Ma Nindunawx x’Għaddej minn Taħt Imneħirna.

Kitba ta’ Ġużi Gatt. L_Artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara, Nru 41, 2017.

Fid-29 ta’ Jannar tas-sena 2016, bħal ma jsir tista’ tgħid kull nhar ta’ Ħadd, kien hemm l-għana f’Ta’ Ġanna Bar li qiegħed fi Triq Luqa Briffa, ż-Żejtun. Ħin minnhom, qamu bil-wieqfa sitt għannejja. Dawn intagħażlu bejniethom u tqassmu fi tliet pari, u bdew jgħannu.  Issa wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li kemm jekk għannejja jkun hemm tnejn, jew erba’, jew sitta, tmienja, jew ġieli anke iżjed, dawn jintagħżlu tnejn tnejn, u f’kull par, għannej jitkellem biss ma sieħbu, bla ma jagħti każ il-pari l-oħra x’qed jgħidu bejniethom.  Fost is-sitt għannejja li għannew f’Ta’ Ġanna Bar dakinhar kien hemm Martinu Cassar, li messu jgħanni ma’ Martinu Scorfna.  Martinu Cassar kien qiegħed it-tielet wieħed fil-filliera.  Dak kien ifisser li wara li jgħanni hu, ried jgħanni dak li kien ir-raba’ u dak li kien il-ħames.  Martinu Scorfna, li kien is-sitt wieħed fil-filliera, kellu jistenna lit-tnejn ta’ qablu jgħannu, qabel ma seta’ jwieġeb lil sieħbu, Martinu Cassar, li kien it-tielet wieħed fil-filliera.  Fl-Għana Spirtu Pront ta’ dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, (b’xorti ħazina) dejjem hekk jiġri.

Martinu Cassar (MC) beda b’din l-istrofa:

 

La beda d-daqq se jibda l-Għana

Għaliex, ħbieb, hekk għandu jkun.

U ara, il-lejla, “tal-leħja” (jiġifieri l-istess Martinu, għax dan għandu ftit daqna),

Se jgħanni mal-mustaċċun! (għax sieħbu Martinu Scorfna għandu l-mustaċċi).

 

Martinu Scorfna (MS), bis-sabar kollu, qagħad jistenna lit-tnejn ta’ qablu jgħannu l-istrofa tagħhom, imbagħad wieġeb lil sieħbu hekk:

 

 Tal-leħja ma’ tal-mustaċċi

Kemm se jkun fina interess.

Jisimni Martinu bħalek

Voldieri jisimna l-istess.

 

 U biex ikompli miegħu, meta reġa’ mess lil MC biex jgħanni, dan għanna hekk:

 

Aħna t-tnejn Martin jisimna

U dana veru, gideb mhux.

Għalhekk semmejtlek il-mustaċċi

Ħalli n-nies ma jitfixklux!

 

L-Għana Spirtu Pront hu KOMPETIZZJONI BIL-KLIEM, u s-sengħa titlob li l-għannej jipprova jfittex id-difett u x-xagħra fl-għaġina f’dak li jkun għanna l-għannej l-ieħor sieħbu.  Din hi parti integrali minn din il-logħba lingwistika, u jekk tneħħiha jew tipprova teliminaha (jew tgħid li hi injoranza li ġġib il-ġlied) tkun qed toqtol lil dat-tip ta’ għana. B’dan il-ħsieb f’moħħu, MS wieġeb hekk:

 

La llestu dawn it-tliet kwarti

In-nies imorru lejn id-dar.

Kunjomi jaħbat Scorfna.

Differenti tiegħek – Cassar!

 

Jiġifieri li billi jisimna Martin it-tnejn, in-nies m’għandhom għalfejn jitfixklu.  Dak kulma kien hemm bżonn biex l-għannejja jagħmlu l-kuntatt u jkomplu jilgħabu bejniethom dik li m’hi xejn ħlief, nerġa’ ngħid, LOGĦBA LINGWISTIKA – fenominu kulturali mhux komuni, u li qiegħed taħt imneħirna u ħafna minna xorta ma jarawhx.  L-għannejja komplew hekk:

 

(MC) U jien m’għandix għalfejn nitfixkel,

U ġalladarba ismi bħalek,

U qed tgħid li kunjomok Scorfna,

Il-lejla nassa nippreparalek!

 

(MS) W’int m’għandekx għalfejn titfixkel.

Bħalma lili ma tfixkilnix.

B’nassa, vopa jew ċawla taqbad.

Imma skorfna – ma taqbadnix!

 

(MC) Għax għidtlek li naqbdek bin-nassa

Il-kliem qiegħed twaqqagħli.

Jien bin-nassa xorta naqbdek,

Għaliex sajjied profesjonali.

 

(MS) Ir-risposti li tajtek jiena,

Martinu, kemm huma ħfief.

B’foxxna lili tista’ taqbad,

B’konz, inkella forsi bix-xlief.

 

(MC) Jiena sajjied professjonali,

U kliemi sewwa u żomm fih.

Nitfagħlek l-għalf ġewwa n-nassa

U int, żaqqieq, tidħol għalih

 

(MS) Inti sajjied professjonali,

Ġo Marsaxlokk lilek semmewk.

Jekk irrid nidħol le ma nista’

Għax, Martin, neħel jien bix-xewk.

 

(MC) Li bix-xewk ma tistax tgħaddi,

Naħseb li qed tgħid ċuċata.

Għax l-iskorfna x-xewk tiftaħhom

Biss x’ħin tiġi attakkata.

 

Forsi tistaqsu: Kif taf x’intqal dakinhar għand Ta’ Ġanna Bar?  Kont hemm?  Le, ma kontx hemm.  Sirt naf biss, għax fi żmienna, xi dilettanti tal-għana qed jitfgħu videos tal-Għana fuq il-Youtube, u wieħed jista’ jsibhom hemm.  Il-filmat ta’ din is-serata ġibdu certu Anthony Sammut, magħruf bħala l-Luzzu.  B’xorti ħażina, jidher li l-Luzzu, meta bdew jgħannu l-għannejja tagħna kien ilu ftit jiġbed għana ieħor, u nofs triq spiċċalu t-tape!  Ir-riżultat hu li issa ma nistgħux inkunu nafu jekk hux veru li skorfna ma’ tistax tidħol ġo nassa minħabba x-xewk li għandha.  Ħaqqna!  Martinu Cassar u Martinu Scorfna m’humiex fost l-għannejja l-aktar magħrufa, imma dakinhar għand Ta’ Ġanna Bar ħargitilhom LOGĦBA LINKWISTIKA gustuża – logħba li aħna issa ma nistgħux inkunu nafu kif spiċċat, għax il-Luzzu spiċċalu t-tape!  Fi Triq Luqa Briffa ż-Żejtun ikun hemm l-għana tista’ tgħid kull nhar ta’ Ħadd.  Iż-Żejtun, xi kull tant, jgħannu wkoll fiċ-Ċentru Laburista tar-raħal, jew f’bar li hemm f’Misraħ il-Bjar, ir-Raħal t’Isfel, jew f’bar ieħor ir-Raħal ta’ Fuq, jgħidulu “Tal-Gustuż”.  Għal ħafna snin kien isir l-għana kull nhar ta’ Ħadd preċett fil-piċċ tal-boċċi ta’ Sa Maison, għand iż-Żubina; in-nies kienu jgħannu l-Marsa, Ħal Tarxien, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk, in-Naxxar…jiġifieri ġibu quddiem għajnejkom l-għadd kbir ta’ Ħdud matul għexieren ta’ snin, u s-siegħat bla għadd ta’ għana li qatt ma nkiteb jew ġie rreġistrat.  Qed ngħid qatt ma nkiteb għaliex kull nhar ta’ Ħadd, f’xi ħin, x’imkien, fost l-għana kollu li jsir, xi żewġ għannejja joħorġilhom battibekk bejniethom tajjeb biżżejjed biex jinkiteb.  Id-dilettanti tal-għana ma jmorrux biex jisimgħu l-ilħna sbieħ, imma jmorru biex jixtarru DAK LI JINGĦAD bejn l-għannejja. Il-ħmerija hi li l-intelletwali u dawk li jmexxu l-kultura f’Malta donnhom li m’għandhomx l-iċken ħjiel li l-għana m’huwiex, l-aktar, MUŻIKA, imma hu iktar DWELL LINGWISTIKU.

Ftit tas-snin ilu, l-ħabib tiegħi Andrew Alamango kien qed iħejji biex jerġa’ joħroġ għall-bejgħ il-mużika Maltija li ġiet irrekordjata fuq dawk id-diski msejħa “tal-faħam” bejn l-1931 u l-1932.[1]  Fi tfuliti, fis-sittinijiet tas-seklu l-ieħor, kont għadek tista’ tisma’ xi wħud minn dawn id-diski fuq ir-Rediffusion.  Fost il-ħafna diski li ħarġu kien hemm xi għana.  L-aktar għannejja magħrufa dak iż-żmien kienu x-Xudi, u s-Simenza.  Illum, lil dawn ftit hawn min jaf bihom, imma Ġużeppi Xwiereb, ix-Xudi, fi żmienu kien meqjus fost l-aqwa ta’ Malta.   Andrew Alamango daħħalha f’rasu li jinżel sa Birkirkara, fejn dari kien joqgħod ix-Xudi, għax qalulu li hemmhekk jista’ jsib xi nies li għadhom jiftakruh.  U hekk kien; għax ix-Xudi għadu magħruf minn xi wħud f’Birkirkara.  Biex ifiehmu lil Andrew Alamango kemm kien tajjeb ix-Xudi fi żmienu, in-nies ma qagħdux jgħidulu kemm kellu leħnu sabiħ, imma kien jinteressahom l-aktar ir-risposti f’waqthom li x-Xudi kien jagħti waqt l-Għana.  Jiġifieri li jgħodd l-aktar mhux kemm kellu leħnu ħelu (għalkemm leħnu kien tajjeb ħafna wkoll), imma l-ħila ta’ moħħu biex iwieġeb lill-għannej l-ieħor u “jirbaħlu” dak li mhu xejn ħlief “dwell intelletwali.  Biex nieħdu eżempju: l-aktar storja magħrufa fuq ix-Xudi hi li darba kien fl-Għassa tal-Pulizija, u l-pulizija riduh jgħannilhom waħda fl-għassa!  Issa għandkom tkun tafu li dari, l-għannejja u l-pulizija kienu qishom kelb u qattus.  Il-pulizija, mxewxa miċ-ċittadini ħutna Maltin, l-aktar dawk ta’ klassi għolja jew li jippretenduha ta’ hekk, kienu spiss iħarrku lill-għannejja u jixluhom bi ksur tal-ordni pubbliku.  Kien hemm min anke weħel xi ġurnata ħabs.  Allura x-Xudi, fl-għassa tal-pulizija, ma riedx jgħanni.  Imma l-istorja tkompli li fl-aħħar ix-Xudi aċċetta u, b’ħanġra daqshiex, lill-pulizija għannielhom:

Is-surġent jixrob il-birra,

l-Ispettur jixrob l-inbid,

il-pulizija jiġri barra,

u l-ħalliel jagħmel li jrid!!

Din l-istorja xterdet ma’ Malta kollha.  Ngħiduha kif inhi, ma sarux jafu biha n-nies tal-pepe, imma fil-ħwienet tal-inbid, u fil-pjazez u l-imsieraħ tal-irħula, kienet fuq fomm kulħadd.  Tant hu hekk li ħabib tiegħi, li llum għandu fuq il-ħamsin, aċċertani li meta kien tifel jiġri fil-bitħa tal-iskola primarja ta’ Ħal Tarxien, jiftakar lit-tfal sħabu jgħidu varjant ta’ dik l-istrofa.

Fuq in-naħa ta’ wara tad-daqqaqa jidhru mill-inqas sitt għannejja, jistennew meta jmisshom jgħannu.  Fl-għana spirtu pront l-għannejja jgħannu dejjem tnejn tnejn: f’dan il-każ, tal-ewwel jgħanni mar-raba’ wieħed, it-tieni jgħanni mal-ħames, u t-tielet jgħanni mas-sitt wieħed – ikkumplikata wisq.

Ejja nieħdu eżempju ieħor ta’ kemm l-għana spirtu pront hu wirt lingwistiku li għandu jinteressa anke lill-għaqdiet tal-Malti.  Nhar is-6 ta’ Frar, 2014, f’ħanut tal-inbid f’Ħal Tarxien, qamu biex jgħannu erba’ għannejja.  Kif diġa għidna, ikun hemm kemm ikun hemm għannejja, l-importanti huma “iż-żwiġijiet”.  Jiġifier min qed ikellem lil min; u l-kliem ikun dejjem bejn tnejn.  Fost l-għannejja kien hemm Frans Cachia, magħruf bħala “il-Budaj tas-Siġġiewi”, (jiġifieri mhux Frans Baldacchino taż-Żejtun, Alla jaħfirlu), li messu jgħanni ma’ Joey Busuttil, il-Bużu, minn Ħal Tarxien stess.  Joey il-Bużu beda hekk:

Dis-serata mżewqa minn kollox,

Suppost li bina ma jgergrux,

Anke ż-żiffa nqalgħet issa,

Biex bis-sħana ma nbatux.

 

Frans il-Budaj tas-Siġġiewi wieġbu hekk:

Jiena qiegħed ma’ dit-truppa,

It-tieni wieħed wara n-Nekus (Jason in-Nekus kien qed jgħanni ma’ Joey l-Boxer, f’battibekk ieħor)

U aħjar biż-żiffa għadddejja,

Ħa niffrankaw in-nemus.

 

L-għannejja dejjem jagħmlu dat-tip ta’ introduzzjoni, imma jkunu ħsiebhom f’xulxin, biex jaraw l-ieħor biex ħiereġ ħalli jkunu jistgħu jwieġbuh.  Jidher li Joey l-Bużu ma kellux sabar u ried li l-battibekk jibda malajr mingħajr ħafna tidwir mal-lewża.  Allura għanna:

Meta tinqala’ xi stedina

Inżomm il-ħin u dejjem mort.

Min jogħġbu jista’ jkellimni

Għax għalija kull kalanka port.

X’imħatra li lil ħafna mill-qarrejja trid toqgħod tispjegalhom x’inhi kalanka!  Din hi kelma li tintuża l-iktar fin-naħa t’isfel ta’ Malta, u tirreferi għal xi daħla fil-blat li wieħed isib max-xtajtiet tagħna.  Bil-Malti aktar “standard” forsi jingħad iktar “qala”.  F’qala jew kalanka, tista’ tidħol b’dgħajsa biss fis-sajf, u meta l-baħar ma jkunx jaqbel.  Jiġifieri mhix xi “port” tajjeb ħafna.  Imma l-għannej ried jgħid li hu ma jibża’ minn ħadd għax malajr isib il-kenn minn xi attakk.  Allura kien qed iħeġġeġ li sieħbu biex jitfa’ l-ewwel botta.  Frans il-Budaj tas-Siġġiewi hu meqjus b’wieħed mill-aħjar għannejja ta’ bħalissa, u ma tantx qagħad jaħsibha.  Il-Budaj kien jaf x’inhi kalanka; ma kellux għalfejn joqgħod ifittixha fid-dizzjunarju.  Allura wieġeb lil sieħbu hekk:

Mela ħa ngħanni ma’ Joey

U miegħu tgħidx kemm jien kuntent.

Tidħol f’kull kalanka taf il-għala?

Għax m’għandikx xi bastiment!

 

Issa din ħudha kif trid!  Li qed jingħad hawn hu li: “int qed tgħid hekk għax affarijiet żgħar għandek; m’għandekx xi biċċa tal-baħar ta’ veru.  U ġaladarba l-kalanka, u l-port, u l-bċejjeċ tal-baħar huma biss metafori – jiġifieri li int taċ-ċekċik u tal-affarijiet żgħar.  Joey il-Bużu għandu lsienu jaqilgħu ukoll; u wieġeb hekk:

Jiena nidħol fil-port sa ġewwa,

U ma nagħmel l-ebda rovina.

Imma llum kalanka biżżejjed,

Għax se nsuq ma’ frejgatina!

 

Jiġifieri se ngħanni miegħek – u int frejgatina kull m’għandek!  Frans il-Budaj ma damx ħafna jaħsibha, u qallu:

Se ssuq ċkejkna frejgatina

U dak taf x’jiġifieri?

Illi mhux se ssuq lili,

Jien vapur tal-passiġġeri!

 

J.B wieġbu:

Inqisek ċkejkna frejgatina,

Mill-port ‘il barra ma tmurux.

Li kont vapur tal-passiġġieri,

In-nies fuqek ma jirkbux.

 

F.B.

Il-bastiment veru mill-aqwa,

U b’hekk inħossni sodisfatt.

Inti taħbat kull vajrita,

U lilek ma jafdak ħadd.

 

Hawnhekk se jkollna nerġgħu noqgħdu nispjegaw x’inhi “vajrita”.  Hi kelma oħra marbuta mal-baħar, magħrufa l-aktar fin-naħa t’isfel ta’ Malta.  Hi dik il-part ta’ qiegħ il-baħar li tkun ftit baxxa, u mimlja alka u ħaxix ieħor u fiha jistkenn u joqroqq il-ħut.  “Taħbat kull vajrita” jiġifieri ma tafx il-qiegħ sew u tidħol f’ħafna basal u forsi jitħabbillek l-iskrun bil-ħaxix tal-baħar.  Lanqas Joey l-Bużu ma kellu għalfejn ifittex fid-dizzjunarju biex ikun jaf x’inhi vajrita, u wieġeb hekk:

Għax li kien il-vapur bħalek

Fil-port ma jidħolx irpużat.

l-għaliex m’għandekx direzzjoni,

dejjem tkisser, inkaljat.

 

F.B.

Jien vapur tal-passiġġieri

U jaqblilhom (in-nies) jirkbu fuq dan.

Jien m’għandix direzzjoni

Għax dik hija f’idejn il-kaptan!

 

Ajma ħej, xi żball dak!!  Il-Budaj ried jgħid li kull ma qal kien li hu l-vapur tal-passiġġieri nnifsu, u t-tmun kien f’idejn ħaddieħor.  Prosit għalina.  Joey l-Bużu, pront daqs seqer, qabeż u qal:

Li kont vapur tal-passiġġeri

In-nies lanqas jirkbuk.

Rajt lilek x’ġagħiltek tammetti –

Illi lilek isuquk!!

 

Sewwa qallu.  Kienet risposta tajba.  Apposta; biex ninkikom, mhux se ngħidilkom kif Frans, il-Budaj tas-Siġġiewi (li hu għannej tajjeb ħafna), ħareġ (b’ilsienu) mill-basla li kien daħal fiha.  U dan biex forsi xi ħadd tniggżu ftit il-kuxjenza, u aħna n-nies “tal-kultura”, in-nies “tal-ibliet”, “l-intelletwali”, il-“mexxejja tal-qasam kulturali”, niġu fiha kemm (xi kultant) ma nafu xejn minn x’qed jiġri madwarna.  Dawk li l-għana jafuh biss superfiċjalment, kulma jisimgħu hu erbat irġiel jgħannu b’leħen ikrah u x’aktarx stunat; u ma jifhmu xejn minn dak li jkun qed jingħad għax ma jgħaddilhomx minn rashom li tal-ewwel ikun qed iwieġeb lit-tielet wieħed, u tat-tieni jkun qed ikellem lir-raba’ wieħed.  Ma jintebħux li żewġ pari ta’ għannejja jkunu għaddejjin b’żewġ konverżazzjonijiet differenti li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin.  Hawnhekk wieħed irid jgħid li l-problema kompliet tiżdied issa li saret drawwa li għannejja jkun hemm erbgħa.  Dan ma kienx dejjem hekk; u m’għandux għalfejn jibqa’ jsir hekk.  Il-Maltin ta’ dari x’aktarx li kien jistagħġbu kieku jaraw erba’ għannejja jgħannu fl-istess ħin. L-irġulija titlob li għannejja jkunu hemm tnejn biss, u dawn ikellmu lil xulxin.  Biex tgħaxxaqha, dan l-aħħar ta’ spiss qed iqumu sitt għannejja biex jgħannu, u ġieli anke tmienja.  Dan hu żvilupp negattiv.  Jiġri hekk għax tant ikun hemm nies li jixtiequ jgħannu, u tant m’hawnx okkażżjonijiet fejn tgħanni li jekk ma jagħmlux hekk, ħafna jibqgħu bir-riħa, u jmorru lejn d-dar bla ma jkunu għannew waħda.[2]

Snin ilu saret serata ta’ għana kif għandu jkun – jiġifieri għana spirtu pront bejn żewġ għannejja biss – meta Kelinu Cutajar, s-Superstar, miż-Żejtun u Frans Cassar, l-Bloqq, minn Santa Venera sfidaw lil xulxin għall-għana.  Is-serata saret f’wieħed mill-każini tal-banda ta’ Birkirkara.  L-attivita’ ma kinitx imħabbra fuq Facebook; lanqas kont issibha fuq l-internet jekk tigguwgilja What’s On In Malta; ma kienet fl-ebda gazzetta, u l-ebda programm tar-radju ma semmiha.  Imma s-sala fejn saret is-serata, għalkemm kbira ħafna, kienet maħnuqa bin-nies.  Min ġie tard kellu jibqa’ barra fuq il-bankina.  Ġew id-diltettanti anke minn Għawdex. Ħafna minn dawk li jmexxu l-kultura f’Malta ma kinux hemm.  Me kellhom l-ebda ħjiel ta’ x’qed jiġri.  Dnub, għax tilfu logħba lingwistika tassew gustuża.

Jiena kont hemm, imma b’xorti ħażina għadni ma sibtx recording ta’ dik is-serata.  Kelinu s-Superstar magħruf li mhux biss għandu lsienu ħafif u moħħ tajjeb għar-risposti, imma għandu wkoll leħen sabiħ – qisu ta’ sirena, jgħidulek id-dilettanti.  Il-Bloqq m’għandux leħnu sabiħ, imma moħħu jilħaqlu u lsienu ħażin.  Niftakar li ħin minnhom Kelinu għanna li l-Bloqq kellu leħnu qisu ta’ Waħx.  Il-Bloqq wieġbu “X’jiswa’ li leħnek ħelu, jekk jien ngħanni aktar minnek?”  Jiġifieri l-Bloqq kien jaħsibha bħad-dilettanti kollha tal-Għana li l-aqwa hu l-ilsien, u l-kliem, u l-botti u r-risposti, mhux il-mużika u l-kant.  Fl-aħħar tal-għanja, id-dilettanti li kien hemm fis-sala kienu ġabu magħhom tazza li xtraw apposta u, biex jinku lis-Superstar, taw it-tazza lill-Bloqq, fost id-daħk u t-tbissim ta’ kulħadd, inkluż Kelinu s-Superstar, li ħa l-biċċa bil-qalb it-tajba.[3]

Fenominu bħal tal-Għana Spirtu pront hu magħruf minn postijiet oħra fil-Mediterran.  L-aktar li joqrob lejh hu dak magħruf bħala Żeġel (bl-Ingliż issibha Zejel) li jissemma l-ewwel darba fi Spanja Medjevali.  Illum iż-Żeġel għadu popolari fil-Lebanon.  Żewġ poeti tal-affari tagħhom jidħlu fi dwell verbali bejniethom u tat-tieni jwieġeb lil tal-ewwel eżatt bħalma jiġri f’Malta.  Id-differenza hi li l-għannejja jkunu poeti magħrufa, mhux nies bla skola.

Biex dan il-fenominu tal-Għana Spirtu Pront ma jintilifx hemm bżonn li l-għannejja jsibu postijiet tajba fejn jgħannu: mhux ikollhom jindqew b’xi ħanut tal-imbid daqs naqra, li fih ma ssibx fejn iddur u kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin.  Xi ħadd – b’xorti ħażina dan ifisser il-Gvern – irid isib postijiet tajbin, bħal xi Klabb tal-Boċċi li jkun f’xi ġnien maqtugħ daqsxejn min-nies (bħalma kien il-Klabb tal-Boċċi ta’ Tal-Pieta li issa nbidel f’restorant) u jibni sala li fiha jkollha “alkova” maħsuba apposta (jiġifieri ddisinjata minn perit li jifhem fl-akustika) biex leħen ta’ bniedem jidwi tajjeb minnha mingħajr il-bżonn ta’ amplifikazzjoni.  Hawnhekk joqgħodu l-għannejja u d-daqqaqa. Is-sala ma tridx tkun mibnija bla grazzja, bħal m’huma ħafna klabbijiet tal-boċċi: kamra kerha li tirbombja, mudlama, u ssewwidlek qalbek.  L-udjenza jkollha s-siġġijiet fejn tpoġġi, u l-bar (li jrid ikun hemm bilfors), ikun fuq wara nett.  Minn dawn il-postijiet irid ikun hemm mill-anqas tlieta, mferxin ma’ Malta, ħalli klikek differenti ta’ għannejja ma jkollhomx bilfors jgħannu ma’ nies li ma jixtiqux jgħannu magħhom.  L-għannejja għandhom jitħallew bi kwiethom, tagħhom f’tagħhom, u ma jmorrulhomx xi salt studenti ma jifhmu f’xejn, bin-notebook f’idhom biex jieħdu n-noti – għax l-għannejja jinstarmu. Min imur għall-għana għandu jkun midħla tad-dinja ta’ dawn in-nies, u għandu jkun jifhem fis-suġġett.  Wieħed irid iżomm ukoll quddiem għajnejh li billi l-għannejja tagħna huma ħafna drabi nies bla skola, xi battibekki ma jirnexxux u jkunu fjakki.  Imma xi kultant, ngħidu aħna darba waħda f’kull serata, żewġ għannejja toħorġilhom waħda tajba – tajba biżżejjed biex tinkiteb.  Is-serati li jsiru quddiem il-cameras tat-TV ma jgħoddux, għax għalkemm l-għannejja jieħdu pjeċir jidhru fuq ix-xandir, meta jkollhom il-cameras quddiemhom l-għannejja jliġġmu lsienhom u l-battibekk ta’ bejniethom ikun wieħed insipidu.  Mhux veru li l-għannejja jiġġieldu.  M’għandniex xi ngħidu, ġieli jiġri hekk, imma l-għannejja ta’ żmienna jafu jiċċensuraw lilhom infushom, u għannej li jikser ir-regoli jieħu fama ħażina, u ma jsibx ma’ min jgħanni.  Anke fil-football ġieli jiġġieldu, u ħadd ma jgħaddilu minn rasu jgħid lill-players biex ma jiskurjawx ħalli ma jaqilgħux inkwiet.

Biex l-Għana jittieħed bis-serjeta, “l-awtoritajiet” kulturali, li nażżarda ngħid li ma jifhmux karlin fl-għana, jridu jaġġornaw ftit ruħhom; u meta jintebħu x’għandna taħt imneħirna, iqumu u jagħmlu xi ħaġa.

Ġużi Gatt (C)

[1] Dil-mużika Maltija wieħed jista’ jsibha fuq żewġ CD’s bl-isem ta’ Malta’s Lost Voices.

[2] Illum, il-fatt li għannejja jkun hemm iżjed minn tnejn (fl-għana Spirtu Pront) tant sar komuni li kważi trid toqgħod tiddefendi l-fatt li mhux minn dejjem kien hekk.  Il-ħabib tiegħi Steve Borg ta’ Wied il-Għajn fakkarni kif ġieli, f’każi rari, ikun hemm anke ħames jew seba’ għannejja, u dan jgħidulu “għana bil-fard”.  L-aħħar għannej ikun jista’ jagħżel hu lil min iwieġeb. Imma dan, għalija, jkompli juri kif dan qed jiġri biex kulħadd ikollu ċans jgħanni waħda – bħal meta tal-linja jibqa’ jgħabbi l-passiġġieri anke meta jkun fulapp!  Ix-xjuħ, inkluż missieri, jafu sewwa li l-aqwa għana Spirtu Pront hu dak ta’ bejn tnejn.

[3] Il-laqam ta’ Kelinu – is-Superstar – jitkellem waħdu.  Frans Cassar il-Bloqq iridha bħala “r-Re Ta’ Santa Venera”!  Dakinhar ġie liebes mantar aħmar, u kellu fuq rasu kuruna ta’ re li ġabha m’għand tal- Burger King!  Il-Bloqq għadu sal-lum, meta jgħanni ma’ xi ħadd spiss jgħidulu “Imma l-kuruna tiegħek tal-kartun!”