L-Arbli, Bomi u Antarjoli.

Kitba ta’ Saviour Camilleri. Disinji oriġinali ta’ Pio Mangion. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara  Vol 9(2011) Nru. 4. Id-disinji ġew editjati minn ilmiklem.com biex jidhru aħjar fuq l-internet.

Din il-ħannieqa ta’ artikli, miġbura flimkien u bi skizz biswitha, tittratta t-terminoloġija użata fl-armar u t-tiżjin ta’ barra fil-festi Reliġjużi Maltin.  Għandha l-għan li tiġbor il-kliem tekniku kollu possibbli biex barra li jsir magħruf mill-qarrejja, dan il-kliem ma jintilifx mal-medda tażżmien – għax il-miktub mhux maħrub.

Barra li permezz tal-iskizzi ridt nerġa’ nagħti l-ħajja lil dawn it-termini minsija, jew forsi mhux daqshekk magħrufa, xtaqt ukoll inlaħħamhom permezz ta’ artikli fejn dawn l-istess kliem isib tabilħaqq it-tifsira tiegħu f’kuntest li jinftiehem.  Il-kliem li nixtieq niġbed l-attenzjoni għalih qed nenfasizzah b’tipa grassa.

Biex il-Malti jżomm sħiħ id-damma ta’ kliem li ssawwar mal-medda taż-żmien, kliem li ma tantx jingħad min-nies komuni għax forsi n-nies ma tantx huma midħla tiegħu – bħalma hu dan il-vokabularju – issa li se nsiru nafuhom, tajjeb li nibdew nirreferu għall-oġġett bl-isem proprja tiegħu.

Qassamt din is-sensiela f’erba’ fażijiet, kif inhu korrett, jiġifieri: arbli, kolonni, statwi u drapp għax hekk jibda u jispiċċa l-armar; u bil-maqlub meta jiżżarma.

Ngħid li kienet biċċa xogħol għalija biex niġbor dan il-kliem tekniku u nfittex min jista’ jħożżli dawn l-iskizzi li mingħajrhom ma stajtx nippreżenta dan il-proġett. Wara li ġbart il-kliem kollu possibbli mort f’ diversi nħawi biex inqabbel l-istess lessiku, bħal Ħal Tarxien, Ħal Qormi, il-Birgu, u l-bqija.

Ngħid ukoll, li huwa l-waqt propizju li jinġabar dan il-lessiku minn fomm dawk li għadhom dilettanti tal-festi, għax għada jista’ jkun tard wisq biex issib nies bħal dawn li jagħtu ħinhom u saħnasitra jikkontribwixxu,  mingħajr xejn ma jintradd lura, għajr biss, is-sodisfazzjon.

Din il-ġabra ta’ kliem għandha tkun interessanti kemm għal dawk li jħobbu l-folklor, kemm għal dawk dilettanti tal-festi u aktar u aktar għal dawk id-dilettanti tal-festa fuq l-armar ta’ barra li jista’ jagħti l-każ li huma stess jieħdu ħsieb l-armar.

Inrodd ħajr qabelxejn lis-Sur Pio Mangion tad-disinji eċċellenti li għamel, lis-Sur Ġużi Gatt, li kien hu li tani l-idea ta’ dan il-proġett, l-istatwarju Renzo Gauci, u lil kull min avviċinajt u għeni.

L-Ark tal-Isla, fi żmien ieħor, meta kien għadu jintrama.

L-ARBLI FUQ IL-BJUT

Daqs xahar u nofs qabel jiem il-festa, wieħed jibda jinnota xi arbli u antanjoli (antarjoli) mtellgħin f’posthom fejn kienu fis-snin ta’ qabel, u xi tnejn oħra ġodda jiżdiedu wkoll. L-arbli ta’ fuq il-bjut u fuq is-swar jittellgħu fil-post apposta fejn id-dilettanti jkunu ħasbu għalih minn qabel biex ma ssirx ħsara lill-istruttura tal-binja.  L-arblu ta’ fuq il-bejt jitqiegħed mal-BLATA.  Il-blata tkun blokka konkrit b’xibka tal-ħadid fiha, biex magħha jinħakem l-arblu – ġeneralment din qatt m’għandha tkun nieqsa meta arblu ta’ ċertu tul se jintrama fuq bejt ta’ dar.

Biex arblu jkun meqjus armat u komplut b’kollox irid ikollu l-FRONTISPIZJU u l-PUPRESS. Il-frontispisju (fondispisju) hija struttura fil-ġebla b’ xi lavur  jew riljiev fid-dimensjoni kollha tagħha b’tema li tissodisfa x-xewqa tad-dilettant jew partitarju li jkun. Din l-istruttura tkun fuq il-faċċata taħt l-arblu eżatt, maċ-ċinta tal-bejt, li allura, barra li sservi biex tgħatti l-blata nnifisha – għax din waħedha tkerrah meta taraha mit-triq – tagħti maestà lill-arblu nnfisu, l-aktar jekk ikun twil u mislut sabiħ. L-arblu jagħti dehra isbaħ jekk ikollu pupress li hu bħal kanna ħoxna tal-ħadid li tisporġi ‘l barra miċ-ċinta tal-bejt, u biex il-pupress ma jagħtix dik id-dehra mhux mielsa, fit-tarf, bħala ornament, ikollu LABARDA ċkejkna. Il-pupress iservi biex wieħed millVENTIJIET tal-arblu jaqbad miegħu ħalli jżommu wieqaf u dritt. L-arblu  jkollu mill-inqas tliet ventijiet oħra jew SARSI.

Fuq l-arblu sewwa tintrama kull tip ta’ LABARDA jew ornament ieħor bħall-pinnur jew ‘nomine di maria’ eċċ… li ġeneralment jirrapreżenta aspett mill-ħajja jew il-matirju tal-patrun/a qaddis/a tal-lokal. Jista’ jagħti l-każ li flok dawn, jitqiegħed GLOBU. Dan jibda jinxtegħel ukoll minn xi ġimgħat qabel, u l-kulur tad-dawl ivarja skont ma’ liema xaqliba jkun jagħmel il-partitarju. Dan jgħodd biss fejn hemm aktar minn partit wieħed f’festa waħda. Tittella’ ukoll GIRLANDA li għandi nifhem tkun taqbel mal-istess kulur tal-globu. Naturalment biex l-arblu jkun jidher fl-aħjar dehra, ikun tqalfat u miżbugħ kemm-il passata jekk kellu bżonn. Insomma dan ikun armat minn kollox bl-aċċessorji biex jiem qabel il-festa tibda tidher xi bandiera.

Fl-jiem tat-tridwu, novena jew kwindiċini, tibda tittella’ bandiera u tibqa’ hemm tul dawn il-jiem li jkunu bi tħejjija għall-festa u ġeneralment il-bandiera tkun ta’ Malta, tal-Papa, jew tar-Reliġjon (ħamra b’salib abjad). Filgħaxija jkun hemm min itella’ l-festun tad-dawl li barra li jkollu bozoz bojod jista’ jżewwaqhom bil-kuluri tal-lokal jew kulur-aspett minn tal-patrun/a. Meta mbagħad tidħol il-festa sewwa, jiġifieri l-aħħar tlitt ijiem il-bandieri jkunu ta’ ċertu preġju u waħda tkun aħjar minn oħra sakemm f’nhar il-festa tittella’ l-aqwa u l-isbaħ bandiera li jkollu d-dilettant li tkun tiffigura aspett prinċipali mill-ħajja tal-patrun/a. Hemm min nhar il-festa mal-bandiera jtella’ żigarella li jekk jinzerta riħ ħafif tagħmel sabiħ tittajjar ftit tul aktar mill-bandiera.

APPARAT U AĊĊESSORJI UŻATI FL-ARMAR TAL-FESTA TA’ BARRA

Waqt l-armar jintużaw kull tip ta’ aċċessorji: minn ħbula sa paranki. Ngħidu aħna, LENZA (lenez) jew SIEGLA (swiegel/siegli),  VENTIJIET u wajers tal-azzar jew fildiferru, BZIEZEL jew BUZZELLI, u PASTIEGI li jitwaħħlu bil-lest għat-tlugħ ta’ kull tip ta’ armar. Il-passaperla u l-ispag ma jonqsux u dejjem ikunu fil-qabda. Sa PARANKI u BOMI jintużaw biex jittellgħu fuq il-kolonni statwi kbar fl-iljieli viċin sewwa tal-festa.

Infisser ftit it-terminoloġija: LENZA  jew SIEGLA huma ħbula li ma jkunux ħoxnin, u li jintużaw għat-tlugħ ta’ xi drapp, bħal ngħidu aħna xi bandalora; BUZZELL, huwa l-qafas li fih ikun hemm it-TARJOLA/TALJOLA li minnha jgħaddi l-ħabel biex jittella’ d-drapp; PASTIEGA hija buzzell imdaqqas għal aktar toqol; PARANK hu apparat b’aktar minn tarjola waħda, użat biex jerfa’ affarijiet tqal ħafna.  Per eżempju, fl-Isla tittella’ statwa kbira ta’ Malta Rebbieħa fejn jintuża parank imqabbad ma’ vent tal-azzar u li jikkonsisti f’sistema ta’ tarjoli b’ċimi għaddejjin minn ġo fihom u li dawn kollha flimkien mal-vent, ikunu qed jaqsmu t-triq prinċipali.  Tarf wieħed taċ-ċima, li jkollha ganċ kbir, jintelaq lejn l-art biex l-istess ganċ jidħol f’ħolqa li tkun f’dahar l-istatwa. Imbagħad, fl-lejlet il-festa, billejl, ċorma rġiel mill-art, wara li JIMBRIGAW l-istatwa sewwa, jiġbdu għalenija ċ-ċima, u l-istatwa tibda tielgħa bil-mod,  waqt li oħrajn fuq kull naħa tal-bjut jidderieġu l-istatwa biex tiġi għan-nofs tal-kolonna u xi tlitt irġiel oħra, fuq il-kolonna, jidderieġu l-istatwa biex titqiegħed f’postha sewwa, fil-BOKKA.

Il-Birgu, għal dan il-għan, jużaw il-boma (arblu oħxon imqabbad mal-ħajt tas-sur bil-ħbula, biex permezz tiegħu wkoll itellgħu l-qaddis tagħhom. Oħrajn jużaw xi krejn jew GRUWA (apparat ieħor)  li jtella’ l-istatwa permezz ta’ winċ jew IMRADD. Malli l-istatwa tkun waslet biex titqiegħed fil-post sewwa, tisma’ min jgħajjat vira (tella’), jew majna (niżżel) sakemm l-istatwa titqiegħed f’postha sew u tkun fiż- żgur.

Fl-armar insibu aċċessorji oħra bħal: VAJLORI/VAJROLI, RADANĊI, QAJD/XIKEL (qjud u ixkla), u STRINĠITURI (bottlescrews).

L-iskizzi ta’ dawn issibuhom aktar ‘l quddiem.

Mal-ħbula jkun hemm iċ-ĊUMBATURI li ġieli jduru mar-radanċi . Ta’ min jgħid li fil-ħbula tidħol is-sengħa ta’ ĊUMBATUR.

L-ARMAR TAL-ANTARJOLI

(antaljoli/antanjoli)

Wara li jkunu ttellgħu l-arbli ta’ fuq il-bjut u s-swar, ikun imiss l-arbli jew aħjar  l-ANTARJOLI (terminu eżatt) li jitqiegħdu fl-art biex magħhom ikun jista’ jitwaħħal, jintrama jew jiddendel armar ieħor. Kif għidna qabel, il-festa jkun baqgħalha xi ħames jew sitt ġimgħat għalkemm it-tul taż-żmien li matulu jintrama l-armar ivarja minn post għall-ieħor għax dan jiġi ddeterminat skont kemm hemm armar x’tarma.

Li ma għidniex fl-ewwel taqsima kien, li dan ix-xogħol jagħmluh nies voluntiera jew aħjar id-dilettanti tal-festa li minn issa ’l quddiem nirreferi għalihom bħala tali. Għalkemm f’daż-żmien ikunu fl-eqqel tax-xogħol tagħhom, dawn ‘il-ħbieb tal-festa, jkunu s-sena kollha għaddejjin bil-manutenzjoni jew joħolqu armar ġdid fl-imħażen tagħhom. Ix-xogħol tagħhom jibda bit-tqegħid tal-arbli ta’ fuq is-swar jew bjut (kif semmejna diġà) u jibqa’ sejjer sakemm jinħareġ u jintrama l-armar kollu, jiżżarma u wara jintrefa’ f’postu.

Mela t-tqegħid ta’ dawn l-antarjoli jibda, billi jitħaffru l-ħofor fl-art. Qabel fiż-żmien, il-ħofra jew toqba fl-art kienet issir manwalment; hawn min  jirreferi għaliha bħala l-BEJTA jew SKAZZA, bħall-Isla. Kienet  titħaffer bl-ISKARPELLINA, forma ta’ kanna ta’ ħadid mastizz li f’waħda mit-truf tkun ġejja bix-xafra u allura tinsinn biex tħaffer aktar, u fit-tarf l-ieħor kienet tkun bil-ponta biex tħammel. Iżda din l-iskazza jew it-toqba fl-art kienet titwessa’ aktar milli kien ikun hemm bżonn bit-tħammil tal-idejn. Ġara li dan l-aħħar dawn il-ħofor bdew isiru bil-jackhammer, jiddawru bil-konkos u jingħalqu b’tappiera tal-ħadid u hekk jiġu skont id-dimensjoni li joqgħod arblu jew serratizz. Forsi hu minn dan lat li issa wieħed beda jirreferi għaliha bħala ‘bejta’. B’din il-manjiera ġdida, ma jkunx hemm għalfejn li wieħed joqgħod iħammel kull darba, imma kemm jillieva t-tappiera u dritt jitqiegħed l-arblu; u dan barra li dak li jkun jiffranka wkoll li joqgħod ipoġġi madwar l-arblu dak il-ħafna injam li t-terminoloġija tiegħu tvarja minn IFILSA, KUNJARDI jew TAKKERIJA. Biex l-injam ikun sod madwar l-arblu ħalli ma jitħarrekx, tintuża MAZZA.

Niġu għall-antarjol fih innifsu. Dan jista’ jkun kemm tal-injam u kemm tal-ħadid, forsi dal-aħħar, aktar qed ikun tal-ħadid. Arblu tal-ħadid għandu l-vantaġġ li ma jaqsamx u għalhekk ma jkunx hemm il-ħtieġa li tqalfat u wara tiżbogħ. Iżda tal-ħadid ma jkunx mislut pulit – ġej għal xejn ‘taper’ – bħal dak tal-injam.

L-antarjol jintrama bil-labarda jew b’kull ornament ieħor fuq i-ras tiegħu bħall-arblu ta’ fuq il-bejt iżda mhux globu bid-dawl elettriku. Meta jitqiegħed f’postu, ikun lest  bis-SIEGLA (ħabel) u lBUZZELL biex miegħu tittella’ l-bandiera jew bandalora. Is-siegla tkun ħabel mhux oħxon ħafna u l-buzzell minn ġo fih ikollu TARJOLA (taljola) iddur biex jittella’ d-drapp.

Ladarba l-antarjoli jkunu f’posthom, jibdew jitwaħħlu magħhom l-ventijiet biex jiddendel id-dawl elettriku msejħin FESTUN/FESTUNI u jekk b’figura dekorattiva, mela RUŻUN/RUŻUNI. F’dan l-istadju wkoll jitwaħħlu l-ventijiet fit-toroq li magħhom se jiddendel id-dawl (festuni) jew xi drapp tal-festa. Tul il-festuni ġeneralment tkun għaddejja LIEDNA fejn dari kienet tkun tal-ħaxix veru, illum artifiċjali. Dan biex il-festun ma jkunx jidher bħala wajer għeri imma b’tiżjina fl-istess ħin.

AKTAR AĊĊESSORJI UŻATI FL-ARMAR TAL-FESTA:

JISSOKTA