Terminoloġija u tagħrif. 

Kitba ta’ Saviour Camilleri. Disinji oriġinali ta’ Pio Mangion. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara  Nru. 38. Id-disinji ġew editjati minn ilmiklem.com biex jidhru aħjar fuq l-internet.

Wara li fl-ewwel parti, ta’ din il-ħannieqa ta’ artikli eżawrejt kemm stajt it-terminoloġija marbuta mal-armar fil-festi ta’ barra, issa jmiss li nagħti bidu għat-tieni parti, fejn did-darba se nittratta t-terminoloġija li għandha x’taqsam mal-armar ta’ ġol-knisja.

Jista’ jkun li din it-tieni parti se tkun aktar sfiqa f’dik li hi terminoloġija minn dik ta’ qabilha u għandi x’nifhem li bosta mil-lessiku ġej mir-Rumanz minħabba l-qrubija li Malta dejjem kellha mal-Italja u l-istess reliġjon li jħaddnu.

L-iskop ewlieni ta’ din il-ġabra jibqa’ dejjem, biex lessiku qadim li ilu jintuża għal bosta snin, ma jintilifx jew jintnesa għalkollox. Il-għaliex, meta oġġett jew – aħjar fil-każ tagħna – opri /oġġetti sagri ma jibqgħux fl-użu, il-vokabularju marbut magħhom imut ukoll. Fil-fatt mal-medda tas-snin, uħud – biex ma ngħidx bosta – m’għadhomx jintużaw. L-istess ngħid għal ċerimonji jew ritwali li flimkien ma’ uzanzi jew drawwiet oħra, m’għadhomx isiru.

Raġuni oħra hi, li s-sagristani u delettanti oħra tal-knisja – kulma jmur iżżmien – qed jitnaqqru u wisq nibża’ li mhux qed ikunu sostitwiti minn oħrajn, żgħażagħ. Jew jekk ikunu, huma l-ftit. Filwaqt li dawk ta’ età iżgħar napprezzaw iz-zelu tagħhom, waqt li nħeġġuhom ikomplu f’dan id-delizzju, huma jibqgħu sajma minn ċertu armar jew ħwejjeġ oħra li kienu jintramaw sa għexieren ta’ snin ilu, bħalma jien ma lħaqtx dak ta’ qabl, meta l-uniku mezz li qabel kien jasal dan it-tagħrif, kien bil-fomm. Iżda tajjeb li ngħid li dawn il-ħwejjeġ sagri li issa qed jispiċċaw, qed ikunu murija fis-sagristija fil-jiem tal-festa bin-nomenklatura biswithom. Oħrajn f’xi mużew tal-parroċċa.

Kien għal dan il-għan li jien ġbart dawn l-artikli u sensilthom f’din il-ħannieqa biex għada pitgħada ma jibqax aktar il-fomm, il-mod waħdani, li bih jiġu mgħoddija ħwejjeġ tal-imgħoddi flimkien mal-glossarju.

Għax aktar milli jkun il-fomm, hija l-kitba li hi dejjiema u wemmiena. Kull terminu jista’ jkollu l-iċken storja warajh li permezz tal-kitba wieħed jista’ jimraħ fit-twessigħ tal-kelma. Il-kitba dejjem disponibbli, kemm għal min irid jagħmel xi riferenza għaliha u kemm għal xi studju jew riċerka . Din id-damma tista’ titqies bħala l-ewwel patrimonju jekk din ix-xorta ta’ kitba qatt ma nkitbet bħalha qabel.

Filwaqt li għal min irid jikkumunika miegħi, se jkolli l-indirizz elettroniku muri taħt, nawgura lill-qarrejja ta’ din sensiela, kull ġid u sliem.

Saviour Camilleri:  [email protected]

IT-TIŻJIN TAD-DAMASK

Xahrejn qabel il-festa, sewwa sew qabel jiddendel id-damask, jibda t-tfarfir madwar il-knisja, l-aktar fuq gwarniċi, gwarniċuni, mensoli, u xi ċinta jew ħarriġiet tal-ġebel, fejn l-aktar li jżomm t-trab. Wara, jinħasel l-irħam – jekk il-knisja jkollha l-irħam. Dan ix-xogħol tista’ tgħid isir darba f’sena.

Appena dan jitlesta, jiddendel id-damask. L-ewwel ma jintrama jkun il-FRIŻ li jiġi taħt il-gwarniċun li jdur

dawra sħiħa mal-knisja. Wara l-friż, ikun imiss il-LUNETTI, li jiġu eżatt taħt il-friż u allura fiż-żewġ sfondijiet ta’ kull ġenb tan-NAVATI/NAVI. Isegwu mbagħad, il-PAVALJUNI kollha: kemm dawk tan-navati, li jinsabu fil-korsija u fil-kappelluni; kemm dawk ta’ taħt in-navi, kif ukoll fuq l-artali laterali. It-tiżjin tad-damask jagħlaq bil-PILASTRI, KONTROPILASTRI u l-ISFONDIJIET. Ninnutaw li din hi l-binja arkitettonika tal-knisja.

Għandna wkoll il-PURTIERI ta’ fuq il-bibien fid-daħliet li nsibu ġewwa l-knisja. Xi drabi, dawn, mas-sopraporta, jispiċċaw b’pavaljun żgħir b’disinn irrakmat u isfel jispiċċaw bil-FRENEŻ (sing: FRENŻA)

Qabel inkompli, tajjeb hawn nagħti tagħrifa dwar termini użati hawn fuq – dwar l-arkitettura tal-knisja. Dan jgħodd biss għall-knejjes mibnija f’għamla ta’ salib. Ngħidu aħna: il-KOR: wara l-artal maġġur, fejn hemm is-SEDJI tas-saċerdoti (sing: sedja) fejn is-saċerdoti jitqassmu f’kull ġenb tas-sedji u jalternaw bil-kant; il-KORSIJA: il-parti prinċipali fil-knisja (l-itwal parti tas-salib) li tiġi faċċata tal-artal maġġur, fejn il-biċċa l-kbira tal-kongregazzjoni toqgħod fil-knisja; in-NAVATI: l-arkati li jinsabu fil-korsija u fil-kappelluni; il-KAPPELLUNI: huma ż-żewġt iġnub tal-artal maġġur (id-dirgħajn tas-salib). Dil-kelma ġejja minn ‘kappella’ (għax iżgħar) biż-żieda tas-suffis-uni, għaliex huma ikbar fid-daqs; in-NAVI: huma l-passaġġi paralleli fuq kull naħa tal-korsija li matulha jkun hemm l-artali fil-ġnub (il-ħnejjiet bejn il-korsija u l-artali laterali) It-termini: ‘navi’ u ‘navati’, tista’ tgħid dejjem jitħalltu l-użu tagħhom.

Id-damask għandu iktar minn kwalità waħda. Nibdew bl-ogħla kwalità u allura fil-prezz ukoll. Din il-kwalità jirreferu għaliha bħala tal-KANOBAZZODORO. Dan id-damask ikollu konfigurazzjonijiet/aspetti bi ħjut tad-deheb. Kultant jirrapreżentaw simboli relatati mal-lok fejn qed jintrama – ngħidu aħna – għenieqed tal-għeneb u żbul tal-qamħ. Dikment, jagħtina ħjiel ta’ fejn jintrama, jiġifieri fil-KAPPELEL/KAPPELLI tas-sagrament. Wara dan, jiġi dak tal-PALMA, li jkun minsuġ f’għamla ta’ palma mid-drapp stess. Dan id-drapp ikun tal-ħarir u għalkemm fil-prezz ma jkunx għali daqs tal-ewwel, xorta waħda huwa meqjus li jiswa ħafna. Dan huwa l-aktar damask imfittex mill-knejjes – almenu dawk li jifilħu jħallsu. Dan jintrama fil-festi maġġuri u dawk tat-titular. Inqas fil-kwalità, iżda jixxiebah, hemm dak tas-SEKOND. Wara dawn, jiġi dak tat-TAJJAR.

Biex ikun komplut u jinqala’ aktar il-ġmiel tad-damask, ikun jonqsu l-GALLUN jew GLALEN. Dawn huma strixxi sofor fil-konfini tad-damask. Il-glalen jistgħu jkunu applikati jew irrakkmati. Bħad-damask, jistgħu jkunu magħmulin mill-ħjut tad-deheb, ħarir jew tajjar. Barra fit-truf, il-glalen jimlew u jżewqu nofsijiet, irkejjen, ġnieb jew liwjiet. Il-biċċa l-kbira jkunu f’pilastri u sfondijiet fejn il-glalen, wieħed min-naħa u l-ieħor minn oħra, jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw disinn jew aħjar għamla ta’ RUŻUN/RUŻUNI. Id-damask huwa l-ilbies festiv li bih il-knisja tiddandan meta tiċċelebra xi festa partikulari fil-kalendarju liturġiku jew mhux.

Aktarx li l-aħħar li jiddendlu jkunu l-pavaljuni, u ma’ dawn jindendlu l-FJOKKIJIET tal-linef. (sing: FJOKK) Xi parroċċi bħall-Birgu jirreferu għalihom bħala LOPOP (sing: LOPPA). Dan huwa tiżjin li jiġi sewwasew fuq il-linfa. Tkun struttura żgħira tal-injam bid-drapp idur magħha minn ġewwa biex joħroġ aktar is-sinifikat tal-fjokk. Imbagħad, qabel ħruġ il-vara, jiddendlu l-LINEF. Hemm għamla ta’ linef li ssejħulhom tal-‘ixkora’ – ma rnexxilix insib il-għala jissejħu hekk – jista’ jkun għax ikunu tawwalin u mhux wiesgħa, bħalma tkun xkora. U hekk parti sostanzjali mit-tiżjin tal-knisja jinsab f’postu.

IT-TUŻELL

Kif il-knisja tkun iżżejnet bid-damask, imqar dak fil-għoli, is-sagristan ma’ xi oħrajn li ssibhom madwar il-knisja, jaħsbu biex iniżżlu t-TUŻELL u minfloku jtellgħu t-TUŻELL TAL-FESTA. Xi knejjes jista’ jkollhom xi tliet tużelli, wieħed għal kuljum, wieħed jgħidulu tas-SEKOND (li jintrama fil-festi sollenni tal-Knisja Kattolika) jew inkella għall-festa sekondarja (meta jinzerta jkun hemm waħda f’xi parroċċa) u l-aħħar wieħed, ikun dak tal-festa TITULARI. Huwa minn ewl id-dinja li dan tal-aħħar ikun l-aktar wieħed għani. Kif ikun isfel fil-kor, is-sagristan u oħrajn iduru mat-tużell u jlibbsuh jew ibiddlulu d-drapp (jekk ikun l-istess tużell) ma’ ieħor rikk tal-festa. Il-lewn tad-drapp mibdul dejjem (suppost) ikun jaqbel ma’ dak tal-festa liturġika tal-qaddis/a titulari jew SEKONDARJA.

It-tużell nistgħu nirreferu għalih bħala kanopew, baldakkin jew kurtinaġġ li jiddendel mis-saqaf tal-knisja għal fuq l-altar maġġur. Jikkonsisti minn injam u drapp. Mhux il-knejjes kollha ssibilhom tużell, ngħidu aħna dawk moderni x’aktarx ma jkollhomx.

It-tużell jikkonsisti minn LOPPA/FJOKK li miegħu jista’ jkollu xi kuruna jew ornament ieħor. Loppa jew fjokk jintużaw ukoll fil-każ ta’ linfa (kif diġà aċċennajt) jew LAMPIER, plural, LAMPIERI.

Mil-loppa jaqa’ drapp li jissejjaħ il-MANT. Dan jaqbad mal-kwadrant tat-tużell minn ġewwa li jkollu l-ganċijiet. Mad-dawra tiegħu, jkollu GWARNIĊA skulturata li minnha jiddendel il-FRIŻ – drapp li jdur mat-tużell. Flok friż, jistgħu jkunu PENDENTI/PATALOTTI li kemm jekk ikunu dawn tal-aħħar u kemm jekk ikun il-friż, dawn jistgħu jkunu rrakmati jew applikati b’disinji fid-deheb li jispiċċaw bil-FRENEZ (sing: FRENZA) u ĠMIEMEN (sing. ĠUMMIENA) Is-saqaf tat-tużell minn ġewwa jissejjaħ iċELU (plural ĊELIJIET) Aktarx li din il-kelma ġejja mit-Taljan Caelo – għas-‘sema’ u li għalhekk id-drapp taċ-ċelu kollu jkun bajdani b’xi sfumar ħafif. Ħamiema li tirrapreżenta l-Ispirtu s-Santu – fil-biċċa l-kbira tal-każi – tkun applikata jew irrakkmata f’nofs iċ-ċelu.

IT-TRIBUNA

Insibu xi knejjes li jkollhom TRIBUNA flok tużell; bħall-Isla, tal-Karmnu, il-Belt, San Ġorġ, Għawdex, u oħrajn. Differenti mit-tużell…din hija struttura fissa u għalhekk se nittratta bħala tagħrif ieħor, aktar milli bħala armar.

Mela dawn għandhom tribuna għall-fatt li huma BAŻILIĊI. Iżda, minn dawn il-knejjes, hemm oħrajn li għalkemm għandhom ukoll id-dinjità ta’ bażilika, imma, m’għandhomx tribuna, bħal Birkirkara. Biex knisja tingħata t-titlu jew privileġġ ta’ bażilika, il-knisja partikulari tkun ressqet talba b’diversi raġunijiet singulari lil Ruma wara li l-istess talba tkun saret lill-isqof tad-djoċesi u jkun instab li hemm każ.

Dawn il-knejjes li jkollhom tribuna, ikollhom ARTAL-MEJDA flok l-ARTAL MAĠĠUR – dak tradizzjonali. It-tribuna tkun tinsab fl-aktar post ċentrali tal-knisja, imsejjaħ il-PRESBITERJU. Din tkun l-aktar parti venerata fil-knisja u għalhekk maħsuba għall-PRESBITERI (saċerdoti) u minn hawn ġej l-isem ta’ din il-parti ewlenija. Huwa hawn li jsiru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-quddies u l-funzjonijiet liturġiċi madwar il-miġemgħa.

It-tribuna tibda b’taraġ tal-irħam li jwassal sal-artal-mejda. Imbagħad fl-angoli, insibu ZUKKLATURI li jkollhom erba’ PANEWIJIET fl-irħam b’figuri fihom u fuqhom jistrieħu erba’ kolonni li jkunu rħam jew bronż. Fil-parti t’isfel tal-kolonna li tmiss maz-zukklatura, ġieli naraw ornament fil-bronż jissejjaħ it-TERZ. Dan jagħti tiżwiqa oħra lill-kolonni li jispiċċaw fuq b’KAPITELL li l-istil tiegħu jvarja minn dak ‘korintu’, ‘doriku’…. Fuq il-kapitell tistrieħ il-parti ta’ fuq tat-tribuna li l-għamla tagħha tvarja minn bażilika għal oħra. Din il-parti ta’ fuq tissejjaħ it-TROLL Pereżempju xi knejjes jispiċċaw sempliċiment b’ĊELU bil-pendenti miegħu – bħal dak ta’ baldakkin. Imbagħad, it-tribuna ta’ San Ġorġ ta’ Għawdex hija kollha kemm hi kopja sħiħa tat-tribuna tal Bażilika tal-Vatikan.

Iżda, bħala mudell, se nkompli fuq dak tal-Isla, skont l-iskeċċ ta’ biswit. Mela. fl-irkejjen tal-parti ta’ fuq, insibu erba’ gwarniċi b’anġli mdaqqsin fuqhom, b’simboli f’idejhom b’rabta mal-knisja msemmija. Fit-trufijiet tal-gwarniċi, bħal dammi kbar tondi, jissejħu FRONTUNI, insibu tmienja minnhom. Jimla l-vojt bejn anġlu u ieħor, insibu erba’ armi marbuta mal-ġrajjiet ta’ din il-bażilka li huma: l-arma tal-Papa Benedettu XV; l-arma tal-Isqof Mauro Caruana; l-arma tal-Belt Senglea u l-arma tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata. Imqabbdin mal-armi hemm il-MAZZETTUNI bħala ornament. F’nofs dil-parti, u ogħla mill-bqija, insibu struttura li tissejjaħ il-KURUNA u din tagħlaq dil-parti tat-tribuna, li fuqha tispiċċa ġeneralment b’salib.

Fil-festa TITULARI l-armar tat-tribuna jkun biss li jinbidlu l-PATALOTTI li jkunu mdendla taħt il-friż u jieħu postu, drapp ifjen u elaborat. Dan isir ftit jiem qabel tinħareġ il-vara fil-knisja. Il-kulur ta’ dawn il-patalotti dejjem irid jaqbel mal-festa liturġika – dak tal-festa li tkun qed tiġi ċċelebrata. Ngħidu aħna, jekk tkun festa tal-Madonna, il-kulur liturġiku jkun abjad, filwaqt jekk tkun festa ta’ xi martri, ikun aħmar. Għall-festi oħra, jkun hemm patalotti oħra iżda mhux daqstant rikki.

IL-VARA

Hekk kif il-knisja tkun tlibbset bid-damask, it-tużell ġdid jieħu post dak ta’ kuljum, u l-linef jittellgħu fin-navati u fil-kappelluni, issa, il-knisja tkun ħadet xejra festiva għall-aħħar li tqanqal l-ispirtu ferrieħ tal-festa li waslet fil-qrib.

Ikun wasal, mela, il-mument li tinħareġ il-VARA/l-ISTATWA minn ġon-niċċa u titqiegħed għall-qima fil-knisja. Id-distinzjoni bejn statwa u vara – statwa hija dejjem dik li naraw wieqfa f’xi misraħ jew imkien ieħor – li ma titħarrekx. Filwaqt li vara hija dik ta’ ġol-knisja li tinġarr f’purċissjoni jew pellegrinaġġ. Iżda nistgħu nirreferu għaliha wkoll bħala statwa, jekk irridu.

It-terminoloġija sħiħa tal-vara fl-iskeċċ biswit, hija kif ġej: mal-art tmiss it-TARĠA, fuqha l-BANKUN u fuq il-bankun tiġi l-BRADELLA. Kemm il-bankun u kemm il-bradella jkollhom l-istess bixra ta’ skultura u INTERZJAR/INTALL bil-plural INTAĠĠI (tinqix fl-injam). Xi tiżwiqa ħafifa tal-fidda ta’ xi dettall partikulari tkompli tikkumplimenta u tirkaċċa fuq kollox. Fuq il-bradella, imbagħad, jitqiegħdu erba’ PUTTINI f’kull minkeb u erba’ FJURETTI tal-GANUTELL bejn il-puttini. F’kull bradella, dejjem għandek issib, minn erba’ sa ħames toqbiet fejn jidħlu l-LASTI li fuqhom tinġarr l-istatwa waqt il-purċissjoni jew xi pellegrinaġġ. Xħin tkun ħierġa l-purċissjoni, ir-REFFIEGĦA jintefgħu taħt il-lasti u fuq spallejhom iġorru l-vara, b’id waħda mal-lasta u l-id l-oħra fuq spallejn seħibhom. Ir-reffiegħa jkunu lebsin il-KONFRATIJA b’ĊINGLU jdur ma’ qaddhom. Meta jridu jserrħu, jintużaw il-FRIEĊEN/FORĊINI sing. FORĊINA. Dawn ikunu forma ta’ bsaten, tul ta’ bniedem, li fuq jispiċċaw f’għamla ta’ furketta, iżda, bi tnejn. Fuqhom iserrħu l-lasti li bihom tinġarr il-vara. Il-frieċen ikunu erbgħa u għaldaqstant għalihom ikun hemm erbat irġiel oħra, barra r-reffiegħa. Meta t-toqob, fejn jidħlu l-lasti ma jkunx hemm aktar użu għalihom, dawn jingħalqu b’TAPPUNI. Barra li dawn ikunu jippariġġjaw preċiż mad-disinn tal-bradella, dan il-vojt ikun xieraq li jimtela, biex ma jagħtux fil-għajn u hekk id-dehra tal-bradella tibqa’ intiera.

Issa ngħaddi għall-parti li hi tabilħaqq tal-vara: mela, fuq il-bradella jiġi l-PEDESTALL, imbagħad tiġi l-istatwa nnifisha. L-istatwa tista’ tkun maħduma fl-injam jew tal-KARTAPESTA. L-istatwa tista’ tkun INDURATA jew IMMONTATA bi pjanċa tad-deheb jew fidda. F’din l-istatwa partikulari, insibulha, minn taħt għal fuq: dinja, warda, mant, kuruna fuq rasha u RAĠĠIERA fuq wara. Statwi oħra jkollhom DIJADEMA/QAWWARA madwar rashom. F’xi bnadi oħra, il-vari jkunu mdawrin b’mant kbir tad-drapp blu u wiesa’ li fin-naħa ta’ fuq jispiċċa b’kuruna kbira tal-metall jew tal-fidda.

Mill-għada jibdew jiem bi tħejjija għall-festa. Dawn jistgħu jkunu ta’ tlitt ijiem, mela jissejħu TRIDU, jew ta’ disat ijiem – NOVENA u jekk ta’ ħmistax-il ġurnata – KWINDIĊINA. Dan jiddependi skont l-użanza tal-knisja/parroċċa, u għandu mnejn l-użanza tkun mħollija b’LEGAT. F’dawn il-jiem, jingħad ir-rużarju, tingħad il-KURUNELLA, u jkun hemm quddiesa LETTA jew KANTATA. Wara titkanta l-ANTIFONA (speċi ta’ innu grandjuż tal-qaddis/a) u tingħata l-barka sagramentali. Dawn il-ġranet iwasslu għas-SOLENNITÀ tal-festa li tidħol mil-lejlet il-festa ‘l hinn, sewwasew, mit-TE DEUM filgħodu – imma b’metatesi tingħad ‘TE DEW’.