Terminoloġija u tagħrif ieħor dwar l-armar ta’ ġewwa l-knisja.

Kitba ta’ Saviour Camilleri.  Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara  Nru. 41. Id-disinji ġew editjati minn ilmiklem.com biex jidhru aħjar fuq l-internet.

IL-KOR U L-PRESBITERJU

F’ħarġa oħra tal-Imnara (Nru. 38) tajt ħarsa lejn l-artal, bl-armar kollu li jġib miegħu fil-jiem tal-festa, u semmejna wkoll il-fratellenzi li jmorru mal-artali rispettivi tagħhom. Did-darba se nittratta l-kor u l-presbiterju. Dawn ukoll se jittieħdu flimkien minħabba li dawn it-tnejn imissu ma’ xulxin, il-kor fuq ġewwa – wara l-artal maġġur – u kif jispiċċa l-kor jibda l-presbiterju li dan ikun f’nofs is-salib tal-knisja.

IL-KOR

Jissejjaħ ‘kor’ għax huwa l-lok fejn isir il-kant. L-istruttura tal-kor hija magħmula minn żewġ fillieri ta’ sedili korali wieħed f’kull ġenb. Il-parti ta’ fuq li tkun bil-ġinokkjatur magħha, hija imħollija biss għall-presbiteri, filwaqt li s-sedili ta’ taħt ( allura mingħajr il-ġinokkjatur) huma għall-abbatini. Fuq il-ġinokkjatur tal-presbiteri jinsabu leġiji bil-kotba tal-kant ma’ xi brevjar (ktieb tat-talb ta’ kull siegħa tal-jum tal-qassisin). M’għandniex xi ngħidu, bis-sedili mqassma faċċata ta’ xulxin, il-kant jgħin ħafna li jkun alternat. Ukoll f’nofs il-kor għandek issib leġiju kbir wieqaf b’librun (ktieb kbir) miftuħ li minnu jsir il-kant jew il-qari ta’ dak il-ħin.

F’każ li knisja tkun kolleġġjata (onorifiċenza/titlu mogħti mill-Vatikan) tkun iddotata b’kapitlu (xirka ta’ presbiteri/kanonċi).  Il-kapitlu jiġbor fih il-kolleġġjalità (l-għaqda) tal-istess qassisin li jservu fl-istess kolleġġjata. Kull wieħed minn dawn, iġib it-titlu ta’ kanonku. Mill-kanonċi li jservu fl-istess knisja, madwar sitta jew aktar ikunu dinjitarji.  Dan ifisser li jkollhom dinjità (bħal grad ogħla) imma wkoll ikollhom kariga (uffiċċju ta’ responsabbiltà) assenjata lilhom. Id-dinjitajiet bejn wieħed u ieħor huma dawn imsemmija hawn isfel, għad li bejn kolleġġjata u oħra jistgħu jvarjaw fin-numru u saħansitra f’dik li hija ‘prima dinjità’, fejn, bħal f’B’Kara, il-Prepostu (issa prepostu-arċipriet) hija l-prima dinjità, u l-Isla, il-prima dinjità kien il-Primiċerju waqt li f’parroċċi oħra jkun l-Arċipriet. Iżda, illum, dan kollu li semmejt qed jispiċċa bil-mod il-mod għax iż-żminijiet inbidlu u se jibqa’ biss it-tifkira tagħhom.

Dinjità L-Esekuttiv tal-Kapitlu

Primiċerju  – bħala r-ras li jmexxi l-kapitlu

Arċipriet  – inkarigat mill-pastorali tal-parroċċa/komunità

Dekan – l-ogħla kariga ta’kanonku u l-aktar anzjan fil-kapitlu (bħal segretarju)

Kantur – li jieħu ħsieb/imexxi l-kant

Prepostu –  kurat

Teżorier –  kanonku li jieħu ħsieb il-finanzi

Teologu – studjuż tat-teoloġija

Penitenzier – inkarigat mill-qrar

Dawn id-dinjitarji għandhom il-post speċifiku tagħhom fejn joqogħdu fuq is-sedili korali. Fil-jiem tal- festi sollenni, is-sedili taż-żewġ dinjitarji ewlenin, jiġifieri dak ta’ Arċipriet u dak ta’ Primiċerju/Prepostu jkunu mżejna, bħal katedra, bi drapp u mħadda skont il-kulur/rit liturġiku fil-kalendarju tal-Knisja u dan jissejjaħ strat.  Ukoll, quddiem il-kanonku-kantur titqiegħed virga bi xbieha fir-ras tagħha.  Il-virga tidħol f’bokkin.  Ix-xbieha tkun marbuta mat-titular tal-knisja-kolleġjata – u l-virga tkun dik li l-istess kanonku- kantur iġorr fuq spalltu waqt il-purċissjonijiet. Dan huwa l-għelm li bih kanonku jingħaraf li għandu d-dinjità ta’ kantur.

Fost id-doveri li għandhom il-kanonċi ta’ kolleġġjata insibu li fi tmiem il-Ġimgħa jattendu għas-servizzi korali: dak tal-ewwel għasar (pl. għosrien)/vespri/uffizzju li jispiċċaw bil-kompieta (talba tal-aħħar) Dan ikun is-Sibt filgħaxija. Imbagħad il-Ħadd filgħodu, għal ħabta tad-9.00, għall-quddiesa kantata, u jerġgħu għat-tieni għasar, il-Ħadd filgħaxija. Fil-festi solenni jsir kant filgħodu kmieni, mas-sebħ u dan jissejjaħ matutin u wara jitkanta l-lawdi (kant ta’ radd il-ħajr). Għal dawn is-servizzi u oħrajn, il-kanonċi jieħdu l-prebenda.

Waqt li jkun f’servizz korali, il-kanonku jkun liebes dawn l-abiti sagri, għalkemm isib xi varjazzjonijiet bejn kolleġġjata u oħra, iżda prinċipalment huma dawn murija taħt.  Dan huwa kanonku bi lbies korali:

Rukkett – spellizza bil-bizzilla li tintlibes fuq is-suttana

Muzzetta – kappa qasira mill-għanq sal-qadd bil-buttuni b’kulur roża.

Rużetta – ċurkett b’ħaġra prezzjuża li jintlibes minn dawk kollha li huma kanonċi

Berettin – kappell żgħir kwadru b’ġummiena sewda fin-nofs tal-qassisin

Salib bil-lazz – salib li jintlibes fuq is-sider b’lazz u żewġ ġmiemen jistrieħu fuq id-dahar

Ta’ min iżid jgħid ukoll, li l-kapitlu jkollu mazzier li jakkumpanjah fil-purċissjonijiet u f’ċermoniji fejn il-kapitlu jieħu sehem fihom, u dan il-mazzier jimxi qabilhom fil-purċissjoni. Għalhekk il-mazzier huwa dak (konslu) li jirrapreżenta il-grad/titlu ta’ kolleġġjata. Dan jinkariga ruħu li jżomm il-mazza fuq spalltu waqt kull servizz fil-knisja jew purċissjoni, għajr fil-Ġimgħa l-Kbira meta din il-mazza tinżamm fuq l-idejn it-tnejn b’sinjal ta’ luttu. Il-mazza hija għamla ta’ bastun b’ras kbira skolpita ddekorata, jew għandha x-xbieha li tirrapreżenta t-titular tal-knisja in kwistjoni. Il-mazzier jilbes żimarra (bħal suttana) parrokka jew beritta u żarbun bil-bokkli waqt is-servizzi u fil-festi solenni jilbes ilbies ieħor aktar rikk u bil-mant flok iż-żimarra. Hawnhekk qed tinġieb skizz (skeċċ) ta’ mazzier liebes waqt is-servizzi tal-kapitlu.

Iżda l-kor ma jintużax biss mill-qassisin/kanonċi iżda wkoll minn korijiet lajċi mingħajr ma jużaw is-sedili tal-qassisin. Posthom ikun taħt l-apsidi (daħla forma ta’ arzella fil-faċċata ta’ wara l-artal maġġur) fuq podju/manbar imtarraġ, waqt li f’nofs il-kor – fi ġranet ta’ festa – tieħu postha orkestrina. Il-korijiet jissieħbu fihom kemm nisa u kemm rġiel. Is-surmast jagħżel kull membru tal-kor skont il-vuċi tiegħu. Hemm vuċijiet femminili u dawk maskili li prinċipalment huma dawn:

Femminili :

* Soprani /mezzo soprani /alti

Maskili :

* Tenuri/ baritoni/baxxi

IL-PRESBITERJU

Eżatt kif jispiċċa l-kor jibda l-presbiterju. Dan idur madwar l-artal maġġur mgħolli aktar mill-bqija tal-knisja. Jissejjaħ ‘presbiterju’ għall-fatt li qabelxejn, dan il-lok jagħmel użu ħafna minnu, l-presbiteru, jiġfieri s-saċerdot. Mill-korsija għandek tilmaħ xi standardi jew bandieri bl-emblema tal-Papa u ta’ Malta u magħhom kruċifru (salib). Imbagħad jekk il-knisja tkun kolleġġjata wieħed jara magħhom il-mazza. Terġa’ jekk tinzerta tkun bażilka, għandu josserva wkoll, it-tintinnablu u umbrellun bażilikali. Dawn kollha jintramaw f’okkażjoni ta’ festa maġġuri fuq wara tal-presbiterju.

Fuq l-artal maġġur insibu mħejjija l-purifikatur fuq il-lavada fejn id-djaknu jew il-presbiteru jaħsel is-swaba’ wara li jqarben. Dawn ikunu fuq il-lemin tal-artal u fuq in-naħa l-oħra, leġiju bil-messal fuqu miftuħ bil-lest għall-qari li jmiss. F’nofs l-artal, il-qassis jifrex terħa żgħira li tissejjaħ korporal fuq it-terħa tal-artal. Din ġejja mill-kelma korp (body) għall-ġisem ta’ Kristu. Fuq il-korporal il-qassis ipoġġi l-kalċi u l-patena fuqu li fiha jkun hemm l-Ostja (il-kbira). Fuq dawn ikun hemm għata li tissejjaħ palla u li tintuża dejjem waqt il-quddiesa. Imbagħad fl-aħħar tal-quddiesa, il-kalċi u l-patena jitgħattew bi speċi ta’għata ieħor li d-drapp tiegħu jkun jaqbel mal-pjaneta li jilbes u jqaddes biha s-saċerdot. Din tissejjaħ ‘tvalja ta’ fuq il-kalċi’ u ‘borża tal-qamar’ fuq nett tat-tvalja tal-kalċi li fiha jidħol il-korporal mitni.

Issa ninżlu quddiem l-artal fejn wieħed jinnota tliet sedji, b’dak tan-nofs dejjem ikun għall-prim ċelebrant. Mal-ġenb tal-artal maġġur, aktar iva milli le, wieħed issib żewġ gradenzini, waħda fuq kull ġenb. Fil-festa titulari, kull oġġett prezzjuż tal-fidda, deheb jew metall jiġi espost fuq dawn il-gradenzini. Uħud minn dawn l-oġġetti prezjużi jikkonsistu minn dan il-werrej:

  • Baċir/ baċiri – reċipjent fejn il-presbiteru jaħsel idejh
  • Sfera/sferi – ornament rikk fejn titpoġġa l-ostja meta l-presbiteru jisponi
  • Paċiera /bewwiesa – bħal plattin tal-metall bi xbieha fuqu, u b’maqbad fuq L-abbati jeħodha f’idu u jdur mal-miġemgħa fil-fillieri ta’ quddiem biex ibusuha, fl-intervall li l-presbiteru jgħid ‘il-paċi magħkom’
  • Ċensier/ċnieser – reċepjent li jdaħħan bil-bħur bit-tixjir
  • Navetta/navetti – reċipjent fond fejn jinżamm l-inċens qabel jintefa’ fiċ-ċensier
  • Bieqja/bwieqi – speċi ta’ skutella għall-ilma jew likwidu ieħor
  • Impullozzi – par kunjetti li jintużaw fil-quddiesa, wieħed għall-ilma u l-ieħor għall-inbid
  • Kuxxinett tal-bellus aħmar – imħadda li fuqha jpoġġu l-messal tal-fidda
  • Patena/pateni – plattin tond li fih titqiegħed l-ostja l-kbira
  • Qniepen tal-quddies – ċenċiela/sansarun
  • Plattin/plattini – reċepjent ċatt li jintuża waqt it-tqarbin biex jevita li l-ostja taqa’ fl-art
  • Akkoltu/akkolti – żewġ gandlieri li jimxu mas-salib f’purċissjoni
  • Pissidi/ċiborju – kies/kjies fejn jitpoġġew l-ostji kkonsagrati
  • Satla/stali (dim. Ta’ satal) – xorta ta’ kontenitur bl-ilma mbierek
  • Asperġes/asperġesijiet – boċċa bit-toqob li biha l-qassis iroxx l-ilma mbierek fuq il-ġemgħa.
  • Buġija/buġiji – speċi ta’ plattina bil-widna u b’toqba mgħollija fin-nofs fejn tidħol xemgħa
  • Messal/messali – ktieb tal-knisja li l-saċerdot juża waqt il-quddies.
  • Karti tal-Glorja – speċi ta’ inkwatri żgħar li minn fuqhom jingħad it-talb tal-quddies.

Dawn l-oġġetti sagri jiġu esposti lejlet il-festa wara l-quddiesa tad-Te Dew. Minn filgħaxija xi knejjes jikru sentinella bl-uniformi li jindokra l-gradenzini bit-teżori li jkollhom fuqhom. U hekk tabilħaqq inkunu dħalna fis-solennità tal-festa.

Mela: lejlet il-festa filgħodu jitkanta t-Te Dew fi tmiem il-quddiesa kantata tal-aħħar tan-novena u filgħaxija ssir it-transulazzjoni bir-relikwa tal-qaddis/a. L-għada, nhar il-festa, l-arċisqof/isqof jew prelat (dinjitarju tal-knisja) jikkonċelebra quddiesa pontifikali flimkien mal-qassisin tal-post jew mal-kapitlu tal-kolleġġjata. Din il-quddiesa pontifikali ssir b’pompa kbira. Hija l-mużika tal-orkestra u l-vuċijiet, bis-sehem tas-solijiet f’partijiet tal-quddiesa li jkomplu jissollennizzaw din il-quddiesa u tissejjaħ il-quddiesa l-kbira tat-Trombi

Fl-introjtu tal-quddiesa (fid-dħul) toħroġ purċissjoni qasira bis-salib, l-akkolti (żewġ gandlieri) u ċ-ċensier fuq quddiem, waqt li titkanta l-antifona (innu popolari tal-qaddis/a bil-vuċijiet li jitħalla biss għas-sollennità tal-festa) Din tibda mill-oratorju jew mis-sagrestija sakemm tasal fuq l-artal maġġur. Malli l-isqof jieħu postu fuq it-tron/katedra, bil-baklu f’idu u l-mitra f’rasu, jagħti bidu għall-quddiesa pontifikali billi jagħti merbħa lill-ġemgħa. Ħdejh ikollu lid-djaknu u jgħinu ċ-ċermonjier. Erba’ abbatini joqogħdu fil-qrib sabiex imiddu jdejhom wkoll: wieħed għall-baklu u ieħor għall-mitra. Dan tal-aħħar ikollu terħa li ddur m’għonqu sa qaddu biex jilqa’ l-mitra u jżommha minnha (din it-terħa tissejjaħ vimpa); ieħor jagħmilha ta’ leġiju, billi jżomm ‘il fuq, ma’ moħħu, l-messal quddiem l-isqof biex isegwi l-qari; u l-ieħor bil-buġija (xemgħa f’bokkin) f’idu mgħollija u mixgħula ħdejn il-messal biex l-isqof jara jaqra. Din tal-aħħar hi jew kienet biss finta.

Il-kant tal-quddiesa jiftaħ bil-kant tal-Kyrie u l-Gloria bis-sehem tas-solisti. Wara l-evanġelu jsir il-paneġierku tal-festa li jkun eloġju sħiħ lill-qaddis-patrun. Dan jieħu madwar siegħa jew aktar. In-nies, l-aktar dawk tal-lokal, jattendu bi ħġarhom biex jisimgħu l-paneġirista jeżalta kemm jiflaħ lill-patrun/a tagħhom. Kif jintemm il-paneġierku, il-quddiesa tkompli bħas-soltu. Fil-ħin tal-konsagrazzjoni joħorġu sitt abbatini b’torċi twal fi jdejhom, ieħor biċ-ċensier u ieħor bin-navetta biex l-abbati jinċensa waqt l-att tal-konsagrazzjoni. In-navetta tkun bl-inċens fiha biex jintefa’ fuq il-faħam li jkun imkebbes fiċ-ċensier u dan jitla’ bħal bħur (lubien –duħħan imfewwaħ) lejn l-artal. Fl-aħħar tal-quddiesa jsir il-bews tar-relikwa. Filgħaxija jsir it-tieni għasar u wara toħroġ il-purċissjoni bl-istatwa madwar it-toroq tal-belt/raħal u l-festa tintemm fil-knisja bl-antifona u l-barka sagamentali.

Ta’ min jgħid li fil-jiem tal-festa l-knisja titlob il-ħtieġa ta’ aktar saċerdoti minn barra l-parroċċa, flimkien ma’ djakni, kappisti, seminaristi, ċerimonjier u paneġerista biex jagħtu s-servizzi tagħhom. Filwaqt li l-isqof jew prelat tal-Knisja jkunu fost il- mistiedna li jkunu huma li jmexxu l-funzjonijiet ta’ ġol-knisja Għal dawn is-servizzi, il-knisja tagħti l-pedaġġi.