Waqt li kien għaddej ix-xogħol ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, inkixfet ħofra u ġebla li l-istoriċI ddikjaraw li kienet il-ħofra li fiha l-Kavallieri fi żmien l-amministrazzjoni tagħhom kienu jużaw għall-arblu ta’ Mejju. 

Kitba ta’ George Cilia. L-Artiklu deher l-ewwel darba fl-Imnara 2012, Nru. 36.

Illum din il-ħofra ġiet mgħottija bi ħġieġa b’iskrizzjoni bil-Malti u bl-Ingliż fuq plakka tar-ram li tgħid: “Din il-ġebla kienet tintuża fil-jiem tal-Karnival biex tintlagħab il-kukkanja fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann.  Din instabet f’Ġunju 2009 waqt xogħlijiet ta’ tisbiħ ta’ Misraħ San Ġorġ“.

Meta daħlet il-logħba tal-arblu ta’ Mejju ma nafux eżatt.  Ħafna għadhom jiftakruh sewwa għax sa wara l-aħħar gwerra (1940-1943) kien baqa’ jsir ‘l hawn u ‘l hinn f’okkażjonijiet ta’ festa u ta’ xi fiera.  Mhux bilfors kien isir fix-xahar ta’ Mejju, għalkemm jissejjaħ l-arblu ta’ Mejju.  Din id-drawwa divertenti kienet fl-aqwa tagħha mal-mitejn u erbgħin sena ilu, sewwa sew fi żmien il-Gran Mastru Pinto (1741-1773) meta flimkien ma’ xi mistednin, fosthom l-Inkwiżitur, il-membri tal-Kunsill u xi Kavallieri joħorġu fil-gallarija tal-Palazz biex jassistu għal din ix-xena.  Madankollu jibqa’ l-fatt li wisq qabel kienet diġa’ bdiet issir xi ħaġa tixbaħhom hawn Malta, għax fis-seklu sbatax, bejn l-1660 u l-1680 il-Gran Mastru Cottoner kien jifraħ bil-festa tal-Arblu ta’ Mejju.

Xi deskrizzjonijiet jgħidulna kif lejlet l-ewwel ta’ Mejju, u mhux nhar l-ewwel tax-xahar, kien isir id-divertiment mistenni wara nofsinhar.  Kienu jidħlu għal dan il-logħob xi qalbiena li jaraw kif se jitilgħu għal dak l-ikel u x-xorb li jkun hemm fil-quċċata mal-arblu.  L-arblu hekk imsejjaħ ta’ Mejju kien jikkonsisti f’arblu oħxon, mill-itwal, arbulat f’nofs il-Pjazza tal-Belt, dritt quddiem il-Palazz tal-Gran Mastru.  Fuq nett bandiera żgħira tperper mar-riħ, filwaqt li jkun hemm ukoll ċirku mdendel orizontalment bil-ħbula, u bl-ikel marbut maċ-ċirku.

Imdendel kien ikun hemm supressat, ġbejniet, zalzett, xi fenek, flixkun inbid, u borża tal-flus – premju sabiħ għal dawk iż-żminijiet.  Il-konkorrenti qalbiena jagħmlu ħilithom biex jaslu sal-bandiera; min jittajjar, min jaħbat, min jitħabat, min jiċċaqlaq, min jixxengel, u min jgħajjat.  Kien ikun hemm għors liema bħalu; il-ġgajtiet jiftiehmu kif se jaslu għal dak l-ikel, wara ħafna qabżiet li jippruvaw bla suċċess, dejjem jiżolqu għax l-arblu jkun midluk bix-xaħam.  Fl-aħħar jagħmlu għoqod u ngases biex magħhom il-qalbiena jqabbdu saqajhom u b’hekk, wieħed wara l-ieħor, jitilgħu sa ma ta’ fuq jaqbad il-bandiera fost iċ-ċapċip tan-nies.

L-istoriku u kittieb Dun Ġużepp Farrugia, fil-ktieb Id-Drawwiet tal-Maltin (1909) jikteb hekk fuq l-arblu ta’ Mejju:

Fih tassew biex wieħed jixxiegħel malli tara qatgħa rġiel jiżolqu addoċċ huma u telgħin mal-arblu midluk bix-xaħam u jitgerbu fuq xulxin.  Meta dak li jkun, ħafif daqs għasfur, jirnexxielu bit-tielgħa u bin-nieżla, u wara ħafna tqanżiħ u tbatija, jitla’ sal-quċċata u jaħtaf il-bandiera, l-ewwel ma jagħmel jaqbad il-flixkun tax-xorb, ilegleg boqqa ġmielha, u mbagħad għal isfel iwaddab fuq sħabu kemm ħwejjeġ tal-ikel ikun hemm imdendlin, u jsir għors li ma bħalu.

FI ŻMIEN L-INGLIŻI

Fl-ewwel snin tal-ħakma Ingliża nsibu li nhar l-4 ta’ Mejju, 1814, il-Gvernatur Sir Thomas Maitland (1813-1824) ħareġ proklama li biha ħabbar tlett ijiem festi b’tifkira tar-rebħa li kellhom l-alleati, fosthom l-Ingilterra, fuq Napuljun Bonaparti, u billi mal-bidu ta’ dan ix-xahar kien isir is-soltu divertiment tal-arblu, Maitland ittrasferih għall-ewwel jum tal-festi, biex dan il-logħob popolari mal-Maltin ikabbar l-entużjażmu tar-rebħa Brittanika.

Il-Gvernatur Sir William Reid (1851-1858) kien ordna d-divertiment tal-arblu ta’ Mejju fl-anniversarju tal-festi tal-Imperu Ingliż.  Il-Gvernatur kien isostni li l-Maltin għatihom id-divertiment – panis et circensis, u joqgħodu kwieti.

X’NIFTAKAR

Jien niftakar sewwa s-snin erbgħin, meta l-ħajja bdiet ġejja għan-normal wara t-tifrik tal-gwerra.  Il-kottonera kienet l-aktar li sofriet, b’telf ta’ ċittadini u opri storiċi u artistiċi.  Kienu reġgħu bdew jiġu organizzati fieri għall-ġbir ta’ flus b’risq il-festi titulari, u fix-Xewkija, post li jagħmel mal-Kalkara, saret fiera b’logħob għat-tfal u għall-kbar.  Jispikka fin-nofs kien hemm l-arblu ta’ Mejju.  Okkażjoni oħra, imma għall-istess skop, kienet ġo Pjazza Santa Margerita.  Ħafna kienu l-qalbiena li ppruvaw jaslu sa fuq nett, iżda ħadd ma rnexxielu.  F’daqqa waħda jitfaċċa tifel li pprova jitla’ mal-arblu, u bi ftit għajnuna minn sħabu wasal sal-quċċata, laħaq il-bandiera, u rebaħ l-ikel kollu li kien hemm.  L-ispettaturi, fost iċ-ċapċip u l-għajjat ferrieħi, entużjażmaw qalbhom u bdew jistaqsu dak it-tifel min kien. Xi ħadd mill-folla għajjat li dak kien mill-Birgu, t-tifel ta’ Ċensu, magħruf bħala Ċensu l-Vesa.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn qatt ma niftakar li rajt arblu ta’ Mejju ieħor f’xi post f’pajjiżna.  Imma dawn l-aħħar snin reġa’ beda’ jiġi organiżżat għall-Karnival.  Nagħlaq b’żewġ strofi mis-sunett tat-tabib Ġan Franġisk Bonamico, versi li għadhom friski wara tliet mitt sena:

Mejju ġie bil-ward u ż-żahar

Għadda l-bard, ix-xita u l-beraq

Tgħattiet l-art bin-nwar u l-weraq

Heda r-riħ, siket il-baħar.

 

Tar is-sħab minn wiċċ is-sema

Sa fl-iġbiel nibtet il-ħdura

Reġgħet tgħanni kull għasfura

U fil-ferħ kull qalb tirtema.

 

© George Cilia

Nota tal-Editur: L-arblu ta’ Mejju jew il-Kukkanja?

Hu interessanti li nies ta’ ċertu eta’, l-aktar jekk ikunu mill-ibliet tal-Kottonera, jirreferu għall-arblu tal-kukkanja bħala l-arblu ta’ Mejju, mqar jekk ħadd minnhom ma jiftakar li dan l-arblu fi żmienhom qatt intrama għall-ewwel ta’ Mejju.   Dik li tissejjaħ il-CALENDIMAGGIO hi tradizzjoni u drawwa qadima li għadha magħrufa ħafna fl-Italja tal-lum.  Il-festi li jsiru fiha huma marbuta max-xahar ta’ Mejju, u mal-qawmien mill-ġdid tan-natura mir-raqda tagħha tax-xitwa.  F’dawn il-festi jkun hemm l-ikel, u l-frott, u l-ward, u anke arblu twil li miegħu isir ħafna logħob, u li fl-aħħar mill-aħħar hu simbolu falliku.

Issa hu magħruf li l-Calendimaggio kien jiġi ċċelebrat anke f’Malta ta’ żmien il-Kavallieri.  Fl-artiklu tiegħu The Music of the Knights[1] Joseph Vella Bondin jgħid li nhar l-aħħar ta’ April, għall-ħabta ta’ nżul ix-xemx, fuq palk armat f’Misraħ San Ġorġ kienet tindaqq kompożizzjoni mużikali, msejħa Cantata, li tkun inkitbet apposta għall-Calendimaggio minn xi kompożitur magħruf Taljan ta’ dak iż-żmien.  Il-mistieden tal-unur kien ikun il-Gran Mastru. Minn dawn il-kompożizjonijiet, jgħid is-Sur Vella Bondin, għandna waħda għal kull sena bejn l-1720 u l-1777.  Imma hemm ukoll manuskritt ta’ Cantata oħra li nkitbet għas-sena 1713.  Jiġifieri l-festi tal-Calendimaggio f’Malta jmorru lura mill-inqas sa dak iż-żmien.

L-istudjuz Malti Giovan Francesco Buonamico, li twieled fil-Belt Valletta fl-1639, u li kien it-tabib u l-kunsilleri tal-Gran Mastru Nikola Cottoner (1663-1680), kiteb ġabra ta’ poeżiji bil-Latin, u ddedikaha lill-Gran Mastru.  Fosthom kien hemm ukoll waħda bil-Malti, li sa ma nstabet il-Cantilena ta’ Pietru Caxaru, kienet l-eqdem kitba bil-Malti magħrufa għal ħafna żmien. In-nies jafuha bħala “Mejju Ġie bil-Ward u ż-Żahar” u joħroġ ċar li l-poeżija tfaħħar lil Mejju, u ssemmi l-qawmien mill-ġdid tan-natura f’dan iż-żmien.  X’aktarx li nkitbet biex tinstema’ jew tinqara għall-Calendimaggio, u jekk inhu hekk, dawn il-festi jmorru lura aktar mis-seklu 18.

Kif għidna, l-cantata kienet titkanta fit-30 t’April, qabel inżul ix-xemx.  L-għada filgħodu, l-ewwel ta’ Mejju, fl-istess pjazza San Ġorġ, kien jintrama l-arblu ta’ Mejju.  F’artiklu ieħor, Teatro e Folclore a Malta nel Secolo Decimottavo miktub minn J. Eynaud fl-1973[2] jissemma wkoll dan l-arblu, u J. Eynaud jirreferi għalih bħala ‘l-albero di Maggio’ o ‘la cuccagna’,  biex allura hawnhekk nistgħu norbtu l-Arblu ta’ Mejju mal-Kukkanja tal-lum.  J. Eynaud jikkwota wkoll lil Achille Ferris li, tajjeb jew ħażin, kien qal li l-arblu tal-Kukkanja kien daħħlu f’Malta il-Gran Mastru Zindadori (1720-1722)[3].

Mela r-rabta tal-Kukkanja mal-Calendimaggio u x-xahar ta’ Mejju hi ċara.  Imma daqshekk ieħor hi qadima r-rabta tal-Kukkanja mal-Karnival.  Dr. Injazju Saverju Mifsud, li twieled għall-ħabta tal-1722, hu l-aktar magħruf għal xi priedki bil-Malti miktuba f’xi manuskritti li ħalla warajh.  Imma dan Mifsud ħallielna wkoll fil-Biblijoteka erbgħa u għoxrin volum manuskritt, msejħa Stromati, li fihom niseġ nisġa ta’ tifkiriet tiegħu  dwar ġrajjiet li seħħew f’Malta fi żmienu.  Issa dan Injazju Saverju Mifsud kien dilettant kbir tal-Karnival, u ma naqasx li sena wara sena, jsemmi xi jkun sar fil-karnival tal-Belt fi żmienu.  Il-Kukkanja tissemma għal sena wara l-oħra.  Nhar it-Tnejn tal-Karnival, 25 ta’ Frar, 1754, kienet għamlet ħafna xita.  Imma l-Kukkanja saret xorta.  Skont Mifsud, l-uniku ntopp li nqala’ kien li dawk li kien moħħhom biex jitilgħu mal-arblu, iddejqu jistennew ix-xita tieqaf, u meta ma setgħux jissaportu aktar, ħebbew għall-għassiesa għassa mal-arblu, tajruhom min-nofs, u taw is-salt biex jitilgħu għal dak l-ikel u x-xorb imdendel fil-quċċata minkejja li kien għadu ma ngħatax is-sinjal[4].

Jidher għalhekk li l-Kukkanja kellha l-bidu tagħha mal-festi tal-ewwel ta’ Mejju, il-Calendimaggio, imma li kmieni ħafna bdiet issir ukoll fil-Karnival u f’xi festi u fieri oħra.  Għalkemm ir-rabta ma’ Mejju issa ilha li ntilfet, għax iċ-ċelebrazzjoni tal-Calendimaggio ilhom li ntemmu fostna, ħafna nies, l-aktar jekk ikunu mill-Kottonera, baqgħu isejħu lil dan il-logħob “l-Arblu ta’ Mejju”.

L-Editur

 

[1] Melita Historica, Vol XII, Nru. 4, 1999,  pagna 384.

[2] Melita Historica, Vol VI, Nru 2, 1773, pagna 154.

[3] Memorie dell-Inclito Ordine Gerosolimitano nelle isole di Malta, Malta, Busuttil, 1881, pagna 258.

[4] John J. Cremona, The Carnival of Malta, Melitensium Amor, Festschrift in honour of Dun Ġwann Azzopardi, Malta, 2002.