-tieni parti ta’ artiklu miktub minn Alex Camilleri dwar it-toponomastika tal-Imtaħleb u madwaru. L-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 37 tal-2013. L-ixbihat meħudin minn Google Maps.

Agħfas fuq l-ixbieha hawn fuq biex tara l-mappa fuq qies akbar.

IL-WIDIEN TAL-IMTAĦLEB

Il-ħondoq fond ta’ Miġra l-Ferħa huwa biss it-tarf ta’ sistema ta’ widien ferm akbar li tibda minn ħdejn il-knisja ta’ L-Imtaħleb. Ħafna awturi jispjegaw dan l-isem bħala nom mimmat li jfisser post fejn isir il-ħlib tal-bhejjem, iżda dwar dan hemm nuqqas ta’ qbil peress li l-Prof. Wettinger jisħaq li din hija semplifikazzjoni żbaljata u li fil-fatt isem il-post ifisser biss l-artijiet ‘ta’ Ħalab’. Sa mill-1575 digà tissemma kappella ta’ Santa Marija Assunta f’dan il-post; fis-seklu XVII ġiet iddedikata lil Maria Bambina u nbniet mill-ġdid fl-1656 wara li kisbet id-dħul finanzjarju minn ‘ġnien’ (li normalment tindika ort imkennen u saqwi) li kien tħallielha fl-Imtaħleb stess u li għandu l-isem Ta’ Santa Marija [117]. Ma jingħadx eżatt f’liema parti tal-Imtaħleb jinsab dan il-ġnien. Ġnien ieħor li għadu jidher sal-lum huwa Il-Ġnien il-Kbir [59]  (fid-dokumenti tissemma l-verżjoni Taljanizzata ‘Giardino Grande’) li jinsab f’ras Il-Wied tal-Imtaħleb, taħt ir-riħ tal-knisja. Hawnhekk, it-trejqa li tinżel minn bejn Ix-Xagħra l-Kbira [55] u Ix-Xagħra ta’ Fuq l-Imtaħleb għal mal-wied tgħaddi minn rixtellu b’arkata monumentali li turi li l-post kellu ċerta importanza. Fil-ġnien innifsu għadhom jidhru żewġ pontijiet qodma li jaqsmu l-korsa tal-wied, u għadd ta’ kanali li jwasslu l-ilma minn ġo l-għerien li jinsabu mħaffrin fil-blat artab ta’ ġenb il-wied. Wieħed minn dawn l-għerien antiki, li jinsab taħt it-trejqa, huwa kbir ġmielu u minbarra mina tal-ilma fih ukoll ġiebja taħt l-art u għajn tal-ħasselin; fid-dokumenti storiċi jidher bħala L-Għajn il-Kbira [60]. Eżatt faċċata tiegħu hemm ieħor pariġġu, ukoll b’mina fonda fuq ġewwanett, li tlaqqam L-Għar tal-Għarwenin [61] minħabba li kienu jinżlu jgħumu ġol-ġiebja mdaqqsa ta’ ġo fih. Fl-ewwel nofs tas-Seklu XX il-kappella tal-Imtaħleb tkabbret sew u llum hija l-korsija ta’ knisja pittoreska kompluta bil-koppla, kampnar u żewġ absidi. Ir-raġuni għal dan it-tkabbir tinftiehem aktar meta wieħed iqis li fl-Imtaħleb kien għad hawn raħal ċkejken li dari dan kien igħodd mal-200 ruħ; dak iż-żmien kien akbar mill-Baħrija iżda beda jmajna mis-sittinijet ‘l hawn meta niesu imxiet lejn il-Baħrija u r-Rabat. Illum fadal biss ftit dwejriet tgħoddhom fuq subgħajk, u uħud minnhom huma vojta u qed jaqgħu.

L-Imtaħleb

Sewwasew fir-ras tal-Wied tal-Imtaħleb, qabel ma l-wied jiffonda f’daqqa, hemm razzett qadim bi skrizzjoni minquxa fuq ġebla fil-faċċata tiegħu li tgħid hekk: “CLARE TA LESPERA TA UARA IDEAB E GIARDINO CHIAM. EL H___UN PERTINENZE DI MONTE CALIBO __TI AL OSPEDALE DI S. NICOLÒ DI _AURA CÕCESSI AD EMF_TE____A GIACOMO GIOANNES BATTISTA SAMMUT PER LA S. GENERA_______N ATTI DI NOT. IGNAZIO DI __NO LE 10 GENNARO 1733”. 1. Din il-kitba llum hija kemmxejn mikula u xi ittri (li hawn immarkajthom b’sing) intilfu jew bilkemm jinqraw. Madankollu, xorta tagħtina tagħrif siewi, tant li f’kolp wieħed qed tgħidilna li:

  1. L-egħlieqi fejn jinsab ir-razzett jissejħu Tal-Ispiera ta’ Wara d-Djar [57] u fil-fatt, f’artiklu miktub fil-perjodiku Melita Historica, il-ħabib tiegħi Keith Buhagiar jirreferi għal pjanta dettaljata tas-Seklu XVII li turi l-isem ‘Xara ta li Ispera’, cioè Ix-Xagħra ta’ l-Ispiera [56], kważi fl-istess post;
  2. Il-ġnien saqwi li hemm magħhom igħidulu ‘Il-H—un’ B’xorti ħażina, din il-kelma m’għadhiex tintgħaraf għax il-ġebla ttieklet wisq. Iżda fil-pjanta tas-Seklu XVII jissemma ‘Giardino ta’ Haleun’. Bla dubju, dan huwa tagħwiġa ta’ isem Malti – forsi Il-Ġnien tal-Għaljun [58]? Għaljun huwa tip ta’ qasab li s-soltu jikber salvaġġ f’dan it-tip ta’ ambjent, u għaldaqstant din it-tifsira ma tidhirx daqstant imġebbda;
  3. Din l-art bidlet l-idejn fis-sena 1733 x’aktarx, anke l-iskrizzjoni nnifisha saret f’din id-data, u l-istess dettall jagħtina ħjiel bejn wieħed u ieħor ta’ meta nbena l-bini; u
  4. Għal riċerki aktar dettaljati għandna nfittxu fl-atti tan-nutar Ignazio Debono. Dan in-nutar għex bejn is-Sekli XVII u XVIII, u l-atti tiegħu fil-fatt inkitbu bejn l-1695 u l-1748.

Hawn naraw kemm tassew dawn il-lapidi li jinsabu mxerrdin madwar il-kampanja (normalment ingastati fil-ħajt ta’ xi kmajra qadima ftit li xejn magħrufa) huma wirt storiku li għandna ngħożżuh. Sa ċertu punt, ix-xhieda tagħhom hija saħansitra aqwa mid-dokumenti ta’ ġo l-arkivji peress li ma tħallix dubju dwar fejn jinsab il-post eżatt, ħaġa li mhux dejjem toħroġ ċara minn kitbiet oħra. U hawn ma naħmilx ma nsemmix il-ħsara bla qies li tkun qed issir kull meta binjiet antiki bħal dawn jitwaqqgħu biex flokhom jinbnew strutturi koroh, jew meta l-lapidi nfushom jinqalgħu minn posthom jew jinsterqu biex jinbiegħu bħala antikwarjat.

Mhux wisq ‘il bogħod hemm Il-Ġebel l-Abjad [62], qortin żgħir iżda kemmxejn għoli maħruġ ‘il barra bejn il-Wied ta’ l-Imtaħleb u wied ieħor tewmi miegħu li fih Il-Ġnien tal-Ġebel l-Abjad [63]. F’dan il-każ, il-kelma Semitika ‘ġebel’ tfisser għolja jew muntanja, u l-bqija tal-isem ġej mil-lewn bajdani tal-blat tas-sekonda mal-faċċata tal-qortin. Anke hawn insibu għadd ta’ għerien imħaffrin fil-blat, uħud minnhom użati bħala mqawel u oħrajn aktar fondi li fihom l-egħjun tal-ilma. Aktar ‘l isfel, bejn l-artijiet Ta’ Klikan [67], Ta’ Titta [68] u Il-Qirqni [69], iż-żewġ widien jingħaqdu u jiffurmaw wied pjuttost fond (Wied Markozz [70]) li jżomm miġra ta’ ilma matul is-sena kollha. Hawnhekk, taħt il-qasab folt li jiksi qiegħ il-wied, igħammar il-granċ tal-ilma ħelu (Potamon fluviatile lanfrancoi). Iżda ‘Markozz’ xi tfisser? Din hija varjant tal-isem Taljan Marcuccio jew Marcuzzo (diminuttiv ta’ Marco), u għaldaqstant aktarx li l-wied issemma’ għal xi ħadd li dari kellu l-artijiet hawn. Aktar ‘l isfel, dan il-wied jingħaqad ma’ Wied ir-Rummien [71], wied baxx u wiesa’ mimli siġar tar-rummien li jinsab maqrus bejn l-Imtaħleb u Il-Gwiedi. Lejn il-bidu ta’ dan il-wied hemm Il-Bruka [72], siġra waħdanija tal-bruk (Tamarix africana) tassew xiħa. Tissemma saħansitra fl-1647 fil-kitbiet ta’ Giovanni Franceso Abela, għalkemm l-awtur ma jorbotx it-tifsira tal-isem mas-siġra, u għadha ħajja sal-lum wara li għaddew aktar minn 350 sena oħra minn fuqha. Abela jagħti wkoll l-isem alternattiv ta’ Bruket Ilma. Fl-istess inħawi, fil-mapep jidher l-isem Tal-Għerief [73]. Id-dizzjunarju ta’ Ġużè Aquilina wkoll isemmih bla ma jagħti tifsira għalih. Peress li propju hawnhekk hawn xi binjiet qodma u ġabra ta’ mqawel nofshom sfrundati, nazzarda ngħid li dan aktarx huwa plural ta’ ‘għorfa’, għalkemm jista’ jkun ukoll taħsira ta’ ‘ġarif’ li huwa l-isem ta’ wied ieħor fil-qrib sew li erġajna wasalna ħdejh. Fejn jingħaqdu Wied Markozz u Wied ir-Rummien, jibda l-Wied ta’ Miġra l-Ferħa, wied twil u wiesa’ li jibqa’ nieżel sas-sies bejn Il-Katnazz u Miġra l-Ferħa wara li jserrep minn bejn il-Gwiedi u l-artijiet Ta’ Klikan, Tal-Qawwi [74] u Tal-Merħla li jinsabu aktar fil-għoli fuq in-naħa l-oħra. Qrib is-sies, l-ilma tal-wied ħanxar ħondoq fond bosta sulari fil-blat żonqri, u huwa propju dan il-ħondoq dejjaq li jċarrat is-sies fi tnejn u jilħaq xatt il-baħar. Wara x-xita, l-ilmijiet tal-wied jaqgħu ħesrem għal ġol-ħondoq f’ċarċara kbira, u hemm ċarċara oħra iżgħar aktar ‘l isfel.

BEJN L-IMTAĦLEB U ĦAD-DINGLI

Jidher li s-sistema ta’ widien li twassal lejn Miġra l-Ferħa fl-imgħoddi kienet saħansitra ferm akbar. Kif? Jekk minn ħdejn il-Bruka tħares lejn il-Lvant, tara wied kbir u wiesa’ (Wied ir-Rum) eżatt bi dritt Wied ir-Rummien, u hemm ħjiel li xi darba kienu jkomplu ma’ xulxin. Iżda llum l-ilmijiet ta’ Wied ir-Rum minflok ma jferrgħu lejn Miġra l-Ferħa, jilwu ħesrem lejn Għar id-Dwieb minħabba li seħħ proċess ta’ erożjoni li bl-Ingliż jissejjaħ stream capture. Jekk żewġ xmajjar jew imġieri jinzertaw qrib wisq ta’ xulxin, maż-żmien il-widien tagħhom jispiċċaw biex jinfdu ma’ xulxin minħabba li l-ilma jkun qed igħawrilhom il-ġnub. Il-Wied tal-Ġarif igħaddi viċin ħafna tal-punt fejn Wied ir-Rummien kien ikompli ma’ Wied ir-Rum, u maż-żmien l-elementi naqqru l-galletta ta’ blat artab tal-bajjâd li kienet tifred il-ġnub taż-żewġ widien. Billi hemm diżlivell qawwi bejn il-qigħan taż-żewġ naħat, l-ilmijiet ta’ Wied ir-Rum bdew iċarċru lejn Il-Wied tal-Ġarif minflok ma jibqgħu għaddejjin għad-dritt. Maż-żmien, l-istess ilma kompla ħanxar il-korsa l-ġdida tiegħu u b’hekk il-wied twil li kien iffurmat minn Wied ir-Rum u l-Wied ta’ Miġra l-Ferħa (dan tal-aħħar b’Wied ir-Rummien magħdud miegħu) safa maqsum f’biċċtejn. B’riżultat ta’ dan, il-Wied tal-Ġarif minn wied pjuttost żgħir (u tiegħu f’tiegħu) sar parti minn sistema estensiva u b’tifsila stramba, u fl-istess waqt Wied ir-Rummien sar il-bidu ta’ dak li kien għad fadal mill-wied l-ieħor. Il-proċess kien megħjun ukoll minn wied ieħor żgħir (fergħa sekondarja ta’ Wied ir-Rum) li jinżel eżatt bi dritt it-tnaqqira li semmejt; dan il-wied għadu jidher sal-lum u minn ġo fih tinżel it-trejqa li twassal mill-Imtaħleb lejn Għar id-Dwieb, iżda s’issa ma rnexxilix nitkixxef x’igħidulu.

Is-Simblija

L-isem ta’ Wied ir-Rum m’għandu xejn x’jaqsam ma’ xarba alkoħolika, u GF Abela jfissirulna bħala “Valle de’ Christiani Greci”. Hawnhekk, ‘rum’ hija kelma Għarbija mnissla minn ‘Ruma’ u x’aktarx li għall-bidu kienet tirreferi għal nies b’kultura Rumana, iżda maż-żmien it-tifsira tagħha sfat imġebbda u assoċjata mal-Insara tal-Lvant. Xi kittieba jsostnu li biex nifhmu aħjar għala dan il-wied issejjaħ hekk, irridu niftakru li fiż-żmien medjevali li matulu kien qed jintgħaġen l-ilsien Malti seħħew bidliet u taqlibiet importanti, u matulhom jista’ jkun li l-kulturi differenti għamlu xi żmien igħixu maġenb xulxin. Skont din il-fehma, taħt il-ħakma Għarbija d-drawwiet Biżantini damu aktar ma nqerdu fl-irkejjen imbiegħda tal-kampanja, u l-istess ġara aktar tard fil-każ tal-kultura Għarbija meta l-ibliet u l-irħula ewlenin kienu diġà xorbu l-influwenza Latina li ġabu magħhom in-Normanni. Diffiċli tgħid bl-eżatt x’ġara f’dawk iż-żminijiet imbiegħda, u jista’ jagħti l-każ li mal-fatti storiċi tħalltu wkoll xi leġġendi u ħrejjef, iżda l-irħula ċkejknin, imwarrbin u antiki ta’ madwar l-Imtaħleb (ilkoll magħmulin minn djar, imqawel u saħansitra kappelel ġo l-għerien) hemm min iqishom bħala xhieda ta’ dan il-proċess.

Wied ir-Rum [99] jibda sewwasew minn ħdejn l-artijiet Ta’ Dnat [91], fejn jingħaqdu Il-Wied ta’ Baldu [96] u Wied Ħrun [81]. Il-Wied ta’ Baldu huwa wied qsajjar iżda kemmxejn fond li jibda minn ħdejn Misraħ Suffara [92]. Fih għadd ta’ għerien u mini tal-ilma mħaffrin fil-blat, li l-aktar magħruf fosthom huwa L-Għar ta’ Baldu [95]. Ġo dan l-għar hemm mhux biss mina ta’ l-ilma u ġibjun antik taħt l-art, iżda wkoll għajn tal-ħasselin tassew ħelwa li għandha d-data 1629 minquxa fuqha, għalkemm il-mejjilla ewlenija tidher ferm eqdem u aktarx li hija l-fdal ta’ magħsar taż-żebbuġ ta’ Żmien ir-Rumani. L-istess mini tal-ilma jisqu l-Ġnien ta’ Baldu [97], li jinsab imkennen bejn ġnub il-wied u xi ħitan tas-sejjiegħ tassew għoljin. Ma’ dan l-ort hemm binja ta’ żmien il-Kavallieri, miżbugħa ħamra, bit-titlu “Territorio Ta’ Baldu” mal-faċċata tagħha. L-artijiet li jittawlu għal fuq il-Wied ta’ Baldu min-naħa tan-Nofsinhar isibuhom bħala L-Għars [98], jiġifieri ġnien imħawwel b’siġar jew dwieli li għadhom żgħar – jew aħjar kienu għadhom żgħar meta l-art tlaqqmet hekk. Ftit ‘il fuq minn ras il-Wied ta’ Baldu tinsab ħofra kbira u tonda (l-isem tekniku huwa ‘dolina’) b’madwar żewġ sulari fond, li tissejjaħ Ħofret ir-Rizz [93]. Din hija l-fdal ta’ għar naturali daqsiex li ntgħawar taħt l-art mill-ilma tax-xita u li tant kiber li maż-żmien sfrondalu s-saqaf, l-istess bħall-Maqluba ta’ ħdejn il-Qrendi iżda ferm akbar. Għalkemm tidher aktar baxxa mill-bosta sulari tal-Maqluba, dan huwa biss minħabba li matul eluf ta’ snin imtliet bin-naqal u l-ħamrija b’mod naturali, u Alla biss jaf il-fond veru tagħha. Peress li hija kennija u għandha mhux biss ħamrija fonda iżda wkoll għajn tal-ilma, tħaddan fiha medda mdaqqsa ta’ raba’ saqwi. Bħalha hemm oħra fil-Baħrija, taħt r-riħ tal-kappella l-qadima ta’ San Martin. Imissu ma’ Ħofret ir-Rizz hemm L-Istbal [94] (jiġifieri l-istalel, kif jikkonfermalna GF Abela fl-1647); f’xi mapep moderni, dan it-toponimu sab ruħu mgħaffeġ u jidher bħala ‘L-Iżball’…u fil-fatt għandu jkun ikkoreġut!

Wied Ħażrun huwa wied itwal li jibda minn ħdejn l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, preċiżament mill-artijiet għoljin Tar-Ramux [75] u Il-Wilġa [76] li jittawlu għal fuq l-Irdum ta’ l-Iħfar u l-Ponta taċifien (għalkemm ma tidhirx fid-dizzjunarju, il-kelma ‘ċifien’ donnha plural ta’ ‘ċiefa’, għasfur tal-baħar li jgħammar fis-sisien għoljin). L-ewwel nofs tal-wied (ħdejn l-artijiet tal-Imwieġel [77], Il-Ħawlija [78] u Tal-Imnadar [79]) huwa pjuttost baxx u jsibuh bħala Il-Wied tal-Ġirwin [80]. Aktar ‘l isfel, taħt l-artijiet Ta’ Wied Ħażrun [82], isir aktar fond u jibdel ismu. Hawnhekk, fuq parti mill-ġenb kemmxejn wieqaf tal-wied, hemm xi siġar xjuħ tal-ballut (Quercus ilex) li mhumiex għajr il-fdal ta’ bosk qadim u aktar mifrux. Mill-injam iebes ta’ dawn is-siġar dari kienu jsiru l-marloġġi tal-għodda. Illum, is-siġar li għad fadal tgħoddhom fuq subgħajk, u saret ħsara liema bħalha għall-ħabta ta’ l-1991 meta dan il-masġar naturali ngħata n-nar. Aktar ‘l isfel, hemm mogħdija dejqa li taqsam qiegħ il-wied minn fuq pont baxx li aktarx inbena qabel l-1720; imbagħad titla’ minn qalb is-siġar u l-blat ta’ man-naħa l-oħra tal-wied lejn il-fdalijiet tar-raħal ċkejken tas-Simblija [83], li jinsab imperreċ max-xifer ta’ promontorju għoli li jittawwal lura lejn Wied ir-Rum u l-Wied ta’ Baldu. L-istess bħalma rajna fl-inħawi l-oħra ta’ madwar l-Imtaħleb, madwar is-Simblija hemm għadd ġmielu ta’ għerien u binjiet nofshom imħaffrin fil-blat, u minbarra sensiela ta’ mqawel qodma u mini ta’ l-ilma kien hemm ukoll kappella medjevali u mitħna tal-miexi (jiġifieri mitħna mdawra minn bagħal jew bhima oħra, bħalma kienu l-imtieħen Maltin u Għawdxin qabel ma ddaħħlu l-imtieħen tar-riħ fi Żmien il-Kavallieri) ġo għar kbir ħdejha. Hemm min isostni li l-kappella hija dik ta’ Santa Marija ta’ Callus [85], hekk imsejħa minħabba li għal xi żmien kienet parti mill-propjetà Tal-Callus [84] (l-istess bħall-Fawwara ta’ Wied ir-Rum [86], għajn ta’ l-ilma li tissemma f’att notarili ta’ l-1467). Wara li Ġużeppi Callus, li kien sid l-art, ġie kkundannat għall-mewt mill-Gran Mastru de Valette, l-art ġiet ikkonfiskata u għaddiet għand il-Veneranda Assemblea tal-kappillani konventwali tal-Ordni. Donnu li isem l-inħawi tnissel mit-tkissir ta’ ‘assemblea’. Bejn is-snin 1998 u l-2000, il-kumpless storiku tas-Simblija ġie rrestawrat mill-awtoritajiet.

Il-Veduta minn Għajn Tejtes

Il-promontorju tas-Simblija huwa biss wieħed mit-tliet ponot ta’ medda trijangolari ferm akbar ta’ art watja magħrufa bħala Ix-Xagħra tal-Qaws. Fuq ġenb minnhom (lejn il-Lvant), din ix-xagħra għandha l-Wied tal-Ġirwin u Wied Ħażrun li jaqtgħuha mill-kumplament ta’ Ħad-Dingli, filwaqt li man-naħa tal-Lbiċ tħares lejn il-baħar u tittawwal għal fuq Irdum il-Qaws. Il-faċċata ta’ dan il-ġenb tintgħaraf mill-bogħod peress li fiha roqgħa ta’ blat ħamrani (L-Għalqa l-Ħamra [90] jew Il-Ħotba l-Ħamra) li fil-fatt hija l-fdal ta’ ħofra naturali li eluf ta’ snin ilu mtliet b’mod naturali b’naqal u ħamrija li mbagħad ibbiesu u ffurmaw tip ta’ blat imsejjaħ depożitu Kwaternarju. L-irdum ta’ madwarha (hawnhekk wasalna lura fuq Irdum il-Qaws) fih ruxxmata għerien imħaffrin fil-blat, fosthom xi mini żgħar tal-ilma. Iżda dawn lanqas jibdew ħdejn il-kwantità kbira ta’ għerien u mini tal-ilma (uħud minnhom imdaqqsin sew) li hemm imħaffrin mat-tul kollu tat-tielet ġenb tax-xagħra, li jħares lejn it-tramuntana għal fuq Wied ir-Rum. Fost dawn tispikka Il-Qattara [87], għar pjuttost kbir b’ġiebja taħt l-art u tliet mini tal-ilma f’livelli differenti li jagħtu għal ġo fiha; waħda mill-mini fiha saħansitra taraġ fuq ġewwa u biex tilħaqha trid tgħum fl-ilma nġazzat li qatt ma jara xemx. Din l-għajn taqdi Il-Ġnien tal-Qattara [88], li jinsab taħtha mal-ġenb ta’ Wied ir-Rum. Fil-qrib, bejn wieħed u ieħor fejn hemm l-artijiet Tax-Xieref [89], hemm il-fdal ta’ masġar ieħor naturali magħmul minn siġar rari tan-nemmiesa jew olmu (Ulmus canescens); huwa misqi minn nixxigħa oħra ħdejn il-Qattara.

Ix-xaqliba l-oħra ta’ Wied ir-Rum (faċċata tal-Qattara) ukoll miżgħuda bl-għerien qisha ġobna tat-toqba, għalkemm bostha minnhom ma jintlemħux mill-bogħod peress li huma misturin wara siġar kbar u folti taż-żebbuġ u tal-ħarrub li jikbru salvaġġi taħt l-irdum. Jekk nibdew minn ħdejn il-Wied ta’ Baldu u nibdew mexjin ‘l isfel lejn l-Imtaħleb, naħbtu ma’ l-artijiet saqwin Ta’ San Ġakbu [100] (jew Il-Ġnien ta’ San Ġakbu) imsemmijin għall-kappella medjevali ta’ San Ġakbu [101] li kienet tinsab f’wieħed mill-għerien. Mhux wisq ‘il bogħod imbagħad hemm Għajn Tajtes [102], mina kbira tal-ilma b’ġiebja maqtugħa fil-blat fil-bokka tagħha, bil-Ġnien ta’ Għajn Tejtes [103] taħtha. Matul ix-xagħra miftuħa li tagħti għal fuqhom tgħaddi mogħdija dejqa u kemmxejn stramba, li tikkonsisti f’par raded twal minquxin fil-blat u maqrusin bejn żewġ ħitan tas-sejjiegħ mat-tul kollu tagħhom. Isibuha bħala It-Triq il-Ġdida [104] jew Il-Ħajt ta’ l-Inġinier, iżda dwarha ma stajtx insib wisq aktar tagħrif, għajr xi xnigħat li l-ħitan inbnew fi żmien l-Ingliżi biex il-priġunieri jingħataw x’jagħmlu. Ir-raded infushom jidhru eqdem minn hekk, u madwarhom hemm ukoll bosta kalati (cart ruts) ferm aktar bikrin li f’xi bnadi (ngħidu aħna mat-tarf tax-Xagħra tal-Bir) jaslu sa xifer l-irdum għax fl-imgħoddi kienu jibqgħu sejrin għal fuq artijiet li ilhom li ġġarrfu għal isfel.

Bla dubju, ix-Xagħra tal-Bir tlaqqmet hekk minħabba bir qadim (imsaqqaf biċ-ċangaturi u b’ħerża sabiħa) li jinsab għalih waħdu mat-trejqa mwarrba li tagħti għal remissa ħelwa f’tarf l-irdum; fiha wkoll xi oqbra antiki maqtugħin fil-blat. Eżatt mar-remissa, it-trejqa tinżel wieqfa għal isfel biex tiħaq ir-raħal ċkejken qisu presepju ta’ Għar Żerriegħa [105]. Hawnhekk għadek sal-lum tara ġemgħa ta’ djar abitati nofshom imħaffrin fil-blat u ngastati ġol-faċċata tal-irdum, l-istess bħalma dari kien hemm madwar l-Imtaħleb kollu. Uħud mid-dwejriet huma kemmxejn aktar ‘l isfel mill-oħrajn u skont il-mapep isibuhom bħala Djar Luqa [106]. Għar Żerriegħa jittawwal għal fuq Il-Wied ta’ Għar Ilma [111], fergħa oħra ta’ Wied ir-Rum li tibda minn taħt ix-Xagħra tal-Bir [107] u l-artijiet watja ta’ biswitha (Il-Qasam [108] u Tal-Kalkara [109]). F’ras dan il-wied hemm sensiela ta’ mini oħra tal-ilma, fosthom Għar Ilma [110] nnifsu.

Hawn jixref qortin ieħor imdaqqas, magħruf bħala Il-Ġebel l-Aħmar [112], li jifred il-Wied ta’ Għar Ilma mill-Wied tal-Imtaħleb. Dan mhux għajr it-tarf imqabbeż ‘il barra tax-Xagħra ta’ fuq l-Imtaħleb, u jintlaħaq minn trejqa li tinferaq mit-triq ewlenija tal-Imtaħleb sewwasew fil-quċċata fejn hemm Id-Dar tal-Ħotba [115] u mbagħad tgħaddi bejn din ix-xagħra u x-Xagħra ta’ Bla Ħajt [115]. Sewwasew f’xifer il-qortin (Il-Ponta [113]), hemm minżel ieħor b’għar kbir ħdejh (Għar Arloġġ [114]) li dari kien jintuża bħala remissa. It-trejqa wieqfa li tgħaddi minn dan il-minżel terġa’ tofroq fi tnejn sewwasew taħt l-għar, u filwaqt li fergħa minnhom iddur mal-qortin u tieħu lura lejn Il-Wied taI-Imtaħleb u Wied Markozz, l-oħra sserrep ‘l isfel lejn Wied ir-Rummien u Għar id-Dwieb u fi triqitha tgħaddi minn ġo wied żgħir li diġà ltqajna miegħu. B’hekk tista’ tgħid li dorna dawra sħiħa u erġajna lura minn fejn bdejna.

EGĦLUQ

F’dan l-artiklu xtaqt ngħaddi ġabra ta’ tagħrif mhux biss dwar it-toponomastika ta’ waħda mill-isbaħ irkejjen tal-gżira ta’ Malta, iżda wkoll dwar ir-rabta li din għandha mal-ambjent naturali, il-pajsaġġ, l-istorja u l-attivitajiet tradizzjonali tal-inħawi. Ippruvajt nagħti stampa kemm jista’ jkun iddettaljata, iżda għad hemm informazzjoni nieqsa li jistħoqqilha aktar stħarriġ. L-ewwelnett, f’din il-kitba stess aċċennajt għal widien u għerien li għadni ma sibtx x’igħidulhom. U, bħalma ġrali waqt l-istħarriġ għal artikli oħra, iltqajt ma’ numru ta’ ismijiet dokumentati ta’ mkejjen li s’issa ma nistax ngħid b’ċertezza fejn qegħdin. Ngħidu aħna, x’imkien f’Wied ir-Rum hemm Għar Għollieqa [118], filwaqt li bejn Għajn Tejtes u l-Imtaħleb hemm il-Ġnien Tan-Naħla [119] li f’dal-każ qed jirreferi għal siġra tal-palm (li bil-Malti bikri kienet tissejjaħ ‘nakħla’, l-istess bħall-Għarbi) u mhux għan-naħla bħala nsett. U, tabilħaqq, imxerrdin qalb l-irdumijiet għadek tara xi siġar tal-palm jikbru għalihom waħedhom fis-salvaġġ, aktarx wara li xi għasfur ikun ġab iż-żerriegħa tagħhom mid-deżert. F’xi post qrib l-istess wied jissemma’ Ħal Għul [120], raħal ċkejken tal-kampanja (spjegat minn G.F. Abela bħala ‘Casale del Serpente, ò Dracone’) li aktarx li kien diġà żvinta fix-xejn sas-Seklu XVI peress li d-dokumenti ta’ l-1556 jindikawh bħala isem ta’ raba’ maħdum u fl-1647 jissemma’ biss bħala territorju tal-isptar ta’ Santu Spirtu. Iżda s’hemm irnexxieli nsir naf. Lanqas ma stajt insib irkaptu ta’ fejn jinsabu għadd ta’ nixxigħat bħal Għajn Għorab [121], Għajn Andrija [122], ‘Aayn Cior’ [123] (forsi Għajn Ċar jew Għajn Ċarċar?), u Għajn San Gwann [124] li tinsab ġo wieħed mill-ħafna għerien tal-inħawi. U ma’ dawn, ikolli nzid ukoll żewġ widien (Wied il-Qasab Ħelu [125] u Wied il-Berberi [126]) u r-raba’ li bla dubju jinsab ġo, jew ħdejn, wieħed minnhom (Tal-Wilġa ta’ Qasab il-Ħelu [127]). Insomma, għad fadal x’niskopru…

© Alex Camilleri

Werrej (II) tal-postijiet fuq il-mappa:

L-Imtaħleb

1.        Ix-Xagħra l-Kbira 2.        Ix-Xagħra ta’ l-Ispiera
3.        Ta’ l-Ispiera ta’ Wara d-Djar 4.        Il-Ġnien tal-Għaljun (?)
5.        Il-Ġnien il-Kbir 6.        Għajn il-Kbira
7.        L-Għar ta’ l-Għarwenin 8.        Il-Ġebel l-Abjad
9.        Il-Ġnien tal-Ġebel l-Abjad 10.      Il-Wied ta’ l-Imtaħleb
11.      L-Imtaħleb 12.      Ix-Xagħra ta’ Fuq l-Imtaħleb
13.      Ta’ Klikan 14.      Ta’ Titta
15.      Il-Qirqni 16.      Wied Markozz
17.      Wied ir-Rummien 18.      Il-Bruka (Bruket Ilma)
19.      Tal-Għerief 20.      Tal-Qawwi

 

Bejn l-Imtaħleb u Ħad-Dingli

21.      Tar-Ramux 22.      Il-Wilġa
23.      L-Imwieġel 24.      Il-Ħawlija
25.      Ta’ l-Imnadar 26.      Il-Wied tal-Ġirwin
27.      Wied Ħażrun 28.      Ta’ Wied Ħażrun
29.      Is-Simblija 30.      Tal-Callus
31.      Santa Marija ta’ Callus 32.      Il-Fawwara ta’ Wied ir-Rum
33.      Il-Qattara 34.      Il-Ġnien tal-Qattara
35.      Tax-Xieref 36.      L-Għalqa l-Ħamra (Il-Ħotba l-Ħamra)
37.      Ta’ Dnat 38.      Misraħ Suffara
39.      Ħofret ir-Rizz 40.      L-Istbal
41.      L-Għar ta’ Baldu 42.      Il-Wied ta’ Baldu
43.      Il-Ġnien ta’ Baldu 44.      L-Għars
45.      Wied ir-Rum 46.      Ta’ San Ġakbu (Il-Ġnien ta’ San Ġakbu)
47.      San Ġakbu 48.      Għajn Tajtes
49.      Il-Ġnien ta’ Għajn Tejtes 50.      It-Triq il-Ġdida (Il-Ħajt ta’ l-Inġinier)
51.      Għar Żerriegħa 52.      Djar Luqa
53.      Ix-Xagħra tal-Bir 54.      Il-Qasam
55.      Tal-Kalkara 56.      Għar Ilma
57.      Il-Wied ta’ Għar Ilma 58.      Il-Ġebel l-Aħmar
59.      Il-Ponta 60.      Għar Arloġġ
61.      Ix-Xagħra ta’ Bla Ħajt 62.      Id-Dar tal-Ħotba

 

Oħrajn (mhux identifikati sew)

63.      Ta’ Santa Marija 64.      Għar Għollieqa
65.      Tan-Naħla 66.      Ħal Għul
67.      Għajn Għorab 68.      Għajn Andrija
69.      ‘Aayn Cior’ (= Għajn Ċar? –jew- Għajn Ċarċar?) 70.      Għajn San Gwann
71.      Wied il-Qasab Ħelu 72.      Wied il-Berberi
73.      Tal-Wilġa ta’ Qasab il-Ħelu

 

Riferenzi

  1. Abela, Gio. Francesco (1647): Della Descrittione di Malta Isola nel Mare Siciliano con le sue Antichità ed Altre Notitie (sic). Edizzjoni facsimile mitbugħa minn Midsea Books Ltd. (1984).
  2. Anonima (1733). Skrizzjoni notarili minquxa fil-ġebel mal-faċcata ta’ razzett fl-Imtaħleb.
  3. Anonima (bla data): Plakka reċenti mwaħħla fl-Għar ta’ Baldu “Dan l-ilma ilu fil-Ġnien ta’ Baldu mill-1629”
  4. Anonima (bla data): Carmelo Borg Pisani. kif deher fuq il-paġna ta’ l-Internet http://it.wikipedia.org/wiki/Carmelo_Borg_Pisani, nhar il-31 ta’ Awwissu 2013.
  5. Anonima (bla data): One World – Protecting the most significant buildings, monuments and features of the Maltese islands (16): Rural complex, Is-Simblija l/o Rabat ġkif deher fuq il-paġna tal-Internet http://www.timesofmalta.com/articles/view/20090704/opinion/one-world-protecting-the-most-significant-buildings-monuments-and-features-of-the-maltese-islands-16.263590, fid-9 ta’ Settembru 2013.
  6. Aquilina, Joseph (1987): Maltese-English Dictionary. Midsea Books Ltd.
  7. Aquilina, Michael (2003). ARAMIS (Arabic Mills and Irrigation systems in the Mediterranean Basin) Project (Malta): research and conservation of medieval site outside Rabat/Dingli. Artiklu fil-gazzetta “The Sunday Times” tad-19 ta’ Jannar 2003.
  8. Aquilina, Michael (2003). Restoration of Is-Simblija. Artiklu fil-gazzetta “The Sunday Times” tat-2 ta’ Frar 2003.
  9. Awtorità tal-Ippjanar (1995): Avviż nru. 722 (Skedar ta’ Proprjetà – Att ta’ l-1992 dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp, Artikolu 46), ippubblikat f’paġna 5922 tal-Gazzetta tal-Gvern tas-17 ta’ Novembru 1995.
  10. Bonnici, Alexander (1997): Knisja Qadima f’ġieħ Marija Bambina Fl-Imtaħleb. (Serje: Kappelli u Knejjes Filjali fir-Rabat: 2). Kitba ppublikata fi “Il-Festi Tagħna – Rabat” n. 21 (1997) u riprodotta fil-paġna ta’ l-Internet http://www.mtahlebchurch.com/storja%20tal-knisja%20ta%27%20l-imtahleb.pdf, kif dehret nhar it-30 ta’ Awwissu 2013.
  11. Buhagiar, Keith (2003): L-Għar ta’ Baldu Water Gallery. Artiklu fil-gazzetta “The Sunday Times” tas-16 ta’ Novembru 2003.
  12. Buhagiar, Keith (2012): Revisiting Wied ir-Rum: Some recent archaeological discoveries. Melita Historica Vol. XVI Nru 1.
  13. Buhagiar, Mario (1999): The Norman Conquest of Malta, ippublikat fi Xuereb, P. (ed.) Karissime Gotifride. Malta University Press.
  14. Castagna, Pietro Paolo (1866): Lis Storia ta Malta Bil Gzejer Tahha (sic). Edizzjoni facsimile mitbugħa minn Midsea Books Ltd. (1985).
  15. Ciantar, Noel (bla data): Kappelli Maltin: Il-Kappella Medjevali fis-Simblija – Limiti ta’ Ħad-Dingli kif deher fuq il-paġna tal-Internet http://www.kappellimaltin.com/html/is-simblija.html, nhar l-1 ta’ Settembru 2013.
  16. Grima, Noel (2011): The unexplored wonders of Wied ir-Rum. kif deher fuq il-paġna tal-Internet http://www.independent.com.mt/articles/2011-10-02/news/the-unexplored-wonders-of-wied-ir-rum-299555/, nhar is-6 ta’ Settembru 2013.
  17. Jaccarini, Carol J. (1998). Ir-Razzett – The Maltese Farmhouse. Dan il-ktieb fih ritratti ta’ rziezet qodma fil-Wied tal-Imtaħleb u f’Tal-Merħla
  18. Kunsill Lokali Ħad-Dingli (bla data): Is-Simblija kif deher fuq il-paġna tal-Internet http://www.dingli.gov.mt/default.aspx?MDIS=749, nhar id-9 ta’ Settembru 2013.
  19. Mizzi, Laurence (2002): Il-Każ Borg Pisani Sittin Sena Wara. Publishers Enterprises Group (PEG) Ltd.
  20. Pedley, Martyn, Hughes Clarke, Michael & Galea, Pauline (2002): Limestone Isles in a Crystal Sea: The Geology of the Maltese Islands. Publishers Enterprises Group (PEG) Ltd.
  21. Rolé, Avertano (2007): The Terraced Landscapes of the Maltese Islands. Ippubblikat f’Pedroli B, Van Doorn A, De Blust G, Paracchini ML, Wascher D & Bunce F (ed. 2007). Europe’s living landscapes. Essays on exploring our identity in the countryside. Landscape Europe/ KNNV.
  22. Vella, Clifford (2011): L-Imtieħen tat-Tħin tal-Qamħ fil-Gżejjer Maltin. Printit Ltd.
  23. Wettinger, Godfrey (1974): Some Maltese Medieval Place-Names of Archaeological Interest. Atti del Colloquio Internazionale di Archeologia Medievale (Palermo-Erice 20-22 settembre 1974). Istituto di Storia Medievale, Università di Palermo.
  24. Wettinger, Godfrey: The Lost Villages and Hamlets of Malta. F’Medieval Malta, ed. A.T. Luttrell, Londra, 1975 pġ. 181-216.
  25. Wettinger, Godfrey (2000): Place-Names of the Maltese Islands ca. 1300-1800. Publishers Enterprises Group (PEG) Ltd.

Komunikazzjonijiet personali:

  1. Dr David Mallia, 1990s
  2. Jesmond Muscat (minn Ħad-Dingli), 1999
  3. Manwel “il-Malel” (sajjied min-Nigret, Iż-Żurrieq), 2005
  4. Michael Galea (mir-Rabat), 2000
  5. Toni Galea (sajjied f’Għar id-Dwieb), 1994
  6. Dr Vincent Depasquale, 1990s
  7. Bdiewa (anonimi) f’dawn il-lokalitajiet: Misraħ Suffara (1993); Is-Simblija (1993); Għar Żerriegħa (1993 & 2003); Wied ir-Rum (1994); Wied Markozz (1999); Wied il-Ħut (1999); u Għajn Tajba (1999 & 2000)
  8. Kaċċaturi (anonimi) f’dawn il-lokalitajiet: Wied ir-Rum (1995)
  9. Nassaba (anonimi) f’dawn il-lokalitajiet: Ta’ Ħammud (1995); u Is-Sies ta’ Qara’ Rebbiegħ (2001)
  10. Sajjieda (anonimi) f’dawn il-lokalitajiet: Miġra l-Ferħa (1995); L-Irdum tas-Sarġ (2000); Il-Blata tal-Melħ (2001); L-Irdum tal-Vigarju (2002); Ras id-Dawwara (2004); Ix-Xaqliebi (2004); u Għar id-Dwieb (2006).