F’dan l-artiklu issa se nagħti titwila lejn L-Aħrax tal-Mellieħa, art pjuttost qrib Kemmuna u mifruda minnha permezz ta’ medda baħar li tissejjaħ Il-Fliegu ta’ Kemmuna jew Il-Fliegu ta’ Malta – skond mnejn tħares lejha. Jekk inqisu li fuq mappa l-gżira ta’ Malta tidher qisha xbieha ta’ ħuta, naraw li denbha mhux għajr il-peniżola kbira u tawwalija ta’ L-Aħrax (kif jafuh il-Melliħin) filwaqt li l-Port ta’ Marsaxlokk (sewwasew mat-tarf l-ieħor tal-gżira) donnu ħalq il-ħuta. Għax l-Aħrax huwa mdawwar bil-baħar tant li għoddu maqtugħ għal kollox mill-bqija ta’ Malta, li ma kienx għal għonq dejjaq ta’ art li jgħaqqdu mal-Mellieħa u l-inħawi tagħha. F’ħafna mapep, l-isem lokali jinqabeż għal kollox biex minfloku jidher l-isem ivvintat “Marfa Ridge” (nofsu Malti u nofsu Ingliż), aktarx ħlieqa ta’ xi kittieb barrani jew żball li baqa’ jiġi ikkupjat minn mappa għall-oħra. Iżda ejjew inżuru t-toponomastika tal-Aħrax aktar mill-qrib, nibdew bi vjaġġ madwar ix-xtut, qisna qed induru kontra d-direzzjoni ta’ l-arloġġ.

Kitba ta’ Alex Camilleri. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara 8(2005) Nru 29. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Ix-xtut tal-lvant u l-grigal

Tal-Imgħarrqa

Il-bidu tad-dawra tagħna madwar l-Aħrax jinsab sewwasew malli tħalli r-Ramla tal-Mellieħa, l-itwal ramla fil-gżejjer Maltin (li n-nies aktar jafuha bħala L-Għadira, minħabba l-għadira salmastra kbira li tinsab warajha u li llum hija mħarsa bħala santwarju tal-għasafar). Minn hawnhekk, It-Telgħa ta’ l-Aħrax (illum triq traffikuża) tilwi ‘l fuq lejn il-Marfa u ċ-Ċirkewwa, filwaqt li lejn il-lvant tiftaħ waħda mill-akbar daħliet ta’ baħar fi gżiritna: Il-Qala tal-Mellieħa. Biċċa ġmielha mix-xtut ta’ l-Aħrax tagħti għal fuq din il-qala, bi rdumijiet imponenti u sensiela ta’ daħliet ferm iċken. L-ewwel fost dawn id-daħliet hija Ir-Ramla ta’ Qassisu, kennija u mrammla, li llum isservi bħala xtajta privata ta’ lukanda kbira. F’tarfha kienet inbniet It-Trunċiera ta’ Qassisu fis-snin 1714-16, iżda minn din il-batterija għall-kanuni illum fadal biss ħjiel żgħir tal-pedamenti. U ftit passi ‘l bogħod tiftaħ L-Imgħarrqa (jew Tal-Imgħarrqa), kalanka tonda bi ġnub għoljin u b’bokka dejqa. L-inħawi ta’ madwar igħidulhom Ix-Xewkija , aktarx minħabba l-moxa taflija fejn ix-xewk jikber qatigħ. Id-difiża ta’ dawn ix-xtut minn xi żbark tal-għadu tidher li kienet kemmxejn ta’ uġigħ ta’ ras għall-Kavallieri fis-Seklu XVIII, għax apparti mit-trunċiera li semmejna, fl-1761 bnew ukoll Is-Sur (ismu miegħu) biex jaħkem taħtu l-plajja ħamranija (Taħt is-Sur) li twassal mit-tarf ta’ L-Imgħarrqa sal-bidu ta’ l-irdumijiet weqfin. Il-lewn ħamrani tax-xatt huwa dovut għad-depożiti Kwaternarji, saffi ta’ ħamrija iffossilizzata (li tbattmet mill-elementi fuq eluf kbar ta’ snin biex saret blat) li madwar l-Aħrax huma mifruxin mhux ħażin forsi aktar milli fi bnadi oħra tal-gżira.

Is-Sur

Matul din il-plajja niltaqgħu ma’ L-Irdum ta’ Qassisu (sies baxx, jekk tista’ tgħidlu hekk), u ma’ rkejjen imsejħin Tal-Keskesun u Ta’ Żamżam. Bi dritt din tal-aħħar, is-sur jogħla xi ftit peress li jaqsam wied żgħir; skond ma stajt nifhem mid-deskrizzjoni li ta Ġan Franġisk Abela dan huwa Wied il-Ħarrub. Ta’ Żamżam huwa l-aħħar xatt baxx fuq din ix-xaqliba, għax ftit metri ‘l hinn, il-blat jibda jogħla u jispikka L-Għar ta’ Żamżam, ħnejja naturali doppja bi ġnub weqfin sporġuti ‘l barra u b’għar dejjaq fil-baħar eżatt taħtha. B’xorti ħażina, dawn l-inħawi ħiemda sfaw imħarbta għal kollox fl-1988 meta kien inbeda l-bini ta’ moll li miegħu suppost kellu jibda jitrakka l-vapur t’Għawdex fil-maltemp, u nfetħu żewġ triqat għall-inġenji. Intefqu l-flus u saret ħsara kbira fil-post, tqiegħdu ħafna blokok tal-konkos fil-baħar, u saħansitra ntmessu xi biċċiet mis-sur storiku… biex wara kollox il-proġett miet fuq ommu u llum bqajna b’ġerħa kerha, għalxejn b’xejn. U ġaladarba l-post sar aċċessibbli għall-vetturi, daħlu problemi oħrajn li komplew ħawdu l-borma.

Il-Kappella tal-Madonna tal-Aħrax

Wara l-Għar ta’ Żamżam, il-blat kemmxejn għoli u wieqaf jidher imfellel minn xi ħamest għerien tawwalin u dojoq iżda mhux fondi ‘l ġewwa (pjuttost qishom xquq) li jissejħu L-Għerien tal-Parsott, mill-isem tal-inħawi. Malli taqbiżhom, issib il-blat imkisser ta’ Il-Parsott, li donnu tlaqqam hekk minħabba s-siġar tat-tin salvaġġ li jikbru ġox-xquq fondi. Minn hawn jibda Rdum ilmar, li jiddomina l-veduti mill-Mellieħa lejn l-Aħrax, u li jintgħaraf mill-kwantitajiet kbar ta’ tirxien (boulders) li waqgħu ‘l isfel għal ġol-baħar taħtu wara li ċeda l-blat għoli ta’ fuqhom. Fih ukoll xi rqajja’ żgħar ta’ tafal għeri li jkomplu jżewquh. Xatt il-baħar taħt dan l-irdum huwa mdawwar ‘il ġewwa u mibrum donnu qaws, bejn żewġ trufijiet maħruġin ‘il barra: il-Parsott fuq naħa u Il-Marbat fuq l-oħra. Jidher li dan il-post dari kellu ċerta importanza għax miegħu kien jitrabat l-irmiġġ għas-sajd tradizzjonali Malti (u Sqalli) tat-tonn b’metodu pjuttost imdemmi: it-tunnara. Fil-fatt, anke l-artijiet li jinsabu fil-viċin huma magħrufin bħala Tat-Tunnara. L-irdum jibdel ismu għal Irdum il-Ġriewi, fejn jidhru mux biss tirxien daqshiex (Is-Snien), iżda wkoll daħla ramlija tassew ċkejkna u ħelwa qalb il-blat ta’ taħt l-irdum, li tissejjaħ Daħlet ix-Xilep. L-inħawi ta’ madwarha ukoll igħidulhomTax-Xilep. Hawn tista’ tgħid wasalna f’Ras ix-Xilep jew Il-Ponta tal-Madonna, kap ewlieni fejn l-irdum jikser qisu kartabun u l-bokka wiesgħa tal-Qala tal-Mellieħa tiftaħ għal ġol-baħar miftuħ tal-Mediterran, sewwasew taħt il-kappella mwarrba tal-Madonna tal-Aħrax. Illum hemm biss kappella ġdida mibnija fuq stil modern. Iżda sa ftit snin ilu, ftit passi eqreb lejn xifer l-irdum, kien għadu jidher il-fdal ta’ kappella (jew niċċa kbira) oħra ferm eqdem, bl-imramma mikxufa tal-mazkan u l-ħamrija, u nofsha mġarrfa bħallikieku ntlaqtet minn xi sajjetta. Din għabet fix-xejn b’mod kemmxejn misterjuż fis-snin disgħin, u saħansitra l-pedament baxx tagħha donnu żvinta! Min jaf jekk il-ġebel misruq tagħha jinstabx f’xi ġnien privat? Nafu biss li fis-satra tal-lejl (biex ingħidu hekk) intilef monument storiku li kellu rabta folkloristika qawwija ma’ l-inħawi, tant li huwa mfakkar mhux biss fl-istess ponta ta’ taħtu, iżda wkoll fl-irdum ta’ biswitha (L-Irdum tal-Madonna) u fl-artijiet kollha tal-viċin: L-Aħrax tal-Madonna. Fuq waħda mit-tirxien il-kbar li jinsabu mal-ponta hemm imwaħħal salib tal-ħadid, bħallikieku biex ifakkar xi għarqa jew ġrajja oħra kerha bħalha.

 

Daħlet Ix-Xilep

Għar Iċ-Ċomb

Il-baħar miftuħ ta’ quddiem L-Irdum tal-Madonna l-ewwel jifnad bil-mod, iżda mbagħad xi nofs mil ‘il barra jerġa’ jitbaxxa u tintlaħaq Is-Sikka l-Bajda. Din aktarx hija l-akbar fost is-sikek ta’ madwar il-Gżejjer Maltin, u għalkemm ma tixrifx ‘il fuq minn wiċċ l-ilma, għandha firxa daqs il-gżira sħiħa ta’ Kemmuna, bħalma jidher sew minn fuq il-mapep tal-baħħara. Ix-xfar tagħha sbieħ għal min iħobb jogħdos biċ-ċilindri, u smajt li s-sikka nnifisha hija mfittxija għas-sajd minħabba li tagħmel il-ħut. Jekk inħarsu lura lejn l-art u nkomplu fejn ħallejna, nintebħu li hemm jintemmu l-irdumijiet kollhom tirxien u mill-ewwel tolqotna s-sbuħija ta’ Għar iċ-Ċomb, imrekken taħt sies għoli ġo daħla ta’ baħar iżraq. Ftit ‘il barra minn dan l-għar kbir u fond bil-qiegħ ramli, hemm ukoll ħnejja naturali mdaqqsa. Fil-qrib jeżisti Il-Minżel tar-Ramel, mnejn is-sajjieda kienu jixxabbtu mas-sies biex jaslu sal-baħar. U l-istess inħawi isibuhom bħala L-Aħrax tar-Ramal, aktarx minħabba li l-ħofor ta’ qalb ix-xagħri ta’ fuq is-sies huma mimlijin ramel, jew “ramal” skond il-Melliħin, li ttella’ mill-baħar f’xi grigalata qawwija. Minkejja li din ix-xagħra qegħda kemmxejn fil-għoli, m’hemmx dubju li xorta tintlaħaq mir-raxx tal-baħar, għax saħansitra l-blat huwa ferm eħrex minn ta’ bnadi oħra hekk li diffiċli timxi fuqu, filwaqt li fost ix-xtieli salvaġġi jibdew jidhru dejjem aktar ix-xorbett u oħrajn bħalu li jifilħu ħamrija mielħa u għaldaqstant ifittxu l-ambjent ta’ max-xtut. Sewwasew taħt l-istess irdum hemm skoll imdaqqas, aktarx il-fdal ta’ ħnejja oħra li mwieġ il-baħar l-ewwel ħolquha u aktar tard ġarrfuha. Aktar ‘l isfel, is-sies għoli jkompli jmajna sa ma fl-aħħar isir xatt baxx bi blat ippuntat. Il-Melliħin jafuh bħala L-Irdum iż-Żgħir, iżda dan l-isem (bħal bosta oħrajn) ma ssibux miktub.

Id-Dragunara

Minfloku, f’xi mapep tara stampat “Rdum l-Aħmar”, għalkemm dwar dan għandi nofs xamma li jista’ jkun żball li baqa’ jkun ikkupjat minn mappa għall-oħra; aktarx li mhux għajr verżjoni oħra ta’ l-isem “Irdum il-Ħmar” u ma jinsabx fejn hemm L-Irdum iż-Żgħir. Aktar lejn it-tramuntana, il-blat jerġa’ jogħla xi ftit u hemm xi għerien mal-baħar. U eżatt magħhom hemm mina naturali li twassal għal ġo xena li tassew tpaxxi l-għajn: Id-Dragunara, ħofra kbira u fonda mdawra bi ġnub għoljin li jkennuha għal kollox mill-baħar miftuħ. Xi ġeologi jaħsbu li kienet għar kbir fuq l-art li sfrundalu s-saqaf (għalhekk għandha għamla qisha borma kbira) u li, meta l-art ixxaqilbet, safa nofsu mgħaddas fil-baħar. Malli ddur mad-Dragunara, jilqgħek il-blat salvaġġ għall-aħħar tal-Ponta tal-Aħrax, ippuntat qisu skieken ħerġin mill-art. Dan minħabba li din ir-ras mhix biss l-aktar tarf ta’ Malta li jinsab imbiegħed lejn it-tramuntana, iżda wkoll wieħed mill-aktar mikxufin għall-qilla tal-baħar miftuħ. U qrib tad-Dragunara hemm ukoll Il-Minfes (ismu miegħu), għar baxx u dejjaq bis-saqaf mixquq (bl-Ingliż jissejjaħ “blowhole”) li joffri spettaklu sħiħ f’xi grigalata tajba, peress li qiegħed eżatt bi dritt il-grigal u minn ġo fih il-mewġ tal-maltemp jibda jfawwar u jispara ‘l fuq saħansitra ogħla minn erba’ sulari. Maġenbu hemm ieħor li għandu l-bokka tħares lejn il-majjistral.

JISSOKTA

(C) Alex Camilleri