Il-Pilandra, il-Gastra, il-Kolonna u l-Ark Trijunfali.

Kitba ta’ Saviour Camilleri. Disinji oriġinali ta’ Pio Mangion. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara  Vol 9(2011) Nru. 4. Id-disinji ġew editjati minn ilmiklem.com biex jidhru aħjar fuq l-internet.

IL-KOLONNA (KANOLLA)

Wara li tkun tlestiet l-ewwel fażi, tibda t-tieni fażi, dik tal-injam, imsejħa hekk mid-dilettanti tal-festa. Jiġifieri kull tip ta’ armar magħmul mill-injam: KOLONNI/kanolli (metatesi) kbar u żgħar; PILANDRI; GASTRI; ARKIJIET jew ARKUNI; xi PLANĊIER/palk tal-banda; TROFEJ u jista’ jkun oħrajn. F’din il-fażi, l-armar ta’ barra jibda jidher sew, aktar milli wieħed jilmaħ xi arbli u antanjoli. Il-lokal jibda jieħu ċertu tiżjina minnu nnifsu. Ikun għalhekk li dawn ġeneralment jintramaw fi spazji miftuħa biex jimlew, u  allura, f’wesgħat, f’xi misraħ, u jekk aktar, imsieraħ,  u li l-qofol tagħhom, ikun ħdejn il-knisja fejn qed issir il-festa.

Hawn se nieħu l-ewwel għamla ta’ kolonna, dik li fuqha titpoġġa statwa. Immela, din il-kolonna minn ġewwa jkollha bħala ANIMA jew sapport biex ma xxaqlibx lejn xi banda. Dan ikun SERRATIZZ tawwali li r-ras tiegħu tkun ġol-iSKAZZA  li jibqa’ tiela’ sa kważi nofs il-kolonna. Biex is-serratizz ma joqgħodx jilgħab u l-kolonna tibqa’ soda, wkoll, meta xi ħadd jistrieħ magħha, dan jgħaddi mit-TUPPANI (singular: tuppan) li jkunu jixbhu lil tilar/frejm li jdur min-naħa ta’ ġewwa tal-partijiet tal-kolonna iżda b’toqba kwadra f’nofsu, kemm jgħaddi s-serratizz.

Biex inkun semmejt il-partijiet prinċipali tal-kolonna, ngħid u nagħti tifsir ta’ dawn: it-TARĠA, li tkun magħmula skont id-diżlivell tat-triq biex iz-ZUKKLATURA (l-bażi) li titqiegħed fuqha, tkun invellata u fis-sod, kif ukoll biex tipproteġi z-zukklatura nnifisha mit-tinwir fl-injam minn xi elementi, bħall-ilmijiet fl-art. Fuq iz-zukklatura, titqiegħed it-TROMBA li tkun il-parti prinċipali tal-kolonna u tkun iddisinjata b’ xi PANEW u skultura fl-injam jew fajber. Fuqha mbagħad tiġi lPEDESTALATURA jew PEDESTAL li titlaq mill-wisgħa tat-tromba u tinstilet għall-qies tal-PEDANA – il-qiegħ tal-istatwa.

Dal-aħħar saru jikkommissjunaw – mill-ġbir tal-parruċċani jew membri ta’ każin – kolonni mdaqqsin li jieħdu fuqhom kull għamla ta’ istatwi tant li jkollhom fuqhom xi erba’ figuri jew aktar. Saħansitra tant ikunu goffi li jekk jintramaw f’nofs it-triq, it-triq tingħalaq għalkollox, qishom musulew.  L-armar ta’ dawn il-kolonni jitlob li jintrama xi tip ta’ scaffolding madwarhom, filwaqt li għall-kolonni żgħar ma jitolbux daqstant diffikultà.

U xi ngħidu għall-iskultura li jkun fihom u allura l-flejjes li jintefqu fuqhom!!

IL-PILANDRA

Mal-fażi tal-injam insibu l-PILANDRA. Dwar din il-kelma, pilandra, irrid ngħid li meta qallibt fid-dizzjunarju ta’ Aquilina, sibt li jagħtiha bħala ‘piramida’ u ‘piramda’ fl-istess ħin. Ukoll fid-dizzjunarju ta’ Mario Serracino-Inglott meta tmur fuq il-kelma pilandra jgħidlek ara ‘piramida’. Ngħid is-sew ma nafx x’għandha x’taqsam jew x’relazzjoni hemm bejniethom u kif il-kelma tispiċċa hekk. Nifhem li tista’ tkun ‘metateżi’ imma t-tifsira hija totalment diversa u lanqas ma nara li hemm xi xebħ  bejniethom.

Intant, din il-fasla ta’ kolonna għandha għamla tawwalija u dejqa li qisha xeħta travu wieqaf, bir-RUŻUN jew BRAZZ TAD-DAWL fuqha. Dari d-dwal kienu jkunu tazzi tażżejt, kif muri tajjeb fl-iskizz. Iżda minn meta daħal id-dawl elettriku bdew jinxtegħlu bil-lampi kuluriti. Imma dari, meta d-dawl kien nieqes, il-pilandri bit-tazzi taż-żejt kienu jispikkaw immensament.

Għalkemm f’xi xaqlibiet id-dawl ikun bla ebda tiżwiqa, bnadi oħra – fejn il-lok jirkaċċa – ngħidu aħna, ħdejn il-knisja, dawn ir-rużuni, minnhom infushom kien, u llum għadhom, ikollhom disinn figurattiv b’għażla ta’ kuluri li tpaxxi l-għajn. Il-pilandri jintramaw ġeneralment bejn kolonna bi statwa fuqha u oħra, iżda dari kont tarahom mat-triq kollha biex jarmu d-dawl. Illum jintużaw il-FESTUNI li jiddendlu tul it-triq kollha biex id-dawl jinfirex aktar, biż-żieda ta’ floodlights fil-pjazez ppopolati.

Illum dawn il-pilandri, li ma jkollhomx din il-għamla dejqa u tawwalija, aktarx li ma jissejħux pilandri għax qed ikunu kolonni goffi daqs tal-istatwi li flok ikollhom statwa, ikollhom brazz kbir ħafna b’disinji eleborati, lewn id-deheb jew fidda, u globi flok lampi li jkunu maestużi ħafna u jagħmlu sabiħ ħdejn il-knisja, għax hawn ikun l-aktar mkien li jixirqilhom.

IL-GASTRA

Għamla oħra ta’ kolonna hija l-GASTRA, li l-istess, barra z-zukklatura u tromba, fuqha jkollha QASRIJA. aktar imlaħħma fil-wisgħa tagħha Din tkun imżejna bil-friegħi tal-palm u r-rand u għal dan il-għan ikollha t-toqob fejn jidħlu dawn iz-zkuk. F’xi nħawi tarahom bil-brazz jew rużun fin-nofs, qalb il-palm.

Ta’ min jgħid li palm u r-rand jintużaw mhux ħażin fil-festi Maltin u dari kienu jintużaw ġmielhom bħala kanizzati tul xi triq prinċipali jew mad-daħliet tal-bibien tal-knisja biex jagħtu d-dehra ta’ festa, barra li l-liedna, kif semmejna diġà,  tgħatti l-wajer tad-dawl biex ma jidhirx ikrah.

Għadni nara weraq tar-rand flimkien ma’ weraq ieħor u xi fjuri mitfugħin fl-art f’xi purċissjonijiet ta’ Corpus u fit-translazzjoni ta’ festa bħal f’Ħal Tarxien li kif inhi l-użanza kullimkien, toħroġ lejlet il-festa filgħaxija meta ssir trasportazzjoni tar-relikwa minn knisja filjali għall-parroċċa.

L-ARK

Nittanta ma tantx nikteb ħafna fuq dan l-għadd biex ma nisraqilkomx tant l-attenzjoni ta’ dan l-ark b’dehra gradjuża li tpaxxi l-għajn. Mad-daqqa t’għajn, dan l-ARK TRIJONFALI mill-ewwel jitqies bħala veru trijunfali, mix-xeħta tal-faċċata imponenti li għandu, fuq stil Gotiku. Huwa artistiku tabilħaqq! Jagħti lemħa sew lid-daħla tal-bieb ewlieni taċ-ċimiterju ta’ SS. Marija Addolorata. Dan l-ark huwa, jew aħjar kien, tal-Isla, għax kien intradam bil-gwerra tal-1939-1945.

Minnu kienet tgħaddi l-purċissjoni tal-Bambina u fih biċċa armar ġmielha.

Skont ma jingħad,  dan ma kienx l-uniku wieħed fi gżiritna, iżda li għadni nara llum, huwa dak tal-Furjana u r-Rabat (mingħalija). Ma ngħidx li m’hawn iżjed. Li ngħid hu, li llum, huwa kważi impossibbli li jkollok din il-għamla ta’ arkijiet armati fit-toroq b’tant traffiku li dewwed kullimkien.

JISSOKTA