Kitba ta’ Saviour Camilleri. Disinji oriġinali ta’ Pio Mangion. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara  Vol 9(2011) Nru. 4. Uħud mId-disinji ġew editjati minn ilmiklem.com biex jidhru aħjar fuq l-internet.

Ħafna huma tal-fehma li l-kelma trofew ġejja minn żmien ir-Rumani li kienu jagħtu trofew lil min iwettaq xi att erjoku, jew inkella li b’ħiltu,  Ruma tkun kisbet xi rebħa jew avanz fuq il-għadu. Din l-idea baqgħet nieżla (tintiret) mill-kavallieri, sa waslet fi żmiena, fejn jidher issa ssarrfet f’biċċa armar tal-festa. Se nibda bit-TROFEW POPOLARI għax it-trofew nazzjonali ftit li xejn huwa magħruf. Iżda l-ewwel kien hemm it-trofew nazzjonali, u minnu żviluppa dan it-trofew popolari li bħalu naraw bosta fil-festi Maltin u li jsebbaħ l-imsieraħ u l-wesgħat tal-lokal.

Mela dawn il-kolonni, li jissejħu ‘kolonni tat-trofej’ – plural ta’ trofew – ikunu għadhom għerja, injam biss (mingħajr drapp) bl-arblu ġo nofshom u f’dan ir-rigward it-terminoloġija li tapplika għall-kolonni l-oħra, tapplika l-istess għat-trofej, iżda, mingħajr il-pedestallatura fuq.

Għalhekk flok il-pedestall, jitqiegħed l-iSKUDU, li fuq il-wara tiegħu, jkollu ħoloq ftit wesgħin biex fihom jidħlu speċi ta’ bandieri, iżda, li l-kelma teknika għalijhom hija, FJAMMI. Fuq il-faċċata tal-iskudu, fil-biċċa l-kbira, għandek issib emblema li jkollha nisġa mal-post jew il-patrun/a. U għax ġeneralment din tkun emblema, allura tissejjaħ ukoll l-ARMA. Din l-arma prinċipalment tkun l-iSTEMMA (coat of arms) ta’ Gran Mastru. Hawn min isejħilha TARKA wkoll. Iżejjen dan l-iskudu fid-dawra tiegħu, wieħed isib  tinqix ta’ skultura li jkompli  jaqla’ (isebbaħ) dan l-iskudu għax ikun jinsab fin-nofs ta’ dan it-trofew.

Minn hawn ‘il quddiem tibda r-raba’ u l-aħħar fażi tal-armar.  Din hi meqjusa bħala ‘tad-drapp’ għax ikun jonqos biss li jintrama d-drapp u hekk il-lokal ikun intlibes u lest għall-festa. Dan ikun bejn tlieta u erbat ijiem qabel nhar il-festa. Għax huwa għaqli li d-drapp ma jintramx kmieni ħafna minħabba x-xemx li tkagħbar id-drapp billi malajr titfi l-kuluri tiegħu, l-aktar jekk ikun xi drapp ġdid u rikk, u sewa kemxa flus ġmielha. Id-drapp hu l-aħħar ħaġa li jlibbes u jikkompleta l-armar li jkun diġà sar – u bħall-purtieri fid-dar, hu l-aħħar ħaġa li tintrama.

Mela niġu għad-drapp li jissejħu l-fjammi: dawn jistgħu jkunu ta’ erba’ jew sitt  bandieri, tnejn/tlieta fuq kull ġenb tal-iskudu, u jintramaw la ġenba, bid-drapp imżaqqaq kif murija tajjeb fl-iskizz. Irrid ngħid, li t-trofej ġeneralment ikunu b’sitt fjammi biex joħolqu dehra aktar klassika u eleganti. Il-fjammi  jidħlu ġo lasta li jkollha fuqha LABARDA li tista’ tkun forma ta’ lanza jew mannarett. Dawn il-bandieri (fjammi) fil-biċċa l-kbira jkunu ta’ Malta, tal-Papa, tar-Reliġjon  u ta’Ġerusalemm u tnejn l-oħra jkunu l-emblemi marbuta b’xi mod mal-lokal/parroċċa/knisja jew patrun/a.  U hekk għandha tkun l-ordni li fiha għandhom jintramaw.

Fuqhom, mal-antarjol tittella’ BANDALORA sabiħa u għax sabiħa tkun artistka, jiġifieri li tkun mimlija disinji, GLALEN u xi EMBLEMA fin-nofs, jekk mhux ukoll xi biċċa pittura flok l-emblema. GLALEN plural ta’ gallun, huma dawk l-istrixxi ta’ drapp b’kulur isfar li joħolqu disinn/aspett u jissoktaw mad-drapp kollu u li bihom tkun mimlija l-bandalora.  Dawn ikunu kemxejn sfumati biex joħolqu dehra isbaħ. Hawnhekk irrid ngħid, li l-bandalora ma qisthiex bħala armar għaliha peress li qed niddesdriviha hawnhekk ma’ drapp ieħor li jintrama bħala sett fuq dan it-tip ta’ trofew.

Kif taraw minn dan l-iskizz, it-trofew huwa mgħammed sew bit-termini. Dan jitqies bħala biċċa xogħol ta’ armar ta’ eleganza u ġmiel li jsebbaħlek fejn ikun. Huwa sewwasew għal dan il-għan, li jintrama fi pjazez u f’postijiet wesgħin u prominenti. Kważi dejjem, it-trofej ikunu sett sħiħ maħsub għal-lok partikuari fejn se jintramaw u l-post/pjazza tingħalaq tajjeb bihom, filwaqt li bejniethom jitpoġġew xi kanolli tal-istatwi, pilandri jew brazzi.

IT-TROFEW NAZZJONALI

Wara li tajt ħjiel fuq l-oriġini tat-trofew fit-taqsima ta’ qabel, ma nistagħġbux meta jingħad  li l-armar ta’ barra jaf il-bidu tiegħu lill-Kavallieri ta’ San Ġwann. Forsi  mhux l-armar kollu li naraw illum, iżda it-trofew nazzjonali naħseb jixhed sew il-rabta mal-kavallieri.

Intant fid-dizzjunarju/teżawru tiegħu, Mario Serracino-Inglott, jagħti din it-tifsira ta’ trofew nazzjonali:  “armamenti jew fdal tal-gwerra mirbuħa fi gwerra; arblu mżejjen bil-kisbiet biex jibqa’ jfakkar ir-rebħa,” barra li għandu tifsira oħra; dik ta’ tazza/premju.

Dan it-trofew nazzjonali – ikolli ngħid – mhux magħruf ħafna, għax mhux mifrux, għajr fl-Isla, u hemm xebh tiegħu fin-Naxxar. Bir-raġun li ssibu f’dawn il-lokalitajiet, li t-tnejn huma ddedikati lill-‘Vitorja’.

Dan it-trofew huwa distint mit-trofew popolari, għax bħala kuluri tara biss fih l-abjad u l-aħmar, li huma l-kuluri nazzjonali tagħna. Huwa sewwasew għalhekk, li din il-għamla ta’ trofew huwa marbut mar-rebħa li għamlet Malta fit-8 ta’ Settembru 1565. Wieħed għandu jsib, f’nofs dan l-armar,  l-istatwa ta’ ‘Malta Rebbieħa’ li tirrapreżenta l-figura ta’ Malta, bħala rebbieħa fl-Assedju l-Kbir, u kienet din ir-raġuni il-għala dan il-jum baqa’ jissejjaħ ‘Jum il-Vitorja’.

It-terminoloġija distintiva f’dan it-trofew insibu: ŻONQRA flok zukklatura – għax żgħira fid-daqs; imbagħad, ’il fuq miż-żonqra ġieli titwaħħal ARMA tal-landa miżbugħa biż-żewġ kuluri tagħna waħdanin (l-aħmar u l-abjad), u lazz aħmar li jorbotha mal-arblu (din mhix miġjuba f’dan l-iskizz); aktar ‘il fuq,  jitpoġġa l-ISKUDU u miegħu titwaħħal TARKA li tkun  arma ta’ Granmastru partikulari jew salib tal-Kavallieri. It-tarka magħha jkollha SJUF u LANZETTI, PJUMA u ELMU. Mill-iskudu joħorġu l-FJAMMI (il-bandieri tal-ġnub).

Differenti mit-trofew l-ieħor (li ssibu f’kull festa), dan ikollu żewġ fjammi weqfin bil-kuluri tal-bandiera Maltija  u tnejn l-oħra bbuzzati ’l barra li d-drapp tagħhom jaqa’ mżaqqaq, u flok ta’ Malta, jġibu l-emblema tar-Reliġjon. Distintiv ieħor huwa, l-ornamenti fl-irjus tal-lasti tal-bandalori li jispiċċaw forma ta’ mannarett u li jkollhom imdendel magħhom SAWT forma ta’ boċċi kbar bix-xwiek. Dawn l-ornamenti kollha jkunu jagħtu f’kulur il-bronz bi sfumar ħafif li jmur tajjeb mas-suġġett hawn trattat. Wieħed malajr għandu jintebaħ li dan it-tip ta’ sawt huwa kollu marbut mal-armamenti li kienu jintużaw dak iż-żmien. Ukoll, lejn ir-ras tal-antanjol, barra li jkollu labarda fir-ras tiegħu, (għelm ieħor fit-taqbid) titwaħħal kuruna tal-rand, palma u salib imdaqqas tal-injam – kif muri tajjeb fl-iskizz. Ħaġa oħra ta’ min jinnota hija, il-bandalora tan-nofs li barra li tkun ta’ ċertu tul, f’nofsha sewwa, u lejn it-tarf, ikollha tiċrita forma ta’ V (slit) u ġġib l-emblema ta’ Malta. Fin-nofs tal-bandalora – mhux kbira hafna – għandek tosserva l-annu 1565 miktuba fuq sfond isfar imdawwar b’girlanda – f’dan l-iskizz mhix miġjuba lanqas.

IL-PAVALJUN

Il-pavaljun huwa għamla oħra ta’ drapp fl-armar ta’ barra. Ġeneralment dawn ikunu żewġ pendenti twal fil-ġnub u ieħor ta’ tul medju fin-nofs u jintramaw fit-triqat fejn it-triq ma tkunx wiesgħa daqstant.

Xi xahar qabel il-festa jitwaħħal il-wajer jew vent tal-azzar bit-TARJOLI u l-ħbula magħhom għal kemm jittella’ l-pavaljun f’postu. F’dan iż-żmien ukoll, id-drapp tal-pavaljun jiġi MMUNTAT fil-lasti jekk ikun ŻMUNTAT wara l-festa. Meta d-drapp jiġi mmuntat, il-ħoloq tad-drapp jiġu ppinjati jew jinqaflu bi qfieli biex id-drapp ma jimxix.

Biex pavaljun ikun armat komplut, jeħtieġ ikollu SOPRAPORTA fejn il-lasta tal-pavaljun tgħaddi minn ġo fiha biex hekk il-pavaljun jieħu xeħta ta’ eleganza. L-eleganza titlob li mal-pavaljun ikun hemm KONTRA PAVALJUN kif jidher fuq id-disinn, bi FRENEZ jew PUMI fit-trufijiet

Ma’ dan ukoll, biex pavaljun joqgħod xieraq fit-triq li jintrama fiha, jeħtieġ li jkun meħjut skont il-wisa’ tat-triq u għandha titħalla l-istess medda tul, bejn pavaljun u ieħor. Il-pendenti tal-pavaljun, l-aktar dak tan-nofs, m’għandhomx ikunu twal iżżejjed, jekk minn taħtu, fit-triq, jgħaddu tip ta’ inġenji li jistgħu jagħmlu ħsara lid-drapp. Fid-drapp tal-pendenti tal-ġnub tgħaddi daqsxejn ta’ injama ċatta biex il-pavaljun jibqa’ miftuħ. Lejn it-tarf tagħhom, minn ġo ANELLA, l-istess l-pendenti tal-ġnub, jintrabtu b’LENZA mal-ħajt. Dan jgħin ħafna biex il-pavaljun ma jitkebbibx bir-riħ. F’dal-każ, ġieli tara wieħed b’lasta twila f’idu  joqgħod  jirranġa l-pavaljuni wieħed wieħed.

L-aktar pavaljuni li jiġbdu l-għajn, huma dawk li jkunu mimlija disinji li bl-isfumar tagħhom ikomplu jaqilgħu l-pavaljun. Hemm pavaljuni li jkollhom xi pittura b’tema mal-qaddis/a. Dawn tal-aħħar, forsi l-aktar li jiġbdu l-għajn, għalkemm mhux bilfors li hu hekk; jiddependi skont ix-xejra tal-arti li wieħed ikollu fih.

Irrid ngħarraf – tal-aħħar – li daż-żmien ħafna mid-drapp sar jintrama billejl. L-ewwel nett, minħabba l-bosta inġenji li jgħaddu mit-toroq binhar li ma jħallukx tarma bil-galbu; kif ukoll il-periklu u l-konġestjoni tat-traffiku li jinqala’.  It-tieni, jagħmel tajjeb, li l-pavaljuni jiffrankaw il-ġurnata xemx ta’ filgħodu.

L-ARKUNI

Hawn nixtieq inżid xi ħaġa oħra: kien u għad hawn xi ARKUNI. Dawn jagħtu lemħa ta’ SOPRAPORTA DDISINJATA li tista’ tkun ta’ materjal li tkun,  bid-divrenzja li dawn ma jibqgħux neżlin sal-art imma jaqbdu mal-ħajt tat-triq u jidħlu f’ħadid oħxon qishom ANELLI INGASTATI fil-ħajt. Bħal dan it-tip, hemm Ħal-Tarxien li narahom sbieħ u jixirqu ħafna fit-triq dejqa li jintramaw fiha, faċċata tal-knisja.

Dawn l-arkuni barra li għandhom is-sbuħija tagħhom kemm binhar u kemm billejl, għandhom iktar minn għan wieħed: dik li jiskansaw li jkunu ta’ xkiel għat-traffiku, u dik: li huma armati bid-drapp u d-dawl fl-istess ħin, biex ikunu kemm ta’ tiżjina filgħodu u kemm imdawla filgħaxija meta l-arkun ikun mixgħul kollu.

IL-BANDIERA

Nagħlaq din il-ġabra ta’ artkli bit-tema tal-bnadar/bandieri, u  kif inhu xieraq, bil-bandiera Maltija.  Il-bnadar jew bandieri jagħmlu parti kbira mid-drapp li jżejjen il-festi tagħna. Filwaqt li d-drapp tal-armar tal-festi jimla t-toroq, l-imsieraħ u mkejjen oħra tal-lokal, il-bandieri fuq il-bjut, jittajru flimkien, ikun fihom tiżjina u  għaxqa fl-istess ħin, f’żiffa ħelwa tas-sajf – l-aktar meta jkunu bnadar kbar. Il-bnadar jittajru, fihom infushom jagħtu bixra/ħjiel ta’ ċelebrazzjoni kull fejn ikunu; huma għelm ta’ festa li flimkien mad-daqq tal-qniepen inisslu l-ferħ.

L-aktar li tarahom hu f’xi festa prinċipali tal-parroċċa għax bosta jkunu li jtellgħu l-arblu fuq il-bejt għal din l-okkażjoni. Iżda, mhux biss fil-festa, imma anke matul is-sena meta tinzerta xi ġurnata speċjali, ngħidu aħna f’xi festa pubblika jew reliġjuża, jew il-lokal ikun qed jiċċelebra xi avveniment partikolari. Naturalment għall-Għid u l-Milied,  qatt ma jonqos li naraw bnadar jittajru ‘l hinn u ‘l hawn

Ikolli ngħid li l-aktar post f’Malta li jtellgħu bnadar fil-festa/i tar-raħal, huwa ż-Żurrieq. Imbagħad, xena sabiħa  li tara fuq is-swar, insemmi l-Birgu u l-Isla, bil-bandieri tal-Gran Mastri  mlewna b’tiżwiqa ta’ kuluri.

Differenti mill-bqija tat-temi preċedenti, il-bandiera m’għandhiex xi elenku ta’ glossarju x’wieħed joqgħod jintilef jgħid. Madanakollu, għad illi ġbart kull tagħrif possibbli li għandu x’jaqsam mal-armar ta’ barra, ma jfissirx li ma baqax x’jinġabar aktar – imqar ‘l quddiem.