“Il-kelma KALENDARJU hi mnissla mill-kelma Anglo-sassona “Calendi” li tfisser xahar għax probabbilment iż-żmien jitkejjel bix-xahar; iżda llum din il-kelma tfisser ukoll il-metodu li bih titkejjel il-ħarba taż-żmien.

Kitba ta’ Toni Calleja. Dan l-artiklu deher ori[inarjament fl-Imnara Vol 9(2010) Nru. 3

Nistgħu ngħidu li l-ġnus iċċivilizzati kollha jimxu fuq il-kalendarju Gregorjan, għad li matul iż-żmien l-imgħoddi, ġnus differenti kienu jużaw għamliet oħra ta’ kalendarju, u għalhekk minn dejjem kien diffiċli biex iġġiegħel il-ġnus kollha jinqdew b’kalendarju wieħed li jgħodd għal kulħadd.  Kulħadd jaf kemm il-kalendarju hu ta’ ħtieġa kbira għall-liturġija tal-Knisja. Infatti, ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi tal-Insara, tal-Lhud, u mqar il-pagani wkoll jiddependu mill-kalendarju.  Għalhekk mhux għaġeb li ta’ sikwit niltaqgħu mal-kwistjoni tal-kalendarju fl-istorja tal-Knisja.

Fl-ewwel Konċilju Ekumeniku, dak ta’ Niċea, Bitinja, fl-Asja Minuri, li sar fis-sena 325, aktar minn tliet mitt isqof studjaw din il-kwistjoni bl-Imperatur Kostantinu bħala medjatur.  Skont ma wieħed jifhem, l-Insara kienu diġa qablu fuq jum Il-Għid – il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt.

Il-Papiet ukoll taw importanza lil din il-kwistjoni tal-kalendarju, u l-Papa Ljun X kiteb lill-Imperatur, lill-Universitajiet, u lill-Isqfijiet,  u ħeġġiġhom biex jistudjaw u joħolqu kalendarju aktar eżatt.  Ir-riforma fil-kalendarju seħħet f’jiem il-Papa Girgor XIII billi waqqaf kummissjoni ta’ studjużi Taljani u ta’ nazzjonijiet oħra taħt il-presidenza tal-Kardinal Sirleto sabiex teżamina d-diversi riformi proposti.  Wara ħafna diskussjonijiet u korrezzjonijiet, ġiet approvata l-proposta tal-mejjet Luigi Giglio (jew Lilius) ippreżentata lill-kummissjoni minn ħuh Antonio nhar l-14 ta’ Settembru, 1580.  Il-Papa Girgor approva r-riforma tal-kalendarju bil-Bolla Inter gravissinas tal-24 ta’ Frar, 1581, kalendarju reformat li għadu jintuża sa llum kważi minn-nazzjonijiet kollha.” (1)

Interessanti li nirrimarkaw li fuq l-imsemmija kummissjoni maħtura mill-Papa Gregorju XIII sabiex joħroġ kalendarju ġdid kien hemm ukoll wieħed Malti: ċertu Leonardu Abel (forsi l-Abela ta’ llum).  Jingħad li dan il-kompatrijott tagħna sab postu l-aktar minħabba li kien jitħaddet sew bl-Għarbi.  Kien hu li ried jawtentika u jixhed il-firma tal-Patrijarka Sirjan, ċertu Injazju minn Antijokja, Nisrani Ġakbin li kien wasal Ruma fl-1557 sabiex ifittex rikonċiljazzjoni personali mal-Knisja Rumana.  Meta l-Patrijarka ġie emnut, instab li kien espert tal-matematika u l-mediċina, u għall-imsemmija kummissjoni sewa ċ-ċapep biex wassal l-ideat tal-Lvant fuq l-astronomija fl-istudju tal-kalendarju.

L-EWWEL ALMANAKKI F’MALTA

Fil-Bibljoteka ta’ Malta hemm ġabra sabiħa ta’ almanakki antiki.  Ma jistax ikun ikkonfermat kemm il-kollezzjoni hija sħiħa.  Jista’ jkun li hemm familji privati li għandhom kalendarji jew almanakki aktar antiki minn dawk li hemm fil-bibljoteka.  Ta’ min ifakkar li l-Liġi tal-Istampa li tobbliga li tingħata kopja b’xejn lill-Libreriji Pubbliċi ta’ xogħlijiet letterarji stampati u ppubblikati f’dawn il-gżejjer ma daħlitx qabel l-1925. (2)

Kitba li ċertu korrispondent kiteb f’ġurnal ta’ aktar minn nofs seklu ilu tgħid li: “Minħabba f’hekk ma nistgħux ngħidu sewwa liema kien l-ewwel kalendarju li deher hawn Malta, la darba qatt ma sar tiftix serju”. Is-sinjur jissokta jgħid li: “L-iktar kalendarju antik li stajna nsibu fil-bibljoteka huwa kalendarju tal-Ordni ta’ San Ġwann għas-sena 1776.  Dan il-kalendarju miktub bil-Latin, kien għall-użu tal-Knisja ta’ San Ġwann.  Il-kalendarju jġib l-isem tal-Gran Prijur tal-Ordni li f’dak iż-żmien kien Fra Giovanni Domenico Mainardi u ġie stampat minn Giovanni Mallia, l-istampatur ewlieni tal-Gvern ta’ dak iż-żmien”.

Kalendarju ieħor maħruġ mill-Gvern, huwa dak tas-sena 1805, fi żmien il-Kaptan Alexander Ball, li kien Kummissarju jew Gvernatur ta’ Malta u fir-renju tal-Maesta’ Tiegħu r-Re Ġorġ III.  Dan il-kalendarju, miktub bit-Taljan, kien imsejjaħ Diario Lunario e calendario delle isole di Malta e Gozo per l’anno 1805 u fuq il-kopertina kien iġib l-arma rjali bl-ittri G.R. – Georgius Rex, li kif għedna kien ir-Re Ġorġ III.

L-EWWEL KALENDARJU BIL-MALTI

L-istoriku Pietru Pawl Castagna (1827-1907) fil-ktieb tiegħu tal-istorja, Lis storia ta Malta bil-gzejjer tahha, jgħidilna li l-ewwel kalendarju bil-Malti kien dak tas-sena 1861. (3)  Dan il-kalendarju, jew aħjar, almanakk, jixbah ħafna lill-almanakki profetiċi li sa bejn wieħed u ieħor nofs is-seklu għoxrin ħarġu minnhom bil-gzuz minħabba li kienu popolari ħafna.

Fl-ewwel faċċata ta’ dan l-ewwel kalendarju Malti nsibu dan it-tagħrif: “Kalendarju magħmul bis-sewwa u bid-dnewwa skond il-pinna tas-Sur Alarju.  Sena elf tmien mija wieħed u sittin, jum tliet mija ħamsa u sittin”.

Ġewwa, fil-bidu, l-awtur, is-Sur Alarju, li minn kitbiet oħra nafu li kien l-istoriku P.P. Castagna nnifsu, kiteb:  “Huwa użu fin-nazzjonijiet li kull sena jistampaw almanakki bil-lingwa tagħhom biex jifhmu kull min jaqrah.  Aħna Maltin biss bqajna lura mingħajr qatt ma kellna Almanakk bil-lingwa tagħna miktub.  Ħaġa ġdida, imgħarrqa kemm tkun, dejjem xi ftit tingħoġob, billi oħra bħala qabel ma tkunx saret. Għaldaqstant jien qbadt il-pinna f’idi u minn fuq Chiaravalle, Barba-Nera u Kalendarju ieħor mort iffurmajt għall-ewwel darba dan l-Almanakk Malti”.

Il-poplu Malti, għax ma jemminx biżżejjed fih innifsu, huwa mmassmat li dak kollu li hu Malti mhux tajjeb…ta’ barra aħjar!  Għandu jkun li din il-massma kienet invoga wkoll fiż-żmien li ħareġ dan l-almanakk Malti, għax is-Sur Alarju temm id-daħla tiegħu billi b’mod supperv qal espressament:

“Min iridu jixtrih,

Min ma jridux iħallih”.

IL-KALENDARJI GĦAWDXIN

Minn riċerka li għamilt, l-ewwel kalendarju purament Għawdxi li rnexxieli niskopri kien dak maħruġ minn Patri Oderiku Grima O.F.M. (Tal-Mimm, 1889-1964).  Dan ix-xogħol, maħruġ bl-isem Almanac Profeticu ta L’Astronomo Gozitano ghal Malta u Ghaudex, kien ippubblikat l-ewwel darba fl-1929.  L-almanakk, li mhux ippaġinat, kien stampat f’The New Art Press ta’ 208, Triq il-Prinċep ta’ Wales, Tas-Sliema, Malta.  L-“Almanakk tal-Patri” kien jinbiegħ 2 soldi (8m jew Ewro 0.019), u skont tagħrif ippubblikat fil-ħarġa 9 (1937), kellu ċirkolazzjoni ta’…”x-xogħol tagħna huwa minn 15,000 sa 20,000 bil malti biss

L-ewwel ħarġa ma fihiex editorjal, biss tintroduċi lilha nfisha permezz ta’ poeżija (sic) li mhix iffirmata.  L-ewwel strofa tgħidilna hekk:

Dan l-almanakk ġdid fis ilkoll fittxu,

Għaliex hu l-isbaħ, minn kollox fih,

Għall-ewwel sena sejjer jidhrilkom,

Għalhekk nittama żgur tifirħu bih.

It-tieni almanakk Għawdxi kien dak maħruġ mid-Dar ta’ San Ġużepp, Għajnsielem, għas-sena 1937, fi żmien meta d-Direttur kien Dun Ġużepp Galea Rapa.  Fl-ewwel ħarġa, l-kalendarju jfisser l-iskop tat-twaqqif tiegħu:

i) Biex naktghu ix-xeuka ta bosta minncom u incunu nistghu fl’istess ħin natu f’idejn il-Cappillani u il poplu dac collu li jitolbu id-degrieti tal Conciliu N.ri 213 u 258 cioe’ pubblicazioni ta festi, indulgenzi, saum, u astinenzi li jakghu ma tul il-gimgha. Hsiebna gbarna collox f’dan id-daksxejn ta Almanacc li keghdin nipprezentau kuddiemcom għall-euuel darba

ii) Biex icun bhala tifchira tal hidma taghcom il-ghaliex jitkellem mill-hajja tad-Dar ta San Giusepp, u ghalhecc ta cull jum meta tharsu lejh ifaccarcom fl’imsejcnin iltima li hemmhecc jinsabu migbura, taht il patrocinju ta San Giusepp.

L-Almanakk tad-Dar ta’ San Ġużepp dam joħroġ sa l-1994.  Floku, jekk nistgħu ngħidu hekk, bejn l-1998 u l-2006, ħareġ L-Almanakk Għawdxi, pubblikazzjoni tal-Caritas Għawdex, b’Dun Manwel Curmi bħala Direttur.

Intant fl-1937, hawn Għawdex ħareġ ukoll almanakk ieħor mill-aħwa Ġużepp u Ġorġ Cefai (Booksellers) tar-Rabat t’Għawdex.  Kien stampat fl-istamperija Chretien & Co. ta’ Strada Fianco, il-Belt Valletta.  X’aktarx li ma kienx ippubblikat għajr f’okkażjoni waħda.  Rari ħafna.

(1) Sinteżi minn konferenza dwar ir-riforma fil-Kalendarju, mogħtija mill-Profs. S. Zarb O.B.E., O.P., S.Th.M.’ S.S.D. (Vat.) fit-Teatru tal-Universita Rjali ta’ Malta nhar it-03.05.1962.

(2) Malta Government Gazzette, 20.03.1925, Supp. VIII, p.i.

(3) Xi storiċI jgħidulna li l-ewwel kalendarji bil-Malti kienu dawk it-tnejn maħruġa mis-Societa Economico Agraria, taħt l-isem ta’ Calendarju tal-Bidwi għas-snin 1849 u 1850 rispettivament. Pero għall-eżattezza rridu ngħidu li dawn kienu bilingwali: bil-Malti u bit-Taljan.  Ta’ Castagna kien f’ilsienna biss u għalhekk bir-raġun jiftaħar li l-ewwel kalendarju nil-Malti kien dak tiegħu.