Xejn ma jintemm fid-dinja,

u jiġi kollox f’tiegħu –

Jannar l-ewlieni tagħna

irġajna ġejna miegħu !

Xej’ xej’ ma jmur għal kollox,

li kien għad jarġa’ jdur;

lil hinn rajniehom sejra,

lil haw’ għad jiġu x-xhur !

 

Xejn ma jintemm. In-nhar

kull jum narawh jittenna(1),

tqum tarġa x-xemx jekk torqod,

biex il-ħolqien jithenna.

 

Xejn ma jintemm. Il-warda

titberkel (2) fiha ġewwa,

u miż-żerriegħa li tfarfar

ward bħalha joħroġ sewwa!

 

Imur kollox u jiġi,

kull frawla, bajtra, tina –

mill-frotta li temgħatna

sena oħra terġa’ ttina ! –

 

Jew kollox imur, jiġi:

kull siġra tarġa’ tnewwel

mill-frott li kienet tatna,

li spiċċa, ta’ għamnewwel (3)

 

Li mar għad jarġa jiġi.

li mar għad jiġi mtenni

x-xhur wara xulxin jiġru

tal-mitħna bħall-antenni;

 

Bla qatt il-xulxin jilħqu

‘mma dejjem jerġgħu jġibu

kull newba (4) ta’ snin oħra,

jixxiebħu qomra jsibu !

 

Kull kewkba li fil-beraħ,

ta’ kull kalum (5) kull ħabel,

kull dawra snin tmur tarġa’

fejn kienet dehret qabel.

 

B’kull lewn l-imżejna mergħa (6)

Li Frar jagħtiha x-xuri

sena oħra tarġa tħaġġeġ

u ġmielha tarġa turi !

 

U kollox fuqu m-nifsu

jdur, jdur, jitbiddel :

jitqaddem u jiġġedded,

jiżżargan u jixxittel

 

Id-dinja hi raddiena,

iddur u tarġa ddur !

Ix-xhur bramel tas-sienja ;

is-sena hi l-għasfur,

 

tal-ħrafa, Feniċ ismu (7)

li wara li jkun miet,

il-ħajja jarġa jieħu ;

iqum minn tiegħu r-irmied !

 

Xejn ma jintemm. Jekk Ċimbru (8)

lil Ommu għakka xejjaħ,

Jannar dar dawra u raġa’

sena oħra ġdida sejjaħ.

 

  1. Ikun imtenni
  2. Timla biż-żerriegħa
  3. is-sena ta’ qabel
  4. Ċiklu
  5. Orbita
  6. fjuri tal-ħaxix tax-xagħri
  7. Phoenix