Fis-Snin Għoxrin tas-Seklu li Għadda.

Kitba ta’ Carmel Vella. Dan l-artiklu deher oriġinarjament f’L-Imnara (Nru 40, 2017).

Id-29 ta’ Ġunju, Festa ta’ San Pietru u San Pawl, magħrufa bħala l-Imnarja, hija essenzjalment il-festa tal-bdiewa. Sa l-ewwel kwart tas-seklu Għoxrin, ferrm aktar minn nofs il-familji tas-Siġġiewi kienu bdiewa u kienu minn ta’ quddiem li jiċċelebraw bil-kbir dan il-jum.  Jien twelidt u għext il-biċċa l-kbira ta’ ħajti f’dan ir-raħal rurali. Illum għandi kważi 97 sena u għalkemm m’għadnix ngħix fis-Siġġiewi, qalbi dejjem baqgħet marbuta miegħu u nqis ruħi għadni nagħmel parti min-nies ħawtiela ta’ dak il-lokal. Għadni midħla sewwa ta’ kull ma kien u għadu jiġri ġewwa r-raħal u llum sa mmur lura fis-snin u ngħidilkom x’kien isir nhar l-Imnarja fis-snin għoxrin tas-seklu li m’ilux li għadda

Kif kienet it-tradizzjoni, l-Imnarja fis-snin għoxrin kienet tibda bil-qari tal-Bandu . Nhar il-Festa ta’ Ġwann, fl-24 ta’ Ġunju, ragel liebes ilbies medjevali, bi flejguta u bid daqq tat-tanbur, kien johrog mill-Imdina fit-toroq tar-Rabat u jaqra il-Bandu. Dan kien jikkonsisti fil-qari tar-regolamenti tat-tiġrija maħsubha li ssir nhar l-Imnarja, id-29 ta’ Ġunju.

Kif għadu jsir sal-lum, l-Imnarja fil-fatt kienet tibda filgħaxija tal-jum ta’ qabel fil-Buskettt, bil-wirja tal-prodotti tal-biedja fosthom haxix u frott kif ukoll bhejjem tax-xogħol, ngħaġ u mogħoż, baqar, qżieqeż, fniek u kull xorta ta’ tjur.  Lejlet il-Festa, in-nies kienet terħila lejn il-Buskett tard wara nofsinhar.  Dak iż-żmien karozzi kien għad m’hawnx u n-nies tas-Siġġiewi u ta’l-irħula qrib kienu jaslu l-Buskett jew bil-mixi jew b’xi karettun migbud minn żiemel jew ħmara. L-ewwel ma jagħmlu kienu jżuru il-wirja agrikola mħejjija taħt it-tinda, f’dik il-wesgħa ta’ ħdejn il-grotta. Malli tinżel ix-xemx jibda l-għana u l-briju. Ċorom ta’ żgħażagħ armati bil-kitarri, tamburlini u xi flejguta jinxtehtu taħt is-siġar u jisfogaw f’għana spirtu pront li l-għan tiegħu aktarx ikun li jsemmu d-difetti wieħed tal-ieħor.

Imma ħafna nies oħra jagħtuha ghall-ilkel minn fuq l-imwejjed li jitħejjew apposta ‘l hawn u ‘l hinn taħt is-siġar kbar. L-aktar ikel imfittex ikun il-fenek moqli bit-tewm u mdawwar bil-patata tlellex bix-xaħam. Ħobż biż-żejt , tadam u kappar, mazzit u zalzett kien jiġi kkunsmat ukoll. U ma kienx jonqos l-imbid; ħalli li kultant kien jitla’ fl-irjus u ma kienx rari li jingħad xi kliem żejjed, tant li x’uħud kienu jiġu fl-idejn. Wara li jieklu, ħafna kienu dawk li jdabbru rashom lejn djarhom u jħallu l-għors u x-xalar għaż-żagħżagħ sakrana mitlufin fl-għana, jiċċajtaw u jagħtu fastidju bla rażan. Dawn idumu jishru sa tard ħafna bil-lejl u x’hin ma jifilħux izjed jinxteħtu ma l-art taħt xi siġar u jorqdu sa ma tibda tbexbex l-għodwa.

Il-Loġġa tal-Gran Mastru

JUM L-IMNARJA

Ma’ sbieħ jum l-Imnarja. missieri kien jeħodni għall-quddiesa ta l-ewwel. Wara, flimkien ma xi żewġ ġirien, konna nitilqu bil-pass għall-Buskett. Ngħaddu minn Ta’ Brija u naqbdu l-wied. Ngħaddu minn trejqiet dojoq, kultant qalb għollieq iniggeż u ħotob li jekk ma tkunx ħsiebek hemm jitfgħuk fil-fondoq tal-wied. Il mixja kienet tiehu aktar minn nofs siegħa u konna naslu fil-qalba tal-Buskett f’xemx taqli l-fjokki.

L-ewwel konna nżuru l-wirja. Jien kont nitpaxxa nara dawk il-ħxejjex friski, frott mill-aktar bnin, hawh, lanġas, bettieh, dulliegh, tadam, patata u ħlejjaq għaslin oħra tar raba’ Malti. Fost l-esebiti kont nara ukoll għasel tan-naħal, tin taċ-ċappa, tadam imqadded, fliexken bil-ġulepp tal-frott magħmula bl-idejn, tkif ukoll hxejjex aromatiċi u żrieragh ta’ kull ġens. Imbgħad kont nintilef inħares lejn xi gendus enormi marbut ma siġra, lejn żwiemel, bgħula, nghaġ mogħoż, u gaġeġ bis-sriedaq u tiġieġ, ħamiem u diversi razez ta’ fniek. Uħud minn dawn kien ikollom ċertificat mehmuż m’għonqom li juri li jkunu rebħu premju –ta’ l-ewwel. it-tieni jew it-tielet.

Il-Wirja kienet tintemm f’nofsinhar meta l-Gvernatur, jew xi ras kbira oħra, kien jqassam il-premjijiet. Kien fih gost tara dawk il-bdiewa jxejjru l-bnadar u tazzi li jatuhom bħala premju, għotjiet li kunu jixhdu il-ħidma sfiqa li jkunu wettqu ma tulek ja sena biex setgħu inisslu dawk il-prodotti esposti fil-wirja..

Imbgħad lura bil-mixi lejn id-dar. Konna naslu għal ħabta tas-sagħtejn u tgħidx ommi xi frawdi kienet tagħmel għax kesħilha kollox

IT-TIĠRIJA

Filgħaxija ta’ jum l-Imnarja kienet issir it-tiġrija taħt is-Saqqajja fir Rabat. Din għada ssir hemm sal-lum..

Il-korsa tal-ġiri kienet imqassma f’żewġ partijiet – dik taż-żwiemel u l-oħra tal-ħmir. Taż-żwiemel kienet ftit itwal u t-tluq kien jibda minn bejn zewġ plieri, wieħed f’kull naħa tat-trieq. Kienu jkunu mbajdin sofor u ħomor. Fuq plier minnhom kien hemm rokna għal dak inkarigat mill-ordni, li minnha kien jispara t-tir b’sinjal tat-tluq. Aktar il-fuq tat-triq kien hemm il-plieri tal-ħmir, eżatt bħall-oħrajn. It-triq tal korsa kienet twassal sa taħt is-Saqqajja, sal-loġġa tal-premjijiet. It-triq kienet għadha tat-torba, kollha ħotob u ħofor.

Qabel inkompli, nixtieq ngħid xiħaġa dwar il-famusa Loġġa li wieħed jara f’tarf triq it-tiġrija. Kien fl-1675, fi żmien il- Gran Mastru Emanuel de Rohan, meta Giovanni Gourgion, il-Ħakem ta’ l-Imdina, ried jeħles mill-istruttura ta’ l-injam li kien hemm biex minnha jitqassmu l-paljijiet lir-rebbieħa. It-tiġrija kienet ukoll issir fuq l-istess korsa li hemm illum.

Il-Ħakem qabbad lill-Perit ċelebri Lorenzo Gafà biex jagħmel pjanta ta’ loġġa tal-ġebel. Il-Perit, imbgħad, inkariga lill-imgħallem Salvu Borg biex jagħmel il-binja flimkien ma xi skulturi u l-inqix ta-tarki armorjali. Salvu Borg kien Kapumastru, jew mgħallem tal-bini mis-Siġġiewi u kien wettaq xogħlijiet famuzi f’inħawi oħra ta’ Malta Il-Loġġa tlestiet f’Lulju ta’ l-1696 u ġiet tiswa 819 skudi u 9 tari. Għada titgawda sal-lum fl-istess post fejn issebbaħ tarf it-telgħa u toħloq kurżità lejn min jieqaf iħares lejha. Għadha sservi ukoll għall-istess skop sal-lum il-ġurnata.

L-iskrizzjoni li wieħed jara fuq il-hajt ta’ ġewwa tal-Loġġa tgħid “CUI LEGITIME CERTAVERIT” li bil-Malti jfisser: (Il-premju jistħoqq) LIL MIN JIKKOMPETI KIF JIXRAQ.

Il-Kapumastru Salvu Boorg miet fl-1733 u indifen f’raħal twelidu, is-Siġġiewi. Fir-Reġistru tal-mejtin tal-Parroċċa, taħt ismu hemm imniżżel Mastru Salvatore Borg arkitett eminenti.

L-ISPETTATURI

Sadattant, issa jibdew jaslu n-nies għat-tiġrija. Dawk tal-irħula qrib — ir-Rabat, Ħad Dingli u s-Siġġiewi — kienu jaslu aktarx bil-mixi imma kien hemm ukoll minn kellu xi serkin biż-żiemel. Oħrajn, aktar komdi, kienu jikru karozzin, iżejnuh bil-liedna, jaqilgħulu s-saqaf u, fuq l-erbgħa vireg tal-ħadid li kien ipoġġi fuqhom, kienu jwaħħlu tuffiħat ta’ belludja.

Xi koppji ta’ miżżewġin friski kienu wkoll jieħdu karozzin imżejjen bil-liedna u l-fjuri. Ta’ min ikun jaf li, sa ma ntemmet l-Ewwel Gwerra ta’ l-1914-18, kienet għada drawwa li min ikun iżżewweġ dik is-sena, l-għarus jintrabat li jieħu lil martu għat-tiġrija tar-Rabat kif ukoll għal festa ta’ San Girgor fiż-Żejtun. Sfortunatament, kienu l-uniku żewġ ħarġiet li kienu jseħħu fil-kors ta’ ħajjet dik il-povra mara.

Nies li kienu jiġu min-naħa tal-Belt kienu jaslu bil-vapur tal-art li kien jitlaq minn Bieb il-Belt u fi triqtu lejn ir-Rabat kien jiġbor nies mill-Ħamrun, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard. Il-passiġġieri kienu jinżlu fl-istazzjon tas-Saqqajja fl-istess triq tat-tiġrija. Matul is-snin għoxrin it-tren, jew vapur ta’ l-art, kien għadu jopera kuljum bejn ir-Rabat u l-Imtarfa. Kien waqaf jaħdem għal-kollox fis-sena 1931.

Hekk kif in-nies tasal fil-post tat-tiġria, kulħadd kien ifittex post bil-qiegħda fuq il-hitan tas-sejjieħ matul il-korsa. Min ma jilħaqx post jibqa’ bil-wieqfa taht il-ħajt. Fil-Loġġa kienu jpoġġu l-kbarat li, meta jispiċċaw is-sitt tlielaq, jagħtu l-paljijiet lir-rebbieha. Peress li dak il-ħin tkun għadha x-xemx, in-nies kien jeħodha l-għatx u għal dan il-għan kien ikun hemm xi bejjiegħa ta’ l-ilma, bil-bomblu tal-fuħħar mimli ilma frisk. Min jitħajjar jixtri kien iħallas sitt ħabbiet u jingħata jixrob f’bott tal-landa.

Taħt il-ħajt, qrib il-Loġġa, kien jintasab raġel ibiegħ tal-gaxen. Għal min ma jafx, il-gaxen kien ikun tilqit ta’ laħam, patata , ftit zalza u loqom tal-ħobż li kienu jħallu wara l-ikel is-suldati u l-baħrin Ingliżi. Kien jixtri dak l-iskart ta’ l-ikel kuntrattur li wara kien iwellih lil għadd ta’ bejjiegħa tat-triq. Tali ikel kien jinġieb f’laned kbar u kien jinbiegħ tlett soldi kull porzjon. Kien ikun hemm numru sewwa ta’ xerrejja, għax dak iż-żmien kien hawn nuqqas kbir ta’ xogħol u ħafna nies kienu neqsin mill-ikel.. Il-bejjiegh kien itella’ l-laħam u li jkun hemm fil-landa b’idu u driegħu tal-lemin u jatih lix-xerrej imgeżwer f’biċċa gażżetta.

Għal ħabta tas-sitta jibdew it-tlielaq. Il-ġerrejja, li kienu jirkbu bla sarġ, kienu jkunu armati b’niggieża twila u tgħidx kemm kienu jniggżu lill-imsejkna bhima sakem tintemm il-ġirja. Jidhirli li kienu jkunu sitt korsi b’kollox. Jibdew il-ħmir u ma ngħidlekx kemm botti kont tisma xhin jarawhom jitqanżħu hekk kif jaqbdu t-telgħa.. Imbagħad ikomplu l-korsi taż-żwiemel, tal-bgħula u ta’ li jkun fadal. Hekk kif tintemm it-tiġrija jitqassmu l-paljijiet fost ir-rebbieħa u dawn, sa jtiru bil-ferħ, jitilqu bihom lejn pajjizhom fost iċ-ċapċip u i-ferh ta’ sħabhom. Kultant kien jinqala’ il-ġlied għax ma jkunx hemm qbil ma dak li jiddeċiedu l-imħallfin.

Raġel mis-Siġġiewi, li kien joqgħod San Ġiljan, kellu ħmar prim u kull sena kien imissu palju. Kien jiġi bih is-Siġġiewi fost il-ferħ tad-delettani u, wara dawra brijuża mar-raħal, imur jippreżenta dak il-palju lill-knisja. Kienu juzaw il-paljijiet biex jagħmlu xi ventartal, jew xi pjaneta għall-qassisin. L-istess kien isir bil-palju meta jirbah xi żiemel jew bagħal mir-raħal.

FUQ BLAT IL-QAMAR

Issa kulħadd jibda jaħseb biex imur lura lejn pajjizu. Dawk li jkunu rekbin fuq xiħaġa jinfexxu f’żufjettar, fastidju u għana tal-okkażżjoni. Dawk mis-Siġġiwin kienu jidħlu fir-raħal minn Blat il-Qamar. Fis-snin għoxrin kien għadu ma nbenix ic-Cimiterju f’dawk l-inħawi u ħafna mir-raba’ tal-post kien zdingat u bil-blat mikxuf – għalhekk Blat-il-Qamar.

Kienet drawwa, li ħafna nisa kienu jieħdu lil uliedhom u jintasbu bil-qegħda fuq iċ-ċnut ta’ l-egħlieqi matul dik il-medda ta’ triq. Ommi kienet dejjem teħodna hemmekk, l-erbgħa aħwa li konna, biex nassistu għal dak li jkun qed iseħħ. Ħafna nisa xjuh u xebbiet kont tarahom hemm ukoll.

Malli jaslu l-ewwel pariljii u karozzini aħna t-tfal konna noħorġu għan nofs biex niġbru kull ma jitwaddab minn fuq dawk l-inġenji. Kienu jwaddbu tuffieh ta’ belludja, perlini u xi jugarell. Il-mira ma kennitx tkun ghalina t-tfal imma għal xi tfajla milli jkun hemm fuq il-ħajt, imma aktar iva milli le, dawk l-oġġetti kienu jispiċċaw f’idejna t-tfal, fost il-ħars ikraħ ta’ min ikun waddabhom. Kienet tkun xalata għalina ż-żgħar!

L-Imnarja fis-Siġġiewi ma kenitx tispiċċa hawn, għax malli jidlam sewwa gruppi ta’ għannejja kienu joħorġu bil-kitarri jduru mat-toroq tar-raħal u jintilfu f’orġja ta’ għana,. L-aktar li kont issibhom kien taħt xi tieqa ta’ dar li fiha tkun toqgħod xi xbejba li waslet għaż-żwieġ. Ma kienx jonqos il-ħars moħbi ta’ dawn ix-xbejbiet minn wara t-twieqi jew mil-persjani.

Dak iż-żmien il-ġuvintur ma kellhomx Paceville u kien b’ħafna ħabi biex jiltaqghħu ma tfajla fil-beraħ. Il-lejl ta’ l-Imnarja kien okkażżjoni biex dawn iż-żagħżagħ jesprimu xewqithom f’serenati ta’ għana taħt it-twieqi tal-maħbubin tagħhom. Kultant kien ikun hemm xi wieħed li tiġieh żewġ u jolqot l-ġħajn ta’ xi waħda minn dawn u, f’qasir żmien, il-koppja jaslu sal-artal.

Riflessjonijiet

L-iljieli ta’ xalar, ikel, xorb u għana fil-Buskett, kif ukoll it-tiġrijiet taħt is-Saqqajja, għadhom magħna sal-lum. Iż-żewġ okkażjonijiet għadhom jiġbdu għadd kbir ta’ nies lejn ir-Rabat u l-Buskett. Imma n-nisa, t-tfajliet u t-tfal ferrieħa fuq Blat il-Qamar għebu mar-riħ, kif ukoll l-għannejja fit-toroq tar-raħal, li kienu l-għaxqa tax-xbejbiet irżina li jkunu jistennew okkażżjoni bħal dik. . Hekk ukoll spiċċaw mix-xena l-karozzini mżejnin, li flokhom issa daħlu l-inġenji tal-mutur. Hu fatt ta’ sogħba, kif il-wasla ta’ mezzi tat-trasport modern serqu l-ġmiel rurali ta’ dil-festa sajfija, li kienet l-Imnarja ta’ tfuliti.

(C) Carmel Vella