Kitba ta’ Saviour Camilleri. Disinji oriġinali ta’ Pio Mangion. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara  Vol 9(2011) Nru. 4. Uħud mId-disinji ġew editjati minn ilmiklem.com biex jidhru aħjar fuq l-internet.

L-ISTATWA

Wasalna fit-tielet fażi – biex ingħid hekk – meta jmiss li jittellgħu l-istatwi fuq il-kolonni rispettivi tagħhom. Il-festa, issa, tkun qorbot sew u  jkun baqa’ xi ġimgħa qabel nhar il-festa. Dawn l-istatwi, wieħed malajr jilmaħhom, għax ikunu jinsabu jew biswit il-knisja jew fi pjazez oħra biex jimlew u jsebbħu l-wesgħat, l-aktar jekk ikunu xi statwi b’iktar minn FIGURA waħda.

Nibda biex nagħti ftit tagħrif siewi dwar il-bidu ta’ dawn l-istatwi. Xi statwarji  jżommu is-sena 1875 jew qribha, fiż-żmien l-aħwa Darmanin mill-Isla, meta bdew isiru u jintramaw l-istatwi għall-armar ta’ barra. Sewwasew fil-belt tal-Isla għad għandek issib l-statwa ta’ Ġuditta li hi maħsuba li kienet waħda minn tal-ewwel statwi li saru minn Darmanin (Ġlormu Darmanin). Wara li kien sar restawr fuqha, l-istess statwa għadha tintrama u titella’ fuq kolonna biswit il-knisja.  Filwaqt li l-istatwi ta’ ġewwa l-knisja, dawn saru qabel, jiġifieri fis-seklu tmintax, fiż-żmien il-Kavalllieri.

L-istatwa minn ġewwa jkollha dik li tissejjaħ l-ANIMA (serratizz li jidħol ġol-PEDANA) u miegħu jdur il-KORP. Il-pedana hija l-injama solida li fuqha tistrieħ u titqabbad l-istatwa biex ma titħarrekx. Il-korp ikun tal-KARTAPESTA (magħmul minn xkejjer, ġibs u kolla). Fuq barra tal-korp,  l-istatwarju jaħdem u juri l-ħila tiegħu kif joħroġ dawk id-dettalji fini, meħtieġa u spjegabbli bħal PANNEĠĠI fl-ilbies,  dawk il-pożizzjonijiet  kif jitlob is-suġġett u xi SIMBOLI li jkunu assoċjati mal-persunaġġ li jkun.

Dawn l-istatwi għal ħafna snin kienu u għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom isiru fil-kartapesta, iżda dan l-aħħar qed naraw ukoll statwi tal-fajber. Dan, minħabba fatt, li xi festi jinzertaw jiġu jew fl-istaġun tax-xitwa jew qrib, bħal f’Settembru, Marzu u April. Oħrajn, xorta jkunu tal-kartapesta imma jingħataw kisja fajber biex ix-xita li dak iż-żmien ma tagħmilx qliel, tiżloq minn fuqhom. Ukoll, hawn min jgħatti dawn il-figuri b’xi għata bħal boroż tal-plastik li mbagħad jitneħħew fl-aħħar jiem tal-festa, jekk it-temp ikun jippermetti.

L-istatwi fuq il-kolonni tagħhom jirrapreżentaw episodji mill-ħajja tal-qaddis/a patrun/a tal-lokal fejn hi ċċelebrata l-festa. Ngħidu aħna, jekk tkun festa tal-Madonna, għandna naraw persunaġġi nisa fil-Bibbja bħal ‘Ruth’ u ‘Abigail’ u ma tonqos allura li tara lil ‘Ġuditta’ bħala eroj u xempju li tirrafigura lil Madonna rebbieħa fuq id-dnub. Jista’ jkun ukoll li wieħed jiltaqa’ ma’ xi figuri marbutin mal-ġrajja tal-post, perkażu – granmastru, insemmi lil ‘La Sengle’li jkun bena l-belt jew rabat ismu magħha għal xi ħaġa li jkun wettaq.

Meta jiġu biex itellgħu l-istatwi fuq il-kanolli – mhux bogħod fiż-żmien – id-dilettanti kienu jagħmlu użu minn SKALAPIŻA, li kien ikollha l-iskaluni qrib xulxin sewwa, biex waqt l-irfigħ, huma u telgħin bihom, ħadd ma jitfixkel waħda b’oħra u jispiċċaw kollha fl-art. Dan, għax naħa waħda tal-iskalapiża ma kienx ikollha lqugħ, apposta, li jiġi man-naħa li tmiss mal-kolonna, biex meta JOLZAWHA (jgħolluha mill-art) u jiġu biex ipoġġuha fuq il-kanolla ma jsibux xi jfixkilhom. Iżda, illum jarmaw l-iscaffolding madwar il-kanolli mgħejjuna minn trakk li jkun ittrasportahom mill-maħżen sal-post u b’dan il-mod tkun ittaffiet dik it-tbatija ta’ dari.

L-Istatwa

Barra dawn l-istess statwi, li bejn wieħed u ieħor ikunu tal-istess daqs, ikollhom ukoll xi statwa/i ewlenin li jkun fihom medda aktar mill-oħrajn, li fil-lokal jinżammu b’ċertu għożża, għal xi raġuni jew oħra. Ngħidu aħna, għax din il-figura tkun  tirrapreżenta xi ġrajja storika tal-post jew tkun l-istess statwa li hija t-TITULAR tal-parroċċa. Għaldaqstant, din ma tintramax bħal u mal-oħrajn imma fl-aħħar jum tat-TRIDWU jew NOVENA u tinġarr fuq l-idejn fit-toroq tal-lokal bil-banda ddoqq warajha u xi briju li ma jonqosx quddiem din l-istess figura.

Fl-aħħar tal-isfilata u għoddu tkun qalbet il-ġurnata, tittella’ fuq kolonna kbira u għolja ħafna fost ċapċip u ħruq ta’ musketterija u kaxxa infernali bil-kulur u tfigħ ta’ karti jew SUNETTI.

Biex tittella’ statwa ta’ dan il-kobor trid, jew xi PARANK li l-vent tiegħu jgħaddi min-naħa għall-oħra tat-triq, jew krejn, jekk il-wisa’ tat-triq tkun enormi, jew kull forma ta’ GRUWA. Pereżempu l-Birgu juzaw il-BOMA (jgħidulha) li tkun nofs arblu mqabbad mas-sur filwaqt li l-Isla jużaw il-parank.

MENSOLI BIL-PUTTIN FUQHOM

Fost l-armar li jintrama, hemm dak li jeħel mal-ħajt. B’mod partikolari, qed nalludi għal dawk il-MENSOLI li nsibu ma xi faċċati tal-knejjes jew kappelli fejn qed isir il-festa. Oriġinarjament din il-kelma ġejja mil-Latin ‘mensa’ li tfisser mejda (counter; altar). Aħna ħadnieha mit-Taljan  mensola li b’ilsienna ġiet tfisser xkaffa, kileb jew ħarrieġa; qrib sewwa tat-tifsira oriġinali.  Iżda ma ngħidulhiex xkaffa għax ma tkunx xkaffa waħedha, imma jkollha sieq taħt il-ħarrieġa li tieħu l-forma ta’ figura ta’ anġlu jew ta’ xi disinn b’ornament ieħor. Il-kelma ‘mensola’, fil-knisja, insibuha tintuża mhux ħażin ma’ ħwejjeġ li għandhom l-istess funzjoni ta’ xkaffa jew wiċċ ċatt.

Mela dawn il-mensoli – fil-biċċa kbira tal-każi – jitqiegħed fuqhom PUTTIN; anġlu żgħir fil-kartapesta bi skrizzjoni f’idejh jew simboli. Jintramaw l-aktar, fejn il-knisja tkun tinsab fi triq dejqa li ma jkunx possibbli li tarma l-kolonni fiha.  Dan huwa armar żgħir fid-daqs imma għax żgħir, jagħti dehra ħelwa ma’ faċċata ta’ knisja.

ARMAR IEĦOR 

IL-BALLUN

Il-Birgu, fil-pjazza ewlenija, tintrama kolonna, żgħira fid-daqs, iżda unika, jew waħda mill-waħdiet. Tikkonsisti f’zukklatura u tromba, it-tnejn baxxi, u fuqhom tispiċċa bi flieli tawwalin, xi erbgħa b’kollox. Fl-ispazju ta’ ġol-flieli – li għalhekk jissejjaħ ‘ ballun’ – jitfgħu amorini li mad-daqq tat-Te Deum, lejlet il-festa filgħodu, il-flieli jinfetħu u l-għasafar itiru. Dan isir permezz ta’ miċċa/mikbes (ftila tal-porvli).

Din ix-xorta ta’ kolonna ilha mal-mitt sena tintrama u skont ma qaluli, hemm żewġ verżjonijiet dwar is-sinifikat ta’ din id-daqsxejn ta’ kolonna. Waħda marbuta ma’ San Lawrenz, il-patrun tal-Birgu. Jingħad illi, peress li San Lawrenz kien iqassam ħwejġu u oġġetti lill-foqra u f’dan il-ballun fl-antik kien ikollok xi tofi jew ħelu mas-sunetti ġewwa, allura l-aħħar ġest huwa rifless ma’ tal-ewwel. It-tieni verżjoni tal-għasafar itiru: huma tixbiha tat-tluq tat-Torok  minn gżiritna u li l-Birgu, u Malta, ħarġu rebbieħa. Mat-tieni aktar hemm min iżomm minħabba li din kienet tintrama maġenb il-monument ta’ ‘Malta Rebbieħa’ u lkoll nafu li l-Birgu kien il-kwartieri tal-kavallieri fiż-żmien l-Assedju l-Kbir, tal-1565.

Il-Ballun

IL-PJANĊIER TAL-BANDA

Il-PJANĊIER, jew kif jingħad ukoll, il-palk tal-banda, fih biċċa armar dekoruża, li tgħaxxqek tħares lejha u daqstant ieħor fih biċċa xogħol biex tarmah. Difatti, biex jarmawh, ikunu ĠGAJTA jew GAJ ta’ nies. Ġeneralment ikunu midħla tal-każin tal-banda jekk ma jkunux id-dilettanti tal-armar. Hawnhekk qed nirreferi għal dawk il-palkijiet/pjanċieri artistiċi b’ ħafna xogħol ta’ lavur fihom li bdejna naraw dan l-aħħar żmien. Għall-maestrija tagħhom, dawn il-palkijiet jintramaw fl-aktar postijiet prominenti, ngħidu aħna fi msieraħ ħdejn il-knisja jew faċċata tal-istess każin tal-banda.

Il-bażi tal-pjanċier tkun tikkonsisti minn qafas tal-ħadid, isejħulha l-‘BRIMBA’, u fuqha jistrieħu l-fallakki biex issa dawn iservu ta’ bażi jew pjattaforma fejn jistgħu jitpoġġew il-LEĠIJI flimkien mal-bandisti, il-kor mas-solisti, u s-surmast. Quddiem is-surmast jitqiegħed leġiju kbir maħdum fl-injam iddekorat b’xi lavur, u L-PODJU – fuqiex jidderieġi l-banda – f’id waħda jkollu l-BAKKETTA u bl-oħra jaqleb il-PARTITURA jew l-ISPARTIT għall-paġna li jmiss. Il-leġiji tal-bandisti jkollhom fuqhom il-PARTI jew il-LIBRETT ma’ xi VOLANTI. Bejn l-ispartit tas-surmast u l-parti tal-bandist, id-differenza tkun, li tas-surmast tkun tinkludi l-partijiet kollha tal- istrumenti flimkien, mentri tal-bandist tirrigwardja biss in-noti li l-bandist għandu miktuba fuq il-librett. Dwar il-volanti, din tissejjaħ hekk, għax din tkun separata u ma tiffurmax parti mil-librett innifsu, u għahekk tista’ ttir jew taqa’, jekk titħalla mhux mehmuża u għal din ir-raġuni tissejjaħ ‘volanti’. Din, fil-biċċa kbira tal-każi, tkun l-innu popolari tal-qaddis/a patrun/a tal-lokal.

Il-ġnieb tiegħu jkunu FAĊĊATIET ta’ injam solidu b’ċertu tul u għoli mqejjes li jkun fih xi skultura jew RILJIEV tax-xeħta ‘basso’ jew ‘alto’. Jista’ wkoll li jkollhom l-iNTERZJAR, barra xi stampa fl-isfond jew fil-PANEWIJIET. Fuq il-faċċatiet iserraħ is-SOTTOBANK u bejn il-PILASTRI, jistrieħ il-KANĊELL li jkun jew balavostri tal-injam jew ħadid iddekorat. Dan, barra li jagħmel din l-opra kompluta, ma jagħtix lok li jaqa’ xi ħadd, il-bandisti l-aktar, għax huma jkunu bilqiegħda jdoqqu magħhom. Imbagħad fix-XWIEKI tas-SOPRABANK, anzi fuq il-pilastri sewwa jitqiegħdu BRAZZI elaborati sbieħ li jkunu jixirqu lil din l-opra tabilħaqq sabiħa.  Fuq quddiem tal-palk, wieħed għandu jsib żewġ indajjen taraġ imqawsin kontra xulxin biex minnhom titla’ fuq il-palk.

Immela, kollox ikun imħejji kif għandu jkun għal-lejlet il-festa filgħaxija – barra l-partijiet tal-mużika fuq il-leġiji. U hekk, għall-ħabta ta’ xi d-9.30, jibda l-programm mużikali li jsir kull sena li fih ikunu mistiedna l-kappillan, is-sindku, il-kunsill lokali, l-għaqdiet, każini u xi assoċjazzjonijiet oħra tal-lokal filwaqt li l-pubbliku jissieħeb fuq wara jew f’xi mkejjen imħollija. Il-partijiet tal-mużika jitħallew lejn l-aħħar ħin, qabel jibda l-programm. It-tip ta’ mużika li tindaqq m’għadhiex tkun biss minn siltiet klassiċi jew operistiċi imma qed tiżżewwaq ma’ mużika kontemporanja u popolari għall-gosti ta’ kulħadd, ukoll dik żagħżugħa.

L-għada, f’nhar il-festa, il-banda minn fuq l-istess pjanċier, tilqa’ l-ħruġ tal-vara fil-bieb tal-knisja. Id-daqq tal-istrumenti f’daqqa flimkien mal-kant tal-kor u xi solista jsellmu b’innijiet ferrieħa l-patrun/a malli j/tfeġġ barra mill-bieb ewlieni, b’intervall għal xi poeżija f’ġieħu/ha. Wara, il-banda terġa’ tesegwixxi programm ieħor, barra dak ta’ lejlietha.

Ħafna lokalitajiet jaqilgħu banda oħra  biex takkumpanja l-purċissjoni li ddur fit-toroq tal-madwar.  Il-banda ddoqq mużika xierqa sakemm il-purċissjoni tasal quddiem l-istess pjanċier, u allura issa tkun qorbot sew biex tidħol ġewwa l-knisja. Il-banda ta’ fuq l-istess pjanċier terġa’ sellem lill-vara li tkun waslet quddiemha u li minn issa ‘l quddiem jerġgħu jibdew jindaqqu –  tal-aħħar – l-innijiet li flimkien man-nies miġbura quddiem il-vara, jakkumpanjawha bil-kant sad-dħul, fost l-għajjat u ċ-ċapċip ma’ xi tqabbil ieħor ad unur il-qaddis/a.

JISSOKTA