Terminoloġija u tagħrif ieħor dwar l-armar ta’ ġewwa l-knisja.

Kitba ta’ Saviour Camilleri.  Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara  Nru. 39. Id-disinji ġew editjati minn ilmiklem.com biex jidhru aħjar fuq l-internet.

L-ARTAL

L-aħħar artiklu li rajna, kien dak tal-ħruġ tal-vara min-niċċa. Dan ma jfissirx li l-knisja tkun intramat minn kollox jew sal-inqas dettall. Anzi jkun għad baqa’ l-aħjar tiżjin jew ornamenti rikki u ta’ għożża. U proprju għalhekk jitħallew għall-aħħar, u biex lanqas idumu fl-idejn. Ngħidu aħna, fided u drapp rikk bħal dvalji rrakkmati bid-deħeb, wieħed isibhom fuq mensoli jew artali li dan l-artiklu se jittratta.

L-artali, fil-biċċa l-kbira jkunu tal-irħam. Qiegħed nirreferi għall-artal ta’ qabel ir-riforma liturġika fejn barra l-mensla/mejda, fuqha nsibu żewġ livelli fejn jitpoġġew il-gandlieri. Ta’ fuq nett jew l-ewwel xkaffa jintramaw ‘il-prima’ (sett gandlieri li nirreferu għalihom bħala ‘tal-prima’) Taħthom, xkaffa oħra li tissejjaħ tas-‘sekonda’ (sett gandlieri oħra li nirreferu għalihom bħala ‘tas-sekonda’ – għax iżgħar fid-daqs) Dawn il-gandlieri jistgħu jkunu tal-fidda, tal-metall jew injam. Ix-xama’ tagħhom – xi knejjes jippreferu – li jkunu twal li jwasslu aktar min-nofs il-kwadru tal-artal u oħrajn dal-aħħar ippreferew li jagħmluhom baxxi. Biex jintlaħqu, is-sagristan juża l-lasta twila li tinstilet għal xejn lejn it-tarf fuq nett, b’qasma fin-nofs tar-ras tagħha fejn is-sagristan idaħħal il-kandiletta (ftila żgħira bix-xama’ magħha) biex jixgħel ix-xama’ u stuta (speċi ta’ lenbut maqlub) biex jitfihom.

Dawn ix-xamgħat twal kien ikollhom ġo fihom xemgħa oħra, ngħidulha tal-konsum. Għax kienet din ix-xama’ ta’ ġewwa li kienet tiġi ikkonsmata, b’ molla taħtha, li waqt li tkun qed tinħela, il-molla timbottaha ‘l fuq u allura minn barra x-xemgħa ma kienet tidher qatt li qed tinħela. Meta mbagħad tintefa jew wara s-servizz fil-knisja, is-sagristan kien jieħu ħsieb iduruhom u jerġa’ jimliehom. Daż-żmien qed ikunu biż-żejt. Waqt li oħrajn issa qalbuhom għad-dawl elettriku

Taħt il-gandlieri, għandek mnejn isib skannell. Din hija injama/tavlozza li jkollha gwarniċa tar-ram jew kument indurat fejn il-bażi tikber biex ikun hemm wisa’ aktar għall-gandlieri. Fin-nofs, naturalment, jintrama s-salib. Iżda, f’xi nħawi, fil-festi speċjali marbuta mal-adorazzjoni tas-Sagrament, ngħidu aħna l-kwaranturi, (erbgħin siegħa ta’ adorazzjoni) flok is-salib tintrama l-ġilandra (speċi ta’ tabernaklu għoli bil-bieba ddur). F’dan il-post jitqiegħed is-Sagrament espost għall-qima tal-fidili.

Imbagħad fil-prima, bejn kull gandlier titqiegħed figura ta’ appostlu jew figura biblika. Fis-sekonda jitqiegħdu fjuretti tal-ganutell flok figuri. Ta’ min jgħid li l-gandlieri tas-sekonda, bħala regola, ma jintramawx fil-festi prinċipali, iżda fil-festa tal-qaddis/a li lilu/lilha jkun iddedikat l-artal. Minflokhom, jitqiegħdu żewġ gandlieri żgħar bi xemgħat.

Meta niġu għall-mensla, din aktarx li fin-nofs tagħha, imnaqqxa fl-irħama tal-wiċċ, jkollha relikwa tal-qaddis/a li jkun/tkun il-patrun/a tal-artal.

Issa niġu għat-trieħi ( sing. terħa) tal-artal. Fil-festi prinċipali l-aktar fil-festa tat-titular dawn jinbidlu u jieħdu din l-ordni: jkun hemm waħda sempliċi taħt nett, oħra tissejjaħ ‘tal-poker’ u s-sopra dvalja fuq kollox li tkun ta’ aħmar sabiħ tal-bellus rrikamata bid-deheb. Fuq is-sopra dvalja mbagħad titpoġġa selofejn biex ir-ruttam tax-xama’ li jaqa’, ma jagħmilx ħsara lid-drapp fin u rikk. Fuq il-mensla/mejda jitqiegħdu l-‘karti tal-glorja’.

L-artal jispiċċa b’tarġa jew aktar fejn jinfirex tapit tal-festa li jgħatti dawn it-tarġiet. Maġenb l-artal tinsab gradenzina li din ukoll ikollha terħa pariġġ l-artal b’messal fuq leġiju, par impullozzi u plattin taħtha.

Faċċata tal-artal jiddendel lampier bi fjokk tal-festa flok dak ta’ kuljum. Il-ġummiena tiżdied ukoll. Fejn titpoġġa x-xemgħa tissejjaħ it-tazza li wkoll tkun tal-okkażjoni.

Issa jekk l-artal barra l-kwadru, jkollu l-istatwa tiegħu, maġenb jew biswit l-artal insibu standard u surġentina. Imbagħad, maqtugħ għalih, bankun, li mhux bilfors ikun ħdejn l-artal imma aktarx ikun fil-korsija. Fih insibu post fejn jitqiegħed salib u lanterna fuq kull ġenb li jinġarru fil-purċissjoni kif ukoll lasti u erba’ frieċen ( sing. forċina)

L-istandard għandu din id-deskrizzjoni: lasta u kruċetta li tidħol fil-lasta fuq, il-bandiera bil-burdura u frenza taħt il-burdura li fin-nofs ikollha stemma ; speċi ta’ distintiv li jirrappreżenta l-artal. Fejn jitpoġġa l-istandard tissejjaħ l-iskazza li tkun ħierġa minn mal-ħajt u tispiċċa b’bokkin fejn fiha jiddaħħal l-istandard.

Is-surġentina hija bħal bastun/ħatar bil-profil tal-artal jew l-istatwa fi-ras tagħha u tkun tal-fidda. Din tkun f’idejn fratell li jkollu l-inkarigu li jieħu ħsieb il-fratelli waqt il-purċissjoni .

IL-FRATELLANZA

Il-fratellanza tagħmel parti mill-organizzazzjoni tal-artal. Fi fratellanza jistgħu jixxierku magħha kemm fratelli (irġiel) kif ukoll konsorelli (fratelli nisa). Kelma magħżula għal dan il-għan ngħidu: ipprofessaw ( issiebħu bħala fratelli ġodda). Huma jkollhom kemm xi drittijiet u kemm dmirijiet. Drittijiet jistgħu jkunu bħal; li l-fratellanza tagħmel bi spejjes tagħha stess il-funerali tal-fratelli u li jindifnu fiz-zuntier tal-fratellanza. Dmirijiet, barra li jieħdu sehem fil-laqgħat u l-purċissjonijiet, dawn jaqdu fil-missjoni tal-fratellanza. Ngħidu aħna jekk tkun fratellanza tal-‘karità’, mela mill-fratelli ikun mitlub minnhom, li jgħinu nies u familji fil-bżonn b’kull mod, kemm jekk ikun ġbir ta’ flus jew tqassim ta’ oġġetti. Fratellanza oħra hi dik tas-‘Sagrament’. Dawn jieħdu ħsieb li jgħinu fit-twassil tas-sagrament tat-tqarbin lil kull min jeħtieġu, bħalma huma l-anzjani, il-morda u l-moribondi; ma jonqsux li jżuru l-morda fi djar u fi djar tal-anzjani; jagħmlulhom laqgħat apposta għalihom u ma jonsqux ħarġiet ta’ rikreazzjoni. Dan il-qasam illum jissejjaħ ‘Djakonija’. Illum – bħalma nafu – hawn lajċi li jissejħu ministri tat-tqarbin li jmorru jqarbnu huma stess fid-djar u li xorta jistgħu jkunu fratelli wkoll.

Għall-moribondi, dari, kien hemm il-vjatku li jkun liema ħin ikun, saħansitra billejl, jitwassal lilhom is-sagrament tat-tqarbin. Tista’ tgħid il-vjatku kien jieħu l-istess forma ta’ purċissjoni oħra kwalunkwe. Il-fratelli kien mistenni minnhom li jieħdu sehem flimkien mal-abbatini u l-qassis. Filwaqt li l-abbatini jieħdu f’idhom fanali tal-id u qanpiena biex tħabbar il-miġja tal-vjatku, il-fratelli jitqassmu…min iżomm l-istandard, oħrajn torċi, min iżomm it-tużell, ieħor umbrella u erba’ oħra bil-baldakkin. Il-qassis ikun taħt il-baldakkin bis-sagrament. Dari l-qassis kien juża s-suġġetta. Malli l-vjatku jasal qrib, sakemm il-qassis joħroġ minn taħt il-baldakkin sad-dar tal-agonizzant, kien jiġi akkumpanjat minn wieħed iżomm umbrella (baldakkin żgħir) fuqu. Għalkemm il-vjatku tista’ tgħid inqata’ minn ħafna postijiet, f’xi nħawi baqa’ jsir u dan isir nhar l-ewwel Ħadd fuq il-Għid il-Kbir.

L-ilbies tal-fratelli u konsorelli kien jikkonsisti minn konfratija bajda, muzzetta, ċinglu, kuruna twila u kapott, li hi barnuża għall-għata tar-ras b’ żewġ toqbiet quddiem l-għajnejn. Il-kulur tal-muzzetta ivarja skont liema fratellanza tkun. Ngħidu aħna, dik tas-Sagrament tkun ħamra, tal-Kurċifiss, sewda, tal-Madonna, ċelesti u l-bqija.

Post il-fratelli fil-purċissjoni hu fil-bidu tal-purċissjoni fejn dawn il-fratelli jżommu standard, salib u żewġ lanterni waqt li oħrajn jakkumpanjawhom b’torċa f’idhom. F’tarf il-fratellanza u fin-nofs, imexxiha, għandek issib il-prefett b’medaljun kbir fuq sidru waqt li fratell ieħor iżomm is-surġentina.

Xogħlu jkun li jdur mal-fratelli, jieħu ħsieb it-tqassim tal-fratelli, jara li jżommu posthom sewwa fir-ringiela b’ċertu distanza u ċaqliq ieħor.

Kif wieħed jista’ jirrealizza l-fratellanzi ta’ dak iżmien – xi tliet mitt sena jew aktar – kienu diġà qed jagħmlu xogħol tal-unjins tal-lum. Mela kienu l-ewwel operaturi ta’ solidarjetà. Li tkun fratell kien ifisser li tkun membru fl-unjin dak iż-żmien. Prova ta’ dan kienet il-fratellanza ta’ San Ġużepp li jissieħbu fiha, dawk li huma mastrudaxxi. Kien hemm il-fratellanzi li kienu jieħdu ħsieb l-ilsiera u l-baħħara bħalma kienet il-‘Porto Salvo’ u oħrajn.

JISSOKTA