Il-kitba li ġejja hi maħsuba biex tgħin lil dak li jkun isib il-kelma Maltija fi lsienu meta jkollu bżonnha. Il-kliem li jinteressana hu dak li għandu x’jaqsam mal-ambjent, il-pajsaġġ, u dak kollu li hu Malti, għax tiġina reqqa u qalbna tingħafas meta nisimgħu nies li filwaqt li jitkellmu fuq wiċċ u art pajjiżna, il-bini tiegħu u l-ħlejjaq li jgħixu fih, ma jsibux il-kelma t-tajba biex jirreferu għal dik il-ħaġa jew l-oħra, u jaqgħu għall-kelma barranija meta l-oġġett ikun Malti u probabbli li ilu hawn is-snin!

Mela ejjew naqbdu l-kitba minn xi mkien, ikun fejn ikun, bit-tama li peress li l-kliem bħaċ-ċirasa u kelma iġġib ‘il oħra, sa fl-aħħar jirnexxilna nsemmu kull m’għandna fuq l-istonku tagħna!

Dan il-kapitlu deher oriġinarjament bħala parti mill-ktieb “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni” ta’ Ġużi Gatt.

L-ILMA TAL-ĦAJJA

Waħda mill-ikbar uġigħ-ta’-rasijiet li minn dejjem kellhom missirijietna f’Malta kienet dik ta’ kif jaħżnu l-ilma tax-xita biex isibuh meta jiġu bżonnu. Kull sena, għall-ħabta ta’ Mejju/Ġunju, bwieb is-sema jingħalqu, l-art tinxef u l-ajru ma jerġax joqtor l-ilma qabel Settembru jew Ottubra ta’ wara.

Niesna raw kif għamlu u ħaffru fil-blat biex sewqu l-ilma tax-xita għal xi mkien fejn seta’ jinġabar. L-ilsien Malti hu mimli bi kliem marbut max-xogħol u s-sengħa ta’ kif taħżen l-ilma. Nagħmlu sew jekk dal-kliem ma ninsewhx. Nagħmlu ħażin jekk ingerrfxu kelma m’oħra.

BJAR U ĠWIEBI

Ngħidu aħna, x’inhi d-differenza bejn BIR (plural: bjar) u ĠIEBJA (pl. ġwiebi)? Bir ikun għamla ta’ qanpiena – fuq idjeq minn taħt; u ġiebja tkun imħaffra ‘l isfel għad-dritt. ĠIBJUN (pl. ġibjuni) ikun ferm ikbar minn ġiebja u minbarra li jkun imħaffer ‘l isfel fil-blat spiss ikun imsaqqaf bil-ħnejjiet u x-xorok, jew pilastri u travi. Kelma aktar qadima minn ‘ġibjun’ hi LATMIJA (pl. ltami) li kienet tfisser l-istess ħaġa, għalkemm xi kultant insibuha tfisser “barriera”. Imma jidher li qabel ma daħlet il-kelma ‘ġibjun’ jew ‘latmija’ missirijietna kienu jgħidu MIEĠEN jew MIEĠEL (pl. mwieġen/mwieġel).

ILMA U NAQAL

Il-bir u l-ġiebja jridu JITBATTMU; jiġifieri jinksew b’kisja ta’ siment u ramel li ma tħallix l-ilma jintilef fil-blat. Qiegħ il-bir (jew ġiebja) ma jitħalliex ċatt jew wati imma jinkesa mżerżaq, biż-żurżieqa tagħti għal ġo ħofra mħaffra fl-istess qiegħ li tissejjaħ KONKA. Il-konka sservi biex in-NAQAL (sediment) ta’ ġo l-ilma joqgħod u jorkot ġo fiha. Miġbur ġo fiha, in-naqal ma jitqanqalx kull darba li jiċċaqlaq l-ilma ta’ ġol-bir.

ĦEREZ U PLIERI

Il-bokka tal-bir jew ġiebja titgħatta bil-ĦERŻA (pl. ħereż). Il-ħerża titqiegħed fuq żewġ KAPTELLI ħoxnin tal-ġebel li jintrabtu b’żewġ ĊAVI. Il-kaptelli u ċ-ċavi kienu jitgħattew bix-xorok. Maġenb il-ħerza jitilgħu żewġ PLIERI li jerfgħu fuqhom il-ĠEJŻA jew il-PASTAŻ – blata mimduda li sservi biex tiddendel magħha t-tarjola. Mat-tarjola idur il-ħabel li jerfa’ s-SATAL (pl. stal) jew barmil li jimtela bl-ilma tal-bir. Ħdejn il-bir jew ġiebja ssib ĦAWT (pl. ħwat) tal-ġebel li fih jitferra’ l-ilma minn ġos-satal. Kemm il-ħerża kif ukoll il-ħawt ikunu mħaffra minn ġebla waħda sħiħa.

SWIEQI U VASKI

Mill-ħawt, l-ilma jitferra’ ġos-SIEQJA (pl. swieqi) magħmula minn knaten imħaffra b’mod li jiffurmaw kanal li minnu jinsaq l-ilma għal ġo VASKA (pl. vaski). Mill-vaska jissaqqa r-raba’ ta’ madwar.

Mhux l-ilma kollu tax-xita jinqabad ġol-bjar, ġol-ġwiebi, u l-ġibjuni. Ħafna minnu jiġri mal-wied u jintilef fil-baħar; ħafna minnu joqgħod fl-art u jtir bis-sħana tax-xemx. Dak li jifdal, JISKULA ġo l-art – jiġifieri jgħaddi minn ġol-pori tal-blat u jibqa nieżel ‘l isfel sakemm isib xi ħaġa li żżommu.

IS-SAFFI TAL-BLAT

L-art ta’ Malta hi magħmula minn ħames saffi ta’ blat. L-ilma jgħaddi minn ġol-blat li jissejjaħ il-QAWWI TA’ FUQ. Das-saff hu blat iebes imma għandu l-pori tiegħu ħoxnin b’mod li l-ilma jgħaddi minnu bla tbatija. It-tieni saff hu tal-ĠEBLA S-SAFRA jew ġebla TAR-RINA u l-ilma jgħaddi minn hawn ukoll; hu u għaddej igerrem u jaħfi l-blat taħt l-art waqt li jiġri ġox-xquq. Ix-xquq taħt l-art jgħidulhom BRAJJEM (sing. brama) u fil-ġirja tiegħu fihom, l-ilma ġieli jsib biżżejjed xi jgerrem u jkaxkar biex jagħmel ħofra jew għar taħt l-art li tissejjaħ DAGĦBIEN. Imma l-ilma jkollu jieqaf meta jsib it-TAFAL. Mit-tafal l-ilma ma jgħaddix, allura jiżżerżaq u jiġri fuqu sakemm fl-aħħar, jekk isib minn fejn, jerġa’ jnixxi ‘l barra għall-arja f’NIXXIEGĦA li ġġelben mal-ġnub tal-widien. L-ilma tan-nixxigħat u l-għejun, u dak li jinstab jiġri fil-widien jissejjaħ ILMA ĠIERI.

SPEJJER U QWIENI

Li ma kienx għas-saffi differenti tal-blat, kieku Malta, dari, kienet tbati l-għatx ferm iżjed milli fil-fatt batiet. Mela jaqbel li niflu l-blat sewwa ħalli nitgħallmu kif dan jgħina naħżnu l-ilma għax-xorb u għat-tisqija tar-raba’. Imma l-ewwel irridu niflu t-tabella t’hawn taħt:

Mhux kullimkien f’Malta u Għawdex issib il-ħames saffi tal-blat kollha fuq xulxin. Hawn ħafna postijiet fejn is-saffi ta’ fuq, biż-żmien, ittieklu mill-elementi. Imma fuqnett, jekk ikun għadu jeżisti, għandek issib il-blat tal-qawwi. Dan hu ta’ iktar minn kwalitaċ waħda. Mill-qawwi “tal-Prima” jagħmlu ż-żrar u r-ramel. Mill-qawwi “tas-Sekonda” jagħmlu l-ġir. Taħt il-qawwi ta’ fuq, issib il-ġebla s-safra, li tissejjaħ ukoll “ tar-rina”, jew “ir-ramli”. Dan, pero, hu saff irqiq ħafna u rari biex issibu aktar minn metru għoli. Kif diġaċ għidna, dawn is-saffi jħallu l-ilma jgħaddi, mhux bħalma jagħmel it-tafal, li qiegħed fis-saff li jmiss. Peress li mit-tafal l-ilma ma jgħaddix, iż-żewġ saffi ta’ fuqu jsiru qishom sponża mxarrba. L-ilma maqbud ġol-blat f’dawn iż-żewġ saffi jissejjaħ il-ĦAŻNA TA’ L-ILMA ĠIERI (perched acquifer). Din il-ħażna ta’ l-ilma, il-bniedem jista’ jagħmel użu minnha billi jħaffer SPIERA (pl. spejjer/spieri). Bil-mezzi moderni ta’ żmienna tista’ tħaffer f’kemm trodd salib; imma dari kien ikollhom iħaffru spiera bil-baqqun.

Spiera tkun magħmula minn toqba tonda, imħaffra ‘l isfel fil-blat. It-toqba tkun wiesgħa biżżejjed li jgħaddi bniedem minnha, imma fl-istess ħin dejqa biżżejjed biex bniedem ikun jista’ jinżel fiha billi jqabbad sieq waħda ġo toqba li tkun imħaffra fil-ġenb fuq naħa, u s-sieq l-oħra ġo toqba oħra mħaffra fuq il-ġenb l-ieħor. Dawn it-toqob jissejjħu MQABAD u jkunu mgħawrin ‘l isfel, f’għamla ta’ ħawt żgħir, biex ikollhom ħanek ma’ fejn wieħed jista’ jiggranfa. Malli l-ħofra tasal fil-fond biżżejjed (jekk jista’ jkun sakemm jinstab it-tafal, imma dan mhux bil-fors) titħaffer MINA, jew tnejn, jew tlieta. Il-ħsieb ikun li l-ilma maqbud ġol-blat ikun jista’ joqtor, bil-mod il-mod, ġol-mina. Itwal ma tkun il-mina, jew iktar ma tħaffer mini, iktar aħjar, għax l-ilma jkollu firxa ikbar minn fejn joqtor. B’hekk il-mina tkun saret QATTARA, bl-ilma joqtor mis-saqaf u l-ġnub tagħha. Isfel nett, bi dritt il-bokka, titħaffer ħofra li tissejjaħ il-MAĦŻNA jew il-ĦAŻNA. Peress li l-art tal-mina tkun bi ftit tal-pindil, jiġifieri titħaffer ftit imżerżqa, l-ilma li joqtor jiżżerżaq u jiġri ‘l isfel għal ġol-maħżna. Minn ġol-maħżna l-ilma jittella’ ‘l fuq bħalma jittella’ l-ilma minn ġo xi bir.

Mhux ċar il-kelma “spiera” minn fejn hi ġejja. X’aktarx li hi kelma barranija li ħadet post kelma oħra eqdem u aktar Maltija. Din il-kelma eqdem u aktar Maltija hi l-kelma QANA. (Il-kelma “qana” għandha tingħad b’vokali qosra, biex taqbel mal-kelma “mara”, jew “dara”, MHUX bl-ewwel vokali twila, bħal “vara” jew “gara”.) Dari, il-kelma “qana” tant kienet importanti li hi waħda mill-ftit kelmiet bil-Malti li l-Professur Godfrey Wettinger sab imniżżla f’manuskritti medjevali fl-arkivji ta’ Malta u Sqallija. Il-manuskritti jkunu miktuba bl-Isqalli, jew bit-Taljan qadim, jew bil-Latin; imma l-kittieb xi kultant kien isib ċerta diffikulta biex ifisser ruħu u kien iniżżel il-kelma kif tinħass u tingħad bil-Malti. Din il-kelma tissemma wkoll fil-ktieb ta’ Gian Francesco Abela Della Descrittione di Malta meta tkellem fuq il-bini ta’ l-akwidott ta’ Wignacourt. F’paġna 111 insibu miktub “. . . cana, o mina nella rocca”.

In-nisel tal-qana hu qadim ħafna. L-istess bħal fil-każ ta’ l-ispiera, l-ewwel trid tħaffer toqba tonda ‘l isfel fil-blat sakemm issib il-ħażna ta’ l-ilma li jkun nixxa fil-blat. Il-mina, jew il-qattara, titħaffer b’mod li tibqa’ sejra sakemm tinfed il-blat u tfiġġ għall-arja fil-ġenb ta’ xi wied. L-ilma li joqtor fil-qattara jiżżerżaq u jiġri tul il-mina sakemm hu ukoll isib l-arja ta’ barra. F’tarf il-mina jitqiegħed xi ħawt biex jimtela’ bl-ilma u l-qana sservi ta’ għajn li minnha jixorbu in-nies jew il-bhejjem. Jew inkella tista’ tinbena sistema ta’ swieqi jew kanali li minnhom jiġri l-ilma biex isaqqi r-raba’ ta’ madwar, li l-biċċa l-kbira jkun imtarraġ ‘l isfel. Dari, qwieni bħal dawn kienu komuni ħafna fir-raba’ ta’ madwar l-Imdina, ir-Rabat, Ħad-Dingli, u wieħed għadu jista’ jarahom, speċjalemt f’Wied ir-Rum fejn hemm ħafna ġonna b’ismijiet bħal Il-Qattara, Ta’ Baldu, Tas-Simblija, eċċ.

Meta l-mina jew il-qattara tkun twila ħafna titħaffer aktar minn toqba waħda biex hekk jgħaddi aktar nifs u jkun jista’ wkoll jittella’ l-materjal il-mejjet waqt it-tħaffir.

L-ILMA TAL-PJAN

L-ilma li jaħrab minn fuq it-tafal jista’ jsib ruħu fuq ir-raba’ saff ta’ blat li minnu hi magħmula Malta – Il-GLOBIĠERINA. Din għandha l-pori wkoll u l-ilma jgħaddi minnha bil-mod sa ma jsib l-aħħar saff – iż-ŻONQOR jew il-QAWWI TA’ TAĦT. La wasal s’hawn, l-ilma issa jkun qiegħed invell mal-baħar. L-ilma baħar jgħaddi minn ġol-blat ukoll u jekk tħaffer ‘l isfel iżżejjed, issibu. Imma l-ilma ħelu hu eħfef mill-ilma mielaħ. L-ilma ħelu jgħum fuq wiċċ l-ilma mielaħ u s-saff ta’ ilma ħelu li jirriżulta jissejjaħ il-ĦAŻNA TA’ L-ILMA TAL-PJAN. Il-Maltin ilhom jafu b’dan, u jħaffru wkoll mini u spejjer biex jużaw l-ilma tal-pjan għall-ħtiġijiet tagħhom.

IL-ĦAMLA TAL-WIED

L-ilma tax-xita li jgħaddi mill-widien u jkaxkar kollox quddiemu, iħalli wkoll il-marka tiegħu fuq l-art. Dik l-ispeċi ta’ radda li l-ilma jħalli fuq it-trab u l-ħamrija li jgħaddi minn fuqha tissejjaħ MIĠRA (pl. mġar)*. Jekk l-ilma jkun qawwi biżżejjed u l-miġra tikber u tfannad anke fil-blat – dik tissejjah ĦARQ (pl. ħrieq). Li kellha tgħaddi xmara u tkabbar il-ħarq b’mod li jsir kbir daqs wied – dak jissejjaħ ĦANDAQ (pl. ħniedaq) – wied li jkun dejjaq u fond.

Meta l-ilma jsib il-wita u jasal xi mkien fejn ma jistax jibqa’ miexi – ikun sab il-MAQGĦAD. Il-maqgħad jimtela bit-tajn u n-naqal, u sakemm jibqa’ l-ilma qasir f’wiċċ l-art, il-post jissejjaħ MARĠA (imraġ). Fit-tajn u l-ilma tal-marġa jikbru u jgħixu ħlejjaq u xtieli li x’aktarx ma ssibhom imkien ieħor. Imma jekk l-ilma jkun fond għax ikun inġabar fi kwantita kbira u allura l-qiegħ ikun ‘l isfel – dik għandha tissejjaħ GĦADIRA; u jekk tkun kbira ħafna, tissejjaħ GĦADIR.

WILEĠ U RAMLIET

Il-ġnub tal-widien jissejħu WILEĠ (sing. wilġa) u r-raba’ li jinbena fuq il-wileġ, bil-ħitan tas-sejjieħ f’għamla ta’ taraġ, jissejjaħ SINED (pl. isinda). L-għelieqi li jkunu twal u dojoq jissejħu ĦBULA (sing. ħabel). Meta l-wied ikun iferra’ ġol-baħar (sakemm ma jsibx xi Coast Road mibnija eżatt fit-tarf!) iġorr il-ĦAMLA tax-xita u, biż-żmien, jekk il-ħamla ġġorr magħha ħafna trab u ramel, tarf il-wied ħdejn il-baħar isir RAMLA (pl. ramliet). Jekk il-ħamla ġġorr magħha ġebel u żrar, tarf il-wied isir ĊAGĦKIJA. Jekk ir-ramla tkun kbira, ir-riħ igeddes ir-ramel f’munzelli msejħa GĦAREM (sing. għarma).

Il-BAĦAR RASU IEBSA

Il-baħar ma joqgħodx lura. Jagħmel mill-aħjar li jista’ biex jiekol, jaħraq, u jaħfi l-blat. Jekk, ngħidu aħna, jaħbat rasu ma’ rdum taż-żonqor (jew il-blat qawwi ta’ taħt), il-baħar jgħawwar fejn isib id-dgħajjef u biż-żmien jgħawwar GĦAR (pl. għerien). Jekk isib rdum tal-franka, il-baħar jaħfi s-saff ta’ blat li jmiss miegħu bir-riżultat li s-saff ta’ fuq, li x’aktarx ikun magħmul mill-ġebla tar-rina jew mill-qawwi ta’ fuq, jispiċċa jisporġi ‘l barra qisu xkaffa. Is-saff il-mittiekel u anke dak il-blat ċatt, ftit pulzieri taħt wiċċ l-ilma li jirriżulta – jissejjaħ ĦIEFA (jew ħafa bl-ewwel “a” twila). Is-saff tar-rina u tal-qawwi ta’ fuq, biż-żmien jaqgħu għal isfel u l-irdum iċedi PREXEX PREXEX (sing. prexxa) li jinkisru f’biċċiet kbar li jibqgħu ‘l fuq minn wiċċ l-ilma taħt l-irdum. Kull biċċa blata kbira tissejjaħ TIRXA (pl. tirxien).

TARĠA

Mhux il-baħar biss jitqalleb u jitħabat. Il-blat ukoll m’għandux kwiet u, bil-mod il-mod, il-blat jitla’ u jinżel u jitgħaffeġ u jinkiser ukoll. Malta hi mimlija xquq li jaqsmuha flieli flieli minn ġenb s’ieħor tagħha. Kull felli jimbotta lil ta’ ħdejh u wieħed jogħla ‘l fuq mill-ieħor. Kull fejn hemm felli li jgħolli rasu ‘l fuq minn dak ta’ ħdejh, bil-Malti ngħidu li hemm TARĠA (San Pawl tat-Tarġa, San Ġużepp tat-Tarġa li issa qed jgħidulu Tarġa Gap, eċċ.). ‘L isfel mit-tarġa, issib wied kbir jew pjanura li ma tkun xejn ħlief is-sodda watja tal-felli blat li baqa’ isfel filwaqt li l-felli ta’ ħdejh ikun tela’ ‘l fuq. Il-ħamla tax-xita tkaxkar fil-wied ħafna trab u ħamrija u hemmhekk issib ħafna raba’ tajjeb – bħal ngħidu aħna, fil-wied tal-Pwales.

FLIEGI U QALIET

Jekk xi felli blat jaqa’ ‘l isfel wisq, il-baħar jidħol jiġri fih u jifforma FLIEGU (pl. fliegi) bħal m’hemm bejn Malta u Kemmuna, u bejn Kemmuna u Għawdex. U allura t-tarġiet, li jkun b’rashom mgħollija, isiru GŻEJJER (sing. gżira). Jekk il-felli ma jegħriqx kollu, imma tegħreq biss il-bokka tal-wied, il-baħar isawwar QALA (pl. qaliet). Qala li tkun kbira u kennija tissejjaħ PORT jew MARSA, u jekk tkun żgħira tissejjaħ DAĦLA jew KALANKA (din tingħad l-iżjed in-naħa tax-Xgħajra u Marsaxlokk) jew BUGĦAŻ (din jgħiduha l-Għawdxin). Meta ngħidu MENQA (pl. menqiet) daż-żmien sirna nifhmu kenn għad-dgħajjes u vapuri żgħar, mibni apposta mill-bniedem, fil-biċċa l-kbira ġo xi port.

XAGĦRI, MOXA, ĠMIEM, U BOSK

Imma mhux l-art kollha hi tajba għar-raba’. Il-qawwi ta’ taħt, jekk ikun mikxuf, jifforma wesgħat ta’ art, kollha ħofor, xfar, u blat iniggeż li bil-Malti jissejjaħ AĦRAX (l-Aħrax tal-Mellieħa; l-Aħrax ta’ l-Għajn, eċċ.) Bl-Ingliż dan jissejjaħ karstland jew karst. Meta l-aħrax, biż-żmien, jimtela bit-trab u b’xi ftit ħamrija u allura jinbtu xi xtieli xierfa jew xi arbuxelli, l-aħrax jissejjaħ XAGĦRI. Fejn l-arbuxelli jogħlew mhux ħażin u anke jitilgħu xi siġar slavaġ li jkunu xi ftit folti għalkemm mhux għoljin wisq, l-ambjent jissejjaħ ĠMIEM (bit-Taljan jgħidulu macchia mediterranea u bil-Franċiz jew bl-Ingliż maquis). Jekk is-siġar ikunu kbar u għoljin, il-post jissejjaħ BOSK jew MASĠAR (woodland).

Jekk il-blat il-mikxuf ikun tal-franka, peress li din titmermer malajr, il-blat biż-żmien isir ħamrija u l-bniedem malajr jagħti l-art għall-biedja billi jagħlaq bil-ħitan tas-sejjieħ l-oqsma kollha li jista’. Dawk l-irqajja’ li ma jkunux komdi li jingħalqu f’għelieqi u jispiccaw bil-ħaxix ħażin u bit-tgħaffiġ tas-saqajn jissejħu MOXA. Jekk ir-roqgħa li ma tinħadimx tkun kbira mhux ħażin u b’ħafna blat mikxuf, tissejjaħ XAGĦRA (u xgħajra jekk tkun iżgħar).
Nagħmlu sew jekk ninnutaw l-ismijiet tal-widien, l-għoljiet u l-għelieqi li ngħaddu minnhom meta noħorġu qalb ir-raba’. BUR (pl. bwar) tfisser medda art, x’aktarx watja, li għalkemm ma tkunx għalqa, ikollha fiha xi ħamrija, u allura jikber il-ħaxix. Jiġifieri tiġi dik li bl-Ingliż jgħidulha meadow; QORTIN (pl. qraten), kelma li hi mferrxa ħafna fuq wiċċ pajjiżna, tfisser art x’aktarx ftit fil-għoli, bil-fuqani tagħha wati (ċatt), u bil-ġnub għolja, weqfin u jagħtu għal isfel, jew għal fuq il-baħar, jew għal fuq xi wied jew wita. Jiġifieri qortin hu dak li bl-Ingliż jissejjaħ plateau. Il-ġenb tal-qortin jissejjaħ ĠARF (bl-Ingliż scarp). ĦANAQ (pl. iħinqa) tfisser bottleneck x’aktarx f’xi wied. MINTBA (pl. mnieteb) tfisser a knoll; a mound – tip ta’ għolja bħal m’hi, ngħidu aħna, Il-Qolla s-Safra, Il-Qolla l-Bajda, jew l-għolja li jgħidulha Tal-Merżuq, li fuqha ttellgħet l-istatwa tas-Salvatur. Dawn il-postijiet huma kollha f’Marsalforn. It-triq jew mogħdija wieqfa li tagħti għal fuq il-mintba tissejjaħ NATBA. FAWWARA hi għajn forma ta’ funtana, waqt li ĊARĊARA hi waterfall. Meta l-ilma jnixxi minn ġol-blat u jibda joqtor, ngħidu aħna mis-saqaf ta’ xi għar, dik ngħidulha QATTARA li biż-żmien tifforma l-BŻIEŻEL TA’ L-ILMA (stalactites/stalagmites).

BORĠ U QLEJGĦA

L-għarfien ta’ l-ismijiet topografici u l-għarfien ta’ xi jfissru l-ismijiet, anke jekk il-kliem ikun antik u minsi, jiswielna ferm, anke fl-istudju ta’ l-arkeoloġija u l-istorja ta’ pajjiżna. Kif? Ejjew nieħdu xi eżempji. Il-kelma TORRI (pl. torrijiet), li hi ġejja mit-Taljan, ħadet post il-kelma Maltija BORĠ (pl. braġ), li tfisser l-istess ħaġa. Veru li llum “borġ” tfisser “munzell” imma fin-nisel tagħha “borġ“ tfisser “torri”. NADUR (pl. nwadar) tfisser “post għoli li minnu tara madwarek”: jiġifieri vantage point. Mel’issa nafu li Borġ in-Nadur tfisser: It-Torri ta’ fuq il-vantage point. Fejn hu dat-torri llum? Fejn kien? F’Borġ in-Nadur hemm fdalijiet preistoriċi ta’ żmien il-bronż. Forsi l-isem jirreferi għalihom, imma kullma tara minn dawn il-fdalijiet (speċjalment meta tiftakar li dari kienu mirduma bil-ħamrija) hu biss ħajt għoli mibni b’ġebel kbir. Ma tantx għandu bixra ta’ torri. Nafu postijiet oħra li ismijiethom jindikaw li fiż-żmien kien hemm xi bini militari u issa dal-bini Alla m’għamlu: Il-kelma QALGĦA tfisser “fortizza”. QLEJGĦA hi diminuttiv ta’ qalgħa u allura tfisser fortizza żgħira. Iċ-Chadwick Lakes, bil-Malti jingħadu“Wied il-Qlejgħa”. Fejn qiegħda l-qlejgħa llum? Fejn kienet? Hemm postijiet oħra, anke jekk dawn mhux dejjem issibhom fuq il-mappa, li n-nies tal-post jafuhom bħala “Tal-Qlajja” (jigifieri: qlejgħa). Wieħed li jiġi f’rasi hu lejn il-Gudja, fejn sa qabel ma bnew ir-runway il-ġdida ta’ l-ajruport kont għadek tista’ tara ħafna ġebel kbir. Lejn in-Naxxar hemm post jismu “Il-Ħsejjen” li tinstema’ qisha diminuttiv tal-kelma Għarbija Ħasan (bl-“a” maħtufa) li wkoll tfisser fortizza. Fid-dokumenti jinstab ukoll l-isem “Tal-Ħsieni” li jinħass qisu l-plural ta’ Ħasan. (Fuq suġġett bħal dan, għandu ħafna xi jgħid il-Professur Godfrey Wettinger fil-kitbiet tiegħu.)

Kulħadd jaf li MARSA tfisser “port”. Marsa hi l-mimmat tal-verb RASA (tefa’ l-ankri) u MARFA hi l-mimmat tal-verb RAFA (mingħajr apostrofu) li tfisser “trakka”. Marfa tfisser “moll”. Il-Marfa kien minn dejjem jitrakka l-mirkeb li kien jagħmel il-MOGĦDIJA (għax il-vjaġġ hekk kien jissejjaħ dari) bejn Malta u Għawdex.

MIKLEM

Qed inniżżlu xi ftit kliem li l-Maltin jistgħu jiltaqgħu miegħu meta jaqraw bl-Ingliż u li forsi jkollhom diffikulta biex isibu l-ekwivalenti tiegħu bil-Malti. Il-kliem mhux qiegħed fl-ordni alfabetiku, imma qiegħed miġmugħ skond is-suġġett:

L-ILMA 

Well Bir
Cistern Ġiebja (Għarukaża li xi wħud qed jużaw il-kelma “ċisterna” kulfejn fl-Ingliż isibu cistern.)
Cistern/Reservoir Ġibjun (Dawk li l-kavallieri kienu jsejħu, bit-Taljan, cisterni, bil-Malti jiġu “ġibjuni”)
Sediment Naqal
Mud Ħama
Perched aquifer Il-Ħażna ta’ l-ilma ġieri
Mean sea level  aquifer Il-Ħażna ta’ l-ilma tal-pjan
Aquifer Il-Ħażna ta’ l-ilma (ta’ taħt l-art)
Surface water runoff Ilma tax-Xabgħa/il-Wied tal-Ilma
Bore-hole Spiera
Qanat Qana (il-pl. hu qwieni)
Spring Nixxiegħa
Water course Miġra
Ravine/Gorge Ħandaq
Valley Wied
Dam Diga/Skontru/Ilqugħ
Marsh Marġa
Beach Xatt il-baħar/Xtajta
Sandy Beach Ramla
Pebbles/Shingle Ċgħak/Ċagħkija
Channel Fliegu
Inlet/Bay Qala/Bajja

ĠEOLOĠIJA

 

Upper coralline limestone Il-Qawwi ta’ fuq
Greensand Il-Ġebla s-safra/Il-Ġebla tar-Rina
Blue clay It-Tafli
Globigerina limestone Il-Globiġerina.  X’aktarx li jkun aħjar li kellna nħallu l-kelma “Franka” biex tfisser saff partikolari tal-globiġerina.
Lower coralline limestone Iż-żonqor jew il-Qawwi ta’ taħt.
   
Conglomerates/Hardground Katina
Erosion Ħiefa
Fault Brama (jekk ix-xaqq ikun wieqaf)/Qiegħ (jekk ix-xaqq ikun mimdud).
Ridge Tarġa (Dejjem skond is-sens u l-kuntest, “Tarġa” tista tkun “fault” ukoll.
Plateau Qortin
Stack Taqtigħa
Scree Tirxien
Sand dune Għarma
Stalactite/Stalagmites Bżieżel ta’ l-ilma
Scarp Ġarf/Sies

TOPOLOĠIJA U VEĠITAZZJONI

 

Karst Aħrax
Macchia/Maquis Ġmiem
Garigue Xagħri/Xagħra
Scrub Moxa
Woodland Bosk
Meadow Bur
Arable land Raba’
Non-irrigated land Raba’ bagħli
Irrigated land Raba’ saqwi
Terraced fields Sined
Rotation of crops Tinwib
Terra Soil (red soil) Raba’ ħamri                       
Carbonate raw soil Raba’ tafli                          
Xerorendzinas soil Raba’ tal-bajjad

Il-bdiewa tagħna jafu iżjed ismijiet ta’ tipi ta’ ħamrija. Ngħidu aħna l-Aħrax tal-Mellieħa, in-naħa ta’ l-Armier, hemm ħafna “ramal”.Din hi ħamrija ramlija, tajba ħafna għall-uċuh tar-raba, u “tista’ taħdimha mqar fix-xita”. Hemm ramal aħmar u ramal abjad. Wara kollox, l-istess isem “L-Armier” u tgħawwiġha tal-kelma “rmiel”. Hemm ukoll ħamrija “żejtija”. Dan ikun “trab sewdieni grass jixbaħ lit-tafal, u jeħel ma’ l-għodda inti u taħdem”. Kalendarju tal-Bidwi li ħareġ fl-1849 jsemmi r-raba’ “moħwi” u raba’ “muħrar”.

Kurżitajiet:

* IS-SAFFI TAl-BLAT: L-interess fl-istudju tal-blat ta’ Malta ilu li nibet fostna u fuq il-ġeoloġija ta’ Malta kitbu ħafna barranin u xi ftit Maltin. Fi żmienna, jiġifieri fil-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin, jidher li H.P. Pedley hu meqjus b’wieħed fost l-aħjar awtoritajiet fuq is-suġġett. Pedley bena fuq l-istudjużi ta’ qablu, imma kien l-ewwel wieħed li fela bir-reqqa is-saff tal-qawwi ta’ fuq u s-saff taż-żonqor ta’ taħt. Filwaqt li aħna nafu li l-qawwi ta’ fuq jinqasam fi tnejn: tal-prima u tas-sekonda, Pedley qasam dan is-saff f’erba’ members, u l-erba’ members qasamhom f’xi tnax-il bed. Pedley semma dawn is-saffi kollha għall-post li fih sabhom l-ewwel darba (u xi kultant dan it-tip ta’ blat ikun jeżisti f’dak il-post biss). Ma ninsewx, imma, li biex tagħraf id-differenza bejn dawn l-għamliet kollha ta’ blat trid l-għajnuna ta’ laboratorju armat bil-mezzi moderni. Jeżistu wkoll ħafna mapep ġeoloġiċi mfassla skond it-taqsimiet ta’ Pedley. Kulmin hu midħla tax-xogħol fil-blat jaf li l-blat ta’ Malta “kull xiber iqalleb” u mhux faċli tniżżel fuq karta il-mod preċiż ta’ kif inhu mifrux fuq l-art. Barra minn hekk, għada pitgħada, studju ieħor għad iżid jew inaqqas minn dawn is-saffi.

Skond Pedley, il-Qawwi ta’ Fuq jinqasam hekk:

 

 

Ġebel Imbark member Qammieħ beds
               Tat-Tomna beds
               ? San Leonardo beds
   
Tal-Pitkal member Depiru beds/Għadira beds
               Għar Lapsi beds
               Rabat Plateau beds
   
Mtarfa member Rdum il-Ħmar beds
               Ġebel Imtarfa beds
   
Għajn Melel member Żebbuġ beds (Għajn Żnuber beds in east)

Iż-Żonqor, jew il-Qawwi ta’ taħt jinqasam hekk:

 

 

Il-Mara member Bryozoan and Lepidocyclina beds
   
Xlendi member Scutella beds and cross-bedded biosparites
   
Attard member Rhodolite biosparites
   
Magħlaq member Biomicrites

Dan it-tagħrif ittieħed minn:  A New Lithostratigraphical and Palaeoenvironmental Interpretation for the Coralline Limestone Formations (Miocene) of the Maltese Islands.  Institute of Geological Sciences, Overseas Geology and Mineral Resourcews, H.M.S.O. Londra, 1978.

*    IL-MARA: Qrib Bengħisa hemm post li jissejjaħ “Il-Mara”.   Qiegħed fl-irdumijiet ta’ taħt Għar Ħasan, fejn hemm ħafna tirxien (ġebel kbir) fil-baħar  u ħafna għerien.  Mhux biss jgħidulu “il-Mara” imma hemm ukoll storja għaliex jgħidulu hekk:  Xi wħud jimmaġinaw li jaraw is-sura ta’ mara b’tarbija f’idejha imnaqqxa b’mod naturali  f’tirxa, jew ġebla kbira, fil-baħar.   Imma s-sajjieda ta’ dawk in-naħiet, l-aktar dawk ta’ Wied Iż-Żurrieq, ma jgħidux “il-Mara”, imma “il-Mara”.  Jiġifieri jtawlu l-ewwel vokali biex il-kelma tiġi taqbel ma’ “vara” jew “ħmara”.  Hemm ċans qawwi li s-sajjieda għandhom raġun.  L-isem tal-post x’aktarx li oriġinarjament kien “Il-Magħara”, jiġifieri post b’ħafna għerien.

NOTI

Minn hawn hu ġej l-isem tar-raħal ta’ L-Imġarr (ta’ Malta u t’Għawdex). Mela x’aktarx li l-isem jinkiteb ħażin. Fit-tabelli uffiċjali, mhux biss jiktbuh mingħajr l-artiklu , imma jiktbu “r” żejda. Hu wisq improbabbli li l-kelma għandha x’taqsam mal-verb “ġarr”. X’aktarx hi l-plural tal-mimmat tal-verb “ġera”: miġra, post fejn jiġri l-ilma. Mela għandu jinkiteb “L-Imġar”.

(C) Ġużi Gatt