Kitba ta’ Nazzareno Azzopardi. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara VOL. 11, Nru. 40, 2016.

Waqt xogħol ta’ restawr fid-dokumenti tal-Qorti tal-Isqof li hemm fil-Kurja l-Furjana, laqatni dokument li jġib id-data 1640, u ntitolat:

Conto delle Cumini che furono mandate in Spaga nelle anni 1638 et 39 con le tartani di Patron Antonio Imbert et Bastian Dibarro, Martingala per conto dal Sig Andrea Vassallo et Valerio Maison et Companie

Dan id-dokument hu maqsum f’żewġ partijiet:

  1. Parti waħda fiha rendikont ta’ spiża ta’ vjaġġi mwettqa bejn Malta u Spanja, fejn inġarru tagħbijiet ta’ kemmun li nbiegħu bi qliegħ sewwa.
  2. Parti oħra fiha rakkont tal-kawża kif żvolġiet fil-Qorti msemmi bejn Signor Andrea Vassallo u Signor Valerio Maison et Compagnie.

Waqt li l-ewwel parti tagħti ħjiel fuq il-kummerċ esteru ta’ Malta u Għawdex f’dak iż-żmien, it-tieni parti hi kawża fuq nuqqas ta’ qbil fuq ftehim kuntrattwali.

Ta’ min jinnota li din il-kawża bejn Signor Valerio Maison et Compagnie u sieħbu fin-negozju Signor Andrea Vassallo nqalgħet minħabba li Signor Vassallo ipprofitta ruħu u żamm xi flus moħbija.  Għaldaqstant għażlu li jmorru l-Qorti tal-Isqof ħalli jsolvilhom din il-problema.  Importanti li wieħed jinnota li ż-żewġ partijiet qablu li se joqgħodu għal dak li tiddeċiedi l-Qorti permezz tal-Kummissarji tagħha. Kawża bħal din tissejjaħ kawża ta’ Arbitraġġ.

INTRODUZZJONI

Matul il-perjudu ta’ din il-kawża fil-Qorti tal-Isqof, il-gżejjer Maltin kellhom bħala isqof lill-Eċċellenza Reverendu Michaele Giovanni Balaguer Camarasa, li beda l-episkopat tiegħu fil-ħamsa u għoxrin ta’ Marzu, 1635.

Dak iż-żmien Malta, fost affarijiet oħra, kienet tesporta regolarment il-qoton: dan kien ikun jew maħluġ – jiġifieri mnaddaf miż-żerriegha – jew inkella qoton mhux maħluġ, u barra l-qoton kienet tesporta wkoll il-kemmun, u l-ħlewwa.

Id-dokument bit-Taljan jagħżel bejn kemmun li jsejjaħlu “agro” u ieħor li jsejjaħlu “ħelu”.  Bil-Malti, tal-ewwel hu kemmun (Ciminum cyminum), u tat-tieni hu ħlewwa (Pinpinella anisum).  Kull sena kienu jinġabru 3000 qantar kemmun, u 100 qantar ħlewwa, skont kif ikkalkula Gian Frangisk Abela fil-ktieb tieghu Melitae Historica.

L-esportazzjoni kienet inkoraġġita mill-Universita’ tal-Imdina għax kien isir ħlas tajjeb għal dawn iż-żrieragħ li kienu jintużaw bħala mediċina u anke fit-taħwir tal-ikel.  Fis-seklu sittax u sbatax, l-erboristerija kienet suġġett li t-tobba kollha kellhom jistudjaw.  Din ix-xjenza tal-ħxejjex mediċinali tikkonsisti f’tagħlim fuq l-effett ta’ ċerti ħxejjex, u l-estratt tagħhom, fuq ġisem il-bniedem. It-tobba kienu jiktbu r-riċetti lill-ispiżjara, li fihom jgħidulhom kemm għandhom jiżnu grammi ta’ fjuri, weraq, zkuk, u għeruq ta’ pjanti mediċinali nixfin, kif iħalltuhom flimkien, u wara jqarstuhom f’pakketti żgħar biex jintużaw mill-marid.  Il-marid kien jitfa’ dawn il-qratas ġol-misħun jagħli ħalli l-ħxejjex jerħu s-sutanzi mediċinali fl-ilma, u jixrob din id-duwa. Sal-lum mill-ħxejjex għadna nimmanifatturaw diversi mediċini li jgħinu fis-saħħa u l-fejqan tal-marid.

Għal liema mard kien jintuża dan il-kemmun?  Kien jintuża biex jiftaħ l-aptit u biex jgħin lill-imsaren ibattlu ta’ ġo fihom.  Il-ħlewwa kienet tintuża biex tneħħi r-riħa tinten ta’ ġol-ħalq, u xi kotba tal-farmaċija kienu jirrakkomandawha sabiex tingħata lin-nisa li qed irreddgħu, għax kienet meqjusa li żżid il-ħalib fis-sider tal-omm.

IT-TKABBIR TAL-KEMMUN

It-tkabbir tal-kemmun kien ferm adattat għal pajjiżna għax il-kemmun hi xitla li ma tridx ħafna ilma u tista’ titkabbar fil-raba’ bagħli.  M’hemmx miktub jekk l-esportazzjoni tal-kemmun kinetx issir minn xi port partikolari ta’ Malta jew Għawdex, għax id-dgħajsa li kienet tintuża għal dan il-ġarr, magħrufa bħala tartana, kienet kapaċi titrakka mqar ma’ moll żgħir. In-nisa kellhom sehem kbir fit-tkabbir ta’ dawn iż-żrieragħ għax ma kienx hemm bżonn ta’ ħafna xogħol manwali ta’ strapazz, imma kien hemm bżonn ta’ ħafna paċenzja fit-tnaqqija tal-ħaxix ħażin, il-ġbir, u l-mili fl-ixkejjer.

GĦALIEX INGĦAŻEL IL-QORTI TAL-ISQOF

Minn fost tliet qrati li kienu jeżistu dak iż-żmien – dik tal-Gran Mastru, dik tal-Inkwiżitur, u dik tal-Isqof, għażlu l-qorti tal-Isqof għax l-ispejjeż ta’ dik il-qorti kienu orħos minn dawk tal-qorti tal-Gran Mastru.  L-Inkwiżizzjoni kellha qorti li kienet titratta biss każi ta’ inkwiet reliġjuż, u mhux każi ta’ kummerċ.

IL-KAWŻA

 

Il-ftehim li kellhom bejniethom dawn il-kummerċjanti kien ilu sejjer sentejn, u saru diversi vjaġġi bit-tartana, u nġarret kwantita konsiderevoli ta’ kemmun.  Tul dawn is-sentejn, it-tartana ġarret ħamest elef xkora, b’valur totali ta’ 31,000 moneta di Barcellona! Kull vjaġġ bit-tartana seta’ jkun fih mija u tletin xkora ta’ kemmun, li jġibu prezz ta’ totali ta’ 979 moneta di Barcellona; jew inkella setgħu jgħabbu tnejn u disgħin xkora ta’ kemmun, b’valur ta’ 585 moneta, u tlettax-il xkora ta’ ħlewwa, b’valur ta’ 175 moneta. Wieħed jinnota li l-ħlewwa kienet iġġib prezz tajjeb ħafna, għax kien kważi d-doppju tal-prezz tal-kemmun.

 

L-imprendituri Vassallo u Imbert kienu jixtru l-kemmun dirett m’għand il-bdiewa bi prezz tajjeb.  Imbagħad ikun jonqoshom iħallsu wkoll dawn l-ispejjeż għal kull vjaġġ:

  1. Ħlas ta’ 61 skud ta’ Malta, li kien dritt imħallas lill-Universita bħala taxxa.
  2. Ħlas ieħor ta’ 15-il skud lin-nies tad-dwana.
  3. Ħlas lill-piżatur, b’total ta’ 4 skudi.
  4. Ħlas għall-ġarr tal-ixkejjer fuq l-art sax-xatt, b’total ta’ 4 skudi.

Ta’ min ifakkar li l-Universita ta’ Malta kienet il-Gvern tal-Maltin kemm qabel, kif ukoll matul iż-żmien tal-Kavallieri f’Malta.  L-universita kient tinsab l-Imdina, amministrata minn Ħakem, u erba’ Maltin oħra eletti kull sentejn.  Min kien jista’ jikkontesta għal dawn il-postijiet?  Kienu biss nies magħrufa, jew għax nobbli, jew għax kummerċjanti kbar, li setgħu jikkontestaw u jinħatru bħala kunsilliera.

L-imprendituri msemmija fil-kawża – Sig. Andrea Vassallo u Sig. Antonio Imbert – kellhom żewġ aġenti, wieħed ġewwa Barċellona – Signor Pietro Broca, u ieħor ġewwa Marsilja – Signor Giovanni Rocca.  Xogħol l-aġenti kien li jsibu importaturi lesti li jixtru l-kemmun hekk kif jasal.  Jidher ukoll li dawn l-aġenti kienu jingħataw ordni sabiex jixtru oġġetti biex jinġarru lejn Malta meta t-tartana tkun ħattet il-kemmun u tkun se tagħmel il-vjaġġ lura lejn Malta.  Allura l-imprendituri kienu jaqilgħu il-flus kemm mill-esportazzjoni tal-kemmun, u kemm mill-bejgħ tal-oġġetti li jniżżlu lura magħhom.  Xi prodotti kienu jinxtraw minn Barċellona biex jinġiebu Malta u Għawdex dak iż-żmien?  Diversi oġġetti – fosthom Acqua Vita, ġobon, balal tal-ħadid għall-kanuni, u kalzetti tal-ħarir.

L-ARBITRAĠĠ

Il-kummissarji appuntati mill-Qorti tal-Isqof biex jiddeċiedu l-qsim tal-qliegħ bejn il-partijiet kienu: Geo. Andrea Francesco sic u Benedico Cambianco.  Dawn ġew aċċettati mill-kontestanti li ftehmu minn qabel li se jobdu kull deċiżżjoni li tittieħed.

Wara studju bir-reqqa fuq il-kotba tal-merkanzija ppreżentati fil-qorti, u wara s-smigħ tax-xhieda, iż-żewġ kummissarji qatgħu li minn somma ta’ 3,100 dħul għandhom jinqatgħu l-ispejjeż tax-xiri tal-kemmun, il-ħlas lis-sidien tat-tartana għall-vjaġġi, it-taxxa tal-Universita u tad-dwana, kif ukoll l-ispejjeż tal-ġarr fuq l-art, u l-ispejjeż tal-piżatur.  Milli jibqa’ jsir il-qsim.

Iż-żewġ kummissarji qatgħu li tliet kwarti tal-qliegħ kellu jżommu Signor Vassallo, u kwart jingħata lil Signor Imbert et Compagnie.  Kemm hu kkalkulat li sar qliegħ?  Jirriżulta li wara t-tnaqqis tax-xiri tal-kemmun, spejjeż tal-vjaġġ, u taxxi, kien baqa’ 2,189 skud.  Minn dawn Sig. Vassallo kellu jżomm 1,566 skud, waqt li Sig. Imbert et Compagnie ħa 623 skud bħala amichelvolmente agiustare le ricavazione di moneta fra di loro.

Qabel ma tqassmu dawn il-flejjes, il-Magna Curia Veskovili naqqset il-ħlasijiet tagħha.

Hekk spiċċat din il-kawża li llum kieku tissejjaħ waħda ta’ arbitraġġ, u li llum hemm qorti apposta għaliha, li hi parti mill-Qorti Ċivili.

Nota tal-Editur:

Il-kittieba tal-istorja ta’ pajjiżna donnhom li kollha jaqblu li, tal-anqas f’dawn l-aħħar disa’ mitt sena, il-biedja f’Malta ma’ kinitx tipproduċi biżżejjed qamħ biex titma’ l-Maltin u l-Għawdxin kollha għal sena sħiħa; jiġifieri ma kienx ikollna qamħ biżżejjed biex lin-nies żżommhom b’żaqqhom mimlija s-sena kollha, sakemm jasal il-ħsad li jmiss.  Mqar meta l-popolazzjoni kienet żgħira ħafna mqabbla ma dik tal-lum, Malta kien ikollha ta’ kull sena timporta l-qamħ u t-tagħam li kien jonqos biex ikun jista’ jiekol kulħadd; u dan il-qamħ kien jiġi impurtat mill-gżira ġara tagħna, Sqallija.  Il-qamħ impurtat minn Sqallija ma kienx jiġi b’xejn.  Malta kien ikollha tħallas għalih bil-flus it-tajba; u l-flus kienu jiġi mill-esportazzjoni tal-qoton u tal-kemmun (u miegħu nistgħu inżidu l-ħlewwa wkoll, kif għadna kemm qrajna f’dan l-artiklu).  Imma l-qoton u l-kemmun kien jitkabbru f’Malta, allura dan ifisser li l-biedja Maltija u Għawdxija xorta kienet tipproduċi biżżejjed għal kulħadd – jekk mhux biżżejjed qamħ, ta’ lanqas kienet tipproduċi wċuħ oħra li jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ qamħ.  Meta toqgħod taħseb ftit, din kienet bravura kbira ta’ niesna.  Għax mhux biss setgħu jimpurtaw t-tagħam u ikel u xorb ieħor bħall-ġobon, l-inbid, u affarijiet oħra li kien jonqos fil-pajjiż, imma setgħu wkoll jagħmlu tajjeb għall-bżonnijiet tad-difiża ta’ xtutna, għall-ħlas tas-suldati, jaħsbu għall-għejxien ta’ għexieren ta’ qassisin u patrijiet li ma kinux jagħmlu xogħol produttiv u, fuq kollox, li jħallsu flejjes kbar fi qbiela u kera, ħafna drabi lil sidien nobbli u barranin li xi kull tant lanqas biss kienu jgħixu hawn, imma li baqgħu jaħilbu l-ġid minn Malta u Għawdex għal ħafna snin. Tajjeb jew ħażin, il-bdiewa kienu mhux biss jgħixu huma, imma magħhom kienu jgħixu wkoll in-nies tas-sengħa bħan-naġġara, l-mastrudaxxi, l-ħaddieda, kif ukoll tobba, spiżjara, u nutara.  Għal ħafna snin dan kollu seta’ jsir, fost affarijiet oħra, għax il-Maltin kienu jsiefru l-qoton u l-kemmun biex ibiegħuhom ‘il barra minn xtutna.

Il-kemmun hu addatat ferm biex jitkabbar f’pajjiżna għax jista’ jitkabbar f’raba’ bagħli.  Fi żmienna, kulma trid tagħmel hu li tiftaħ il-computer, tidħol fl-internet, u ssir taf li l-kemmun, biex jikber sewwa u jokrom, għandu bżonn “sajf sħun ta’ xi tlieta jew erba’ xhur”.[1]  Jidher li l-bdiewa Maltin abbandunaw it-tkabbir tal-kemmun ftit wara l-aħħar Gwerra Dinjija.  Jiġifieri ma jdumx ma jsir tard wisq biex issib bidwi Malti jew Għawdxi li għadu jiftakar il-kemmun fir-raba’ tagħna.

Alla jaħfirlu nannuwi Anġlu Gatt kien bidwi full-time, jaħdem ir-raba’ li kellu f’post magħruf bħala “x-Xerriek” li llum jagħmel ma’ Marsaxlokk. Illum nannuwi m’għadux magħna, imma missieri, Ġanni Gatt, trabba fir-raba’ ma’ nannuwi, u t-tagħrif li ġej fuq il-tkabbir tal-kemmun ħadtu (l-aktar) minn għandu.  Missieri qalli:

“Il-gwerra meta bdiet – mhux f’Ġunju?  Meta faqqgħet il-gwerra konna qed innaqqu l-kemmun.  Meta l-gwerra baqgħet għaddejja, missieri (jiġifieri n-nannu) qal: “Issa mhux se jiġu vapuri biex isiefru l-kemmun, u se jibqa’ ma’ wiċċna”.  Allura s-sena ta’ wara ma’ reġgħax żera’, u meta spiċċat il-gwerra ma reġgħax twebbel biex jerġa’ jibda jkabbru.”

Mussolini ddikjara l-gwerra fl-10 ta’ Ġunja, 1940.  Sa ftit siegħat wara kienu diġa waqgħu l-ewwel bombi Taljani fuq Malta.  Dak iż-żmien missieri kellu ħmistax-il sena.  Jekk f’Ġunju, n-nannu kien qed inaqqi l-kemmun, dak ifisser li l-kemmun kien inżera’ ġimgħat jew xhur qabel, jiġifieri f’April jew dħul Mejju.  Fl-2005, fil-perjodiku li joħroġ mid-

Djoċeżi t’Għawdex u li jġib l-isem: Il-Ħajja f’Għawdex, deher artiklu fuq il-kemmun miktub minn Anton F. Attard.[2]  F’dan l-artiklu mimli tagħrif interessanti, Attard jgħid li “Il-kemmun kien jibda jinżera’ minn Jannar, ikompli fi Frar, iżda l-biċċa l-kbira kien jibda jinżera’ għall-ħabta tax-xahar ta’ Marzu.”  Anke l-“Calendariu tal Bidwi” li ħarġet is-Societa Agraria fl-1849, ukoll jgħid li l-kemmun jinżera’ f’Jannar u Frar, jitnaqqa f’Marzu, u “jinġema’” f’Mejju. Missieri ma setgħax iniżżilha li l-kemmun jinqala’ f’Mejju.  Insista miegħi li l-kemmun kien jilħaq ferm aktar tard fis-sajf.

Hi kif inhi, jekk kont bi ħsiebek tiżra’ l-kemmun, ridt tibda tipprepara l-art mill-bidu tal-istaġun tal-biedja.  Wara l-festa ta’ Santu Kruċ, jiġifieri lejn l-aħħar ta’ Settembru, ridt taħrat l-għalqa, jekk jista’ jkun għal darba darbtejn, ħalli l-ħamrija tinfetaħ, u ż-żerriegħa tal-ħaxix ħażin li jkun hemm fiha tinbet mal-ewwel xita.  Meta l-ħaxix ħażin jinbet u jikber ftit, u l-art tkun reġgħet ixxuttat mill-ilma, ridt terġa’ taħrat għal darb’oħra, biex taqla’ l-ħaxix ħażin mill-għeruq ħalli teħles minnu qabel ma jagħmel iż-żerriegħa – bit-tama li ma jerġax jinbet.  La l-kemmun se niżirgħuh għal April jew dħul Mejju, x’aktarx li jkollna nagħmlu din il-biċċa xogħol tal-ħrit drabi oħra matul is-sena.  Aktar ma naħartu, aktar inneħħu ħaxix selvaġġ mill-ħamrija, il-ħamrija aktar tinfetaħ u titpaħpaħ, l-art tkun aktar kapaċi tilqa’ ġo fiha l-ilma tax-xita, w’allura aktar iżżomm TIRA – jiġifieri tibqa’ niedja għal tul ta’ żmien.

Meta jasal żmien iż-żrigħ, nferrxu ż-żerriegħa tal-kemmun BIL-KEFF mal-għalqa kollha. Tiżra’ bil-keff jiġifieri taqbad il-ponnijiet ta’ żerriegħa fil-keff (jew pala) t’idek, u tferrixha mal-wiċċ tal-ħamrija tal-għalqa li tkun għadek kemm ħratt.

Wara li tagħmel dan ridt IXXATTAB l-għalqa billi tgħaddi minn fuqha b’dik li tissejjaħ XATBA (tal-biedja).  Ix-xatba tkun kif tidher fid-disinn t’hawn taħt u tintuża biex tkisser it-tub, twitti l-ħamrija, u tidfen iż-żerriegħa li tkun għadek kemm xerridt fil-wiċċ.  Importanti li nwittu l-art sewwa bix-xatba għax dan jgħinna fix-xogħol li se jkollna nagħmlu aktar ‘il quddiem.

Il-kemmun ma jridx xita, imma jikber l-aktar billi jerda’ mit-tira li jkun hemm fil-ħamrija.  Il-ħaxix ħażin, li jibqa’ jikber fl-għalqa trid jew ma tridx, ukoll iħobb it-tira, u l-bidwi kien ikollu JNAQQI l-ħamrija minn dan il-ħaxix, ħalli s-sustanza tal-art jeħodha l-kemmun, mhux il-ħaxix ħażin.  Għal din il-biċċa xogħol dari ridt ħafna sabar, u għaliha kienu jitqabbdu l-aktar in-nisa u tfal.  Meta l-kemmun ikun ftit pulzieri għoli, kienu jifirxu fuqu xi xkejjer daqsxejn kbar, joqgħodu bilqiegħda mal-art fuq dawn ix-xkejjer, u jnaqqu l-għalqa mill-ħaxix ħażin, pulzier pulzier, bis-swaba’ ta’ jdejhom, jew b’xi lexxuna żgħira.  Ix-xkejjer kienu jifirxuhom fuq l-istess kemmun, għax dan kien ruħu ħoxna biżżejjed biex jiflaħ li xi ħadd joqgħod bil-qiegħda fuqu.  Tant hu hekk illi l-istampa t’hawn taħt turi ROMBLU TAL-KEMMUN.  Għall-ħabta ta’ Ġunju, l-kemmun ikun għadu fir-raba’.  F’dawk iż-żminijiet għandha ħabta tagħmel xi ħalba żgħira xita.  Din ix-xita l-antiki kienu jafu biha, u tawha isem: jgħidulha “xita tal-qiegħan” għax tagħmel fiż-żmien meta l-bidwi jkun qed jagħmel IL-QIEGĦA biex JIDRES.  Meta l-art terġa’ tinxef wara x-xita, il-ħamrija għandha ħabta trabbi skorċa iebsa – n-naħa t’isfel ta’ Malta ġieli sejħu din l-iskorċa “grixa”.  Skorċa iebsa f’wiċċ il-ħamrija ma tgħinx biex il-kemmun jikber għall-qalbu.  Allura kienu jaqbdu romblu bħalma jidher hawn taħt u jirrumblaw l-għalqa bih – jiġifieri jgħaddu minn fuq il-ħamrija bil-kemmun b’kollox.  Kif diġa għidna, l-kemmun jiflaħ għal dan l-istrapazz; imma r-romblu ja kienx jinġibed mill-bhejjem, imma mill-istess bidwi, peress li r-romblu ma kienx ikun kbir ħafna.  Dawk l-iħinka li jidhru jduru mad-dawra kollha ta’ wiċċ ir-romblu qishom xi kamin, kienu kapaċi jifqgħu u jkissru l-iskorċa ħalli l-kemmun jieħu ftit tan-nifs.

Il-kemmun ma kienx jilħaq kollu f’daqqa.  Il-bidwi kien iħares lejn l-għalqa u jimmarka dawk ix-xitliet li jkunu lesti biex jinġabru.  Ix-xitla ma tridx tkun niexfa għal kollox għax inkella ż-żerriegħa tal-kemmun titfarfar u taqa’ fil-ħamrija, u minn hemm ma tiġboriex.  Allura l-kemmun kien jinqala’ meta jkun għadu ftit aħdar, imma meta, skont l-għajnejn esperti tal-bidwi, jkun laħaq.  Il-bidwi kien jitfa’ l-faxxina tal-kemmun fi xkora u jġorrha għal fuq xi bejt nadif.  Kien jifrex il-faxxina  fuq il-bejt u jħalli s-sħana tax-xemx tagħmel tagħha.  Minn żmien għal żmien il-bidwi kien IDOQQ il-faxxina tal-kemmun biex iż-żerriegħa tagħha taqa’ mal-art u tkun tista’ tinġabar.  Illum donna nsejna li “ddoqq” tfisser “tati d-daqqiet”.  Id-daqqaq kien idoqq il-qoton billi jagħti d-daqqiet biċ-ċiek fuq il-watar ta’ biċċa għodda apposta msejħa lasta. Il-katuba ddoqqha billi tati d-daqqiet fuqha bil-bakketta.  Il-qanpiena ddoqqha billi tagħti fuqha fl-ilsien, eċċ.  Il-kemmun, l-aħjar li ddoqqu hu bil-MIDRA.

Il-midra hi aħjar mill-luħ għal din il-biċċa xogħol.  Biex iddoqq tajjeb, il-faxxina tal-kemmun trid tqallibha ta’ taħt fuq inti u ddoqqha.  Il-midra taqdik sewwa għax għandha għamla ta’ furkettun u biha tqalleb aħjar.  Meta tlesti titfa’ l-faxxina fil-ġenb u tiġbor iż-żerriegħa tal-kemmun li tkun waqgħet mal-art.  Il-faxxina tħalliha fix-xemx ħalli tkompli tinxef, u wara terġa’ ddoqqha ħalli jaqa’ minnha iktar kemmun.

Biex tkun lesta għas-safar iż-żerriegħa tal-kemmun li tiġbor minn fuq il-bejt triq terġa’ titnaqqa u titnaddaf sew.  Anton Attard fil-kitba tiegħu li semmejna[1], jgħid li “kien hemm każi fejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika ma riedx iħalli kemmun ta’ Malta jidħol f’dak il-pajjiż għax ma kiex imsoffi sewwa.”  Din mhix xi ħaga kbira għax il-bdiewa Maltin mhux l-ewwel darba ġew fl-imkwiet mal-barranin anke fl-esportazzjoni tal-basal u tal-patata.  L-ewwel tisfija tal-kemmun kienet tingħata bl-għarbiel.  Imma lanqas dan ma kien ikun biżżejjed.  Ħafna drabi l-bidwi kien ILEBLEB il-kemmun.

TLEBLEB

U l-kemmun kif tlebilbu?  Taqbad iż-żerriegħa tal-kemmun li tkun qiegħda ġo xi dugħ apposta (landa, barmil, kannestru żgħir, eċċ) u, mill-għoli, terġa’ titfa l-kemmun ġo kontenitur ieħor li jkun aktar ‘l isfel.  Din il-biċċa xogħol trid issir x’imkien barra, meta tkun għaddejja mqar żiffa żgħira.  Il-qxur u l-ħliefa li jkunu żejda jinqabdu mir-riħ, għax ikunu eħfef miż-żerriegħa tal-kemmun, allura jtiru u jerġgħu jaqgħu fl-art ftit ‘il bogħod.  B’hekk  il-kemmun jindaf  aktar u jibqa ż-żerriegħa biss.  Il-“qxur u ħliefa” li semmejna kellhom isem: kienu jgħidulhom TFUR.  It-tfur hu dak li jaqa’ mill-għarbiel, u dak li jtir bit-tiħ meta tlebleb il-kemmun.  Dari kellna wkoll il-kelma ŻWIEL – li hu dak li jibqa fl-għarbiel meta tagħrbel.  L-aħħar li baqgħet tintuża din il-kelma kien fost il-ħaddiema tal-ġebel – iż-żwiel kien dak li jibqa’ fl-għarbiel meta jgħarblu x-xaħx.  Il-KARFA hu dak li jibqa’ meta tgħarbel u tnaqqi t-tagħam (qamħ, xgħir, eċċ.).

Skont dan l-artiklu f’din il-ħarġa, l-esportaturi tal-kemmun kienu jsifruh lejn Barċellona u Marsilja.  Mhux magħruf sewwa  x’kien jiġri mill-kemmun esportat minn Malta, u għal xiex kien jintuża.  Dr. Azzorpardi jsemmi xi użi għalih.  Fi żmienna l-kemmun jintuża l-aktar biex iħawwar l-ikel.  Imma t-tagħrif fuq il-kemmun, l-istess bħat-tagħrif fuq il-qoton u l-insiġ, għandu jkun iktar imxerred fostna għax dari dawn l-għelejjel kienu ndispensabbli biex missirijietna jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu f’Malta.

REFERENZI

[1] https://en.wikipedia.org/wiki/Cumin

[2] Il-Ħajja f’Għawdex, Il-Kemmun, Anton F. Attard, Diċembru 2005, 26,27

[3] Il-Ħajja f’Għawdex, Il-Kemmun, Anton F. Attard, Diċembru 2005, 27